Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Ħatra ta’ Kap Konsulent Xjentifiku

Commission Européenne - IP/11/1497   05/12/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Ħatra ta’ Kap Konsulent Xjentifiku

Brussell, il-05 ta’ Diċembru 2011 – Il-President Barroso llum ħatar lill-ewwel Kap Konsulent Xjentifiku tal-Kummissjoni, il-Professur Anne Glover. Il-Professur Glover se tagħti pariri xjentifiċi indipendenti u ta’ livell għoli matul l-istadji kollha tal-iżvilupp u t-twettiq tal-politika. Il-Kap Konsulent Xjentifiku se tagħti pariri direttament lill-President, u se tagħti aġġornamenti regulari dwar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ewlenin.

Il-President Barroso qal: "Ninsab kuntent li naħtar lill-Professur Anne Glover għall-kariga ta' Kap Konsulent Xjentifiku. Nemmen li l-isfond u l-kalibru eċċezzjonali tagħha se jġibu għarfien espert imprezzabbli lill-Kummissjoni. Għandha rekord b'saħħtu fit-tmexxija tas-Scottish Science Advisory Committee li ġegħelha tispikka fost il-kandidati għal din il-kariga."

Sfond

Il-President Barroso ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jaħtar Kap Konsulent Xjentifiku f'diskors lill-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Settembru 2009. Il-President Barroso personalment intervista firxa ta’ kandidati għall-kariga. Il-Professur Anne Glover se tirrapporta direttament lill-President. Se jiġi pprovdut appoġġ amministrattiv lill-Kap Konsulent xjentifiku mill-Bureau ta’ Konsulenti dwar il-Politika Ewropea (BEPA).

Il-funzjonijiet tal-Kap Konsulent Xjentifiku se jkunu kif ġej:

  • Li tagħti pariri esperti indipendenti dwar kwalunkwe aspett tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni kif mitlub mill-President;

  • Fuq talba mill-President, li tipprovdi analiżi u opinjoni dwar proposti ta' politika ewlenin sottomessi lill-Kulleġġ dwar kwistjonijiet tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni; b’mod partikulari, il-Kap Konsulent Xjentifiku se tipprovdi gwida awtoritattiva dwar l-interpretazzjoni ta' provi xjentifiċi fil-preżenza ta' inċertezza, u se tkun involuta f’ippjanar strateġiku ta’ emerġenza;

  • Li tibni relazzjonijiet ma’ gruppi konsultattivi ta’ livell għoli (eż. Il-Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka), il-Kumitati xjentifiċi tal-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE (l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard), il-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda;

  • Li tibni relazzjonijiet ma' strutturi simili fl-Istati Membri u pajjiżi oħra;

  • Li tagħti pariri dwar kwistjonijiet ġodda fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni li jqumu kemm f’kuntest tal-UE kif ukoll f’kuntest internazzjonali; li sservi bħala punt ta’ kondotta għal twissija bikrija dwar kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu meta progress xjentifiku jinvolvi opportunità jew theddida għall-UE;

  • Li tikkomunika l-valuri xjentifiċi li fuqhom huma bbażati proposti speċifiċi tal-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fix-xjenza u t-teknoloġija, u b'mod ġenerali biex tippromwovi l-kultura Ewropea tax-xjenza u t-teknoloġija b'mod wiesa' fi ħdan l-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha.

Il-Professur Anne Glover serviet bħala Kap Konsulent Xjentifiku għall-Iskozja minn Awwissu 2006 sa Diċembru 2011. Il-Professur Glover hija Professur fil-Bijoloġija Molekulari u Ċellulari fl-Università ta’ Aberdeen, u għandha pożizzjonijiet onorarji fl-Istituti ta’ Rowett u Macaulay. Hija Fellow elett tar-Royal Society ta' Edinburgh, membru tan-Natural Environment Research Council, u Fellow tal-American Academy of Microbiology.

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Mark Gray (+32 2 298 86 44)

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site