Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Fond Ewropew ġdid għall-Politiki Marittimi u tas-Sajd tal-UE

Commission Européenne - IP/11/1495   02/12/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Fond Ewropew ġdid għall-Politiki Marittimi u tas-Sajd tal-UE

Brussell, it-2 ta’ Dicembru 2011 – il-Kummissjoni Ewropea pproponiet fond ġdid għall-politiki marittimi u tas-sajd tal-UE għall-perjodu 2014-2020: Il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS). Il-Fond ser jgħin biex jinkisbu l-għanijiet ambizzjużi tal-Politika Komuni tas-Sajd u ser jgħin lis-sajjieda fit-tranżizzjoni lejn sajd sostenibbli, kif ukoll lill-komunitajiet kostali fid-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tagħhom. Il-Fond ser jiffanzja proġetti li joħolqu impjiegi ġodda u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' mal-kosta. Ser titneħħa l-burokrazija sabiex il-benefiċjarji jkollhom aċċess faċli għall-finanzjament.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, qalet: Dan il-fond il-ġdid ser iżid it-tkabbir ekonomiku u se joħloq l-impjiegi fis-settur. Mhux ser jintefqu aktar flus biex jinbnew bastimenti kbar. Is-sajd u l-akkwakultura fuq skala żgħira ser jibbenefikaw minn dan il-baġit ekoloġiku tal-Politika Komuni tas-Sajd."

Dan il-fond il-ġdid ser jieħu post il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) eżistenti u għadd ta’ strumenti oħrajn. Il-pakkett propost jammonta għal EUR 6.5 biljun għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020.

Sfond

Tisħiħ tal-prinċipji ambjentali, ekonomiċi u soċjali tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd

Il-FEMS ser ikun strument fundamentali għar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd li l-Kummissjoni pproponiet f’Lulju. It-tranżizzjoni għas-sostenibbiltà tirrikjedi ċerti bidliet radikali fil-mod kif nistadu – u l-fond ser jagħti l-inċentiv li s-sajjieda għandhom bżonn, sabiex is-sajd jagħmel anqas ħsara lill-ekosistemi tal-baħar, ikun jista’ jitwaqqaf l-isfruttar żejjed u nkunu nistgħu nwaqqfu t-tnaqqis tal-istokkijiet tal-ħut.

Kif inkunu qed intaffu l-pressjoni fuq l-istokkijiet u ntuhom iż-żmien biex jirkupraw, il-komunitajiet li jiddependu mis-sajd ser ikollhom isibu sorsi alternattivi ta’ dħul. Il-FEMS ser jgħinhom isibu mezzi innovattivi biex iżidu l-valur għall-qabdiet tagħhom u jiddiversifikaw l-ekonomija tagħhom.

Iżda l-FEMS mhuwiex biss l-ixprun għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u l-prestazzjoni ekonomika tajba. Huwa wkoll mezz biex iwettaq l-aġenda soċjali tal-Kummissjoni. In-nisa tas-sajjieda ħafna drabi jkollhom rwol fundamentali fin-negozju tal-familja konness mas-sajd. Issa ser ikunu jistgħu jiksbu appoġġ għal taħriġ jew attivitajiet ekonomiċi oħra marbuta mas-sajd. L-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi ser jiġu megħjuna biex jippjanaw il-produzzjoni sabiex din tissodifa d-domanda tas-suq, u biex jikkumerċjallizzaw il-prodotti tagħhom b'mod li jissodisfa l-aspettattivi tal-pubbliku li dejjem qed isir iktar għaqli fil-ġudizzju tiegħu.

Sajd ekoloġiku u intelliġenti

Minkejja li sa mis-snin 90 intefqu EUR 1.7 biljun għall-iskrappjar, il-flotta tal-UE għadha ssofri minn kapaċità żejda, peress li d-diżattivazzjoni tal-bastimenti ġiet ikkumpensata mit-titjib teknoloġiku tal-flotta li kien għad fadal. Għaldaqstant, il-flus mhux ser jibqgħu jmorru għall-iskrappjar iżda ser jintefqu għal attivitajiet li jkunu ekonomikament u soċjalment produttivi. Id-diversifikazzjoni hija waħda minn dawn l-attivitajiet. L-inkoraġġiment għal inizjattivi mil-livell ta' isfel għal fuq s’issa pproduċa riżultati eċċellenti f’oqsma marbuta mas-sajd, bħall-ipproċessar, il-forniment tal-ikel jew it-turiżmu. Il-FEMS ser jirrinforza din it-tip ta’ innovazzjoni mmexxija mill-komunità. Minħabba li l-flotot kostali fuq skala żgħira jibqgħu is-sors li jagħti l-ħajja lill-ekonomija ta’ bosta komunitajiet kostali, l-għajnuna biex issostnihom ser tkun intensifikata.

Il-fond il-ġdid ser isostni proġetti ġodda ta' innovazzjoni bħas-sostituzzjoni tax-xbieki tas-sajd ma’ tagħmir aktar selettiv sabiex jitnaqqas ir-rimi tal-ħut, jew l-iżvilupp ta’ teknoloġija ġodda li jistgħu jnaqqsu l-impatt tas-sajd u t-trobbija tal-ħut fuq l-ambjent.

Akkwakultura ekoloġika u intelliġenti

It-trobbija tal-ħut għandha potenzjal enormi biex titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjoni. Din tipprovdi impjiegi ta’ kwalità għolja f'żoni rurali u tqiegħed ikel tajjeb għas-saħħa fuq l-imwejjed taċ-ċittadini Ewropej. Il-fond ser jipprova jagħti spinta lil din l-industrija b’mod sostenibbli, billi jippremja l-innovazzjoni u jippromwovi wkoll oqsma ġodda ta’ akkwakultura, bħal akkwakultura mhux tal-ikel.

Appoġġ għas-sħubija tax-xjenza u s-sajjieda

Il-ġabra tad-dejta proprja dwar l-istat tal-istokkijiet tal-ħut u l-ambjent tal-baħar inġenerali għandhom rwol ewlieni fir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd u l-FEMS ser joffri fondi suffiċjenti għall-ġbir, il-monitoraġġ u l-kontroll tad-dejta. Peress li ma jagħmilx sens li dawk li jaħdmu fuq il-baħar (is-sajjieda) u dawk li jistudjaw dwar l-ibħra (ix-xjentisti) jgħixu f’dinjiet differenti, il-FEMS ser jinkoraġġixxihom biex jaħdmu flimkien sabiex isibu mezzi kif jisfruttaw ir-riżorsi naturali b’mod sostenibbli.

Fond uniku għas-sajd u l-Politika Marittima Integrata

Il-Politika Marittima Integrata tal-2007 tgħaqqad flimkien is-setturi marittimi li storikament ġew diviżi u ġestiti b’mod iżolat. Il-FEMS ser jipprovdi appoġġ għal proġetti bħall-ippjanar spazjali marittimu, is-sorveljanza marittima integrata u l-għarfien dwar il-baħar. Dawn huma eżempji fejn l-integrazzjoni tista’ tgħin biex ikun evitat xogħol doppju u jitnaqqsu l-ispejjeż permezz ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni akbar fis-setturi kollha. L-inklużjoni tal-Politika Marittima mal-FEMS ser tiżgura koerenza akbar u ser tgħin biex jintlaħqu s-sinerġiji bejn iż-żewġ oqsma ta' politika.

Simplifikazzjoni

Ir-regoli li jmexxu l-FEMS ser jiġu armonizzati ma’ dawk għal fondi oħrajn tal-UE. Dan ser jiffaċilita l-ħajja kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali. Il-FEMS ser ikun parti mill-Qafas Komuni Strateġiku ġdid, li ser jiżgura li d-diversi fondi eżistenti tal-UE jiffunzjonaw b’mod konsistenti ma’ xulxin, billi jevitaw r-repetizzjonijiet jew ix-xogħol doppju.

Kif jaħdem il-fond

Il-Fond il-ġdid ser jintuża biex jikkofinanzja proġetti mal-Istati Membri. Il-baġit totali ser jiġi allokat lill-Istati Membri abbażi tal-importanza tas-settur tas-sajd f’kull pajjiż. Wara ser japplika l-prinċipju ta’ ġestjoni konġunta bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Kull Stat Membru jfassal programm operattiv għall-perjodu, billi jispeċifika kif biħsiebu jonfoq il-flus allokati lilu. Ladarba l-Kummissjoni tapprova dan il-programm, ikun jiddependi mill-Istat Membru biex jiddeċiedi l-proġetti proprji li għandhom jiġu ffinanzjati. Kemm l-eleġibbiltà tal-azzjonijiet biex isostnu l-programm kif ukoll l-implimentazzjoni tiegħu jiġu sorveljati mill-Istati Membrui u l-Kummissjoni.

Għal aktar tagħrif:

Memo/11/863

Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd:

http://ec.europa.eu/fisheries/reform/index_mt.htm

Materjal awdjoviżiv li juri eżempji tal-proġetti finanzjati jista’ jinstab hawn:

www.tvlink.org

Kuntatti:

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site