Navigation path

Left navigation

Additional tools

Politika dwar l-asil: Inqas kliem u aktar solidarjetà

European Commission - IP/11/1493   02/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Politika dwar l-asil: Inqas kliem u aktar solidarjetà

Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2011 - Illum, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi biex issaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-asil u sabiex tiżgura li tingħata garanzija ta’ protezzjoni lin-nies li jeħtieġu kenn.

L-avvenimenti tar-rebbiegħa Għarbija, u l-għadd dejjem jiżdied tal-migranti li jaslu Malta jew fil-gżira Taljana ta' Lampedusa, matul l-aħħar xhur tefgħu f'dawl qawwi l-kwistjoni tas-solidarjetà fil-qasam tal-asil. Dawn l-avvenimenti enfasizzaw ħafna aktar il-ħtieġa għal Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u enfasizzaw nuqqas ta' fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

Is-solidarjetà għandha tkun fil-qalba tal-politika tal-UE dwar l-asil u l-Kummissjoni Ewropea qiegħda taħdem lejn din id-direzzjoni. Minkejja li regoli komuni, sa ċertu punt, huma diġa fis-seħħ, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE għadha wisq dgħajfa. Is-sistemi ta' asil ta' wħud mill-pajjiżi ma jaħdmux tajjeb biżżejjed. Pajjiżi oħrajn sempliċement jaċċettaw għadd żgħir ħafna ta' persuni li jfittxu asil, pereżempju, fl-ewwel nofs ta' din is-sena, aktar minn 75% tal-applikazzjonijiet għall-asil saru f'sitt Stati Membri biss (Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, ir-Renju Unit, l-Isvezja u l-Italja), li jfisser li ħafna mill-membri tal-UE jistgħu jieħdu sehem akbar tar-responsabbiltà. Barra minn hekk, jista’ jiġri li avvenimenti mhux mistennija joħolqu pressjoni li Stat Membru, ikun liema jkun, ma jkunx kapaċi jlaħħaq magħha u l-Unjoni Ewropea għandha tkun lesta biex tappoġġa lil dawn l-Istati Membri, ħalli n-nies li jaslu jintlaqgħu b'dinjità.

"Smajna ħafna dikjarazzjonijiet dwar is-solidarjetà tal-asil, speċjalment fis-sena li għaddiet, imma ma tantx rajna azzjoni. Żmien il-paroli issa spiċċa. Il-valuri tas-solidarjetà, tat-tolleranza u tar-rispett reċiproku issa għandhom jinbidlu f'riżultati konkreti. Din hija r-raġuni għaliex illum qegħdin nipproponu miżuri biex ngħinu lill-Istati Membri tal-UE sabiex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom li joffru protezzjoni lill-persuni fil-bżonn”. Lil dawk l-Istati Membri li għandhom sistemi tal-asil li ma jaħdmux tajjeb: Issa huwa ż-żmien li tirranġaw kollox", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni.

F’Komunikazzjoni adottata llum dwar “Is-solidarjetà msaħħa fl-UE fil-qasam tal-asil”, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li ttejjeb is-sistemi tal-asil permezz tal-interazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, ta’ kooperazzjoni prattika msaħħa u ta’ użu intelliġenti tal-mekkaniżmi tal-UE għall-finanzjament

Dan se jinkiseb notevolment billi:

  • ir-rwol ta’ appoġġ tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) isir aktar effettiv Il-kooperazzjoni prattika tista’, pereżempju, tissaħħaħ permezz tagħmilha aktar faċli li uffiċjali jintbagħtu biex jgħinu lill-Istati Membri li qegħdin jaffaċċjaw pressjoni partikolari

  • jiżdied l-ammont ta’ fondi disponibbli lill-Istati Membri u li dawn isiru aktar flessibbli, filwaqt li jitqiesu l-bidliet sinifikanti fl-għadd persuni li jfittxu asil

  • li jkun hemm żvilupp u tħeġġieġ ulterjuri tar-rialokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fost l-Istati Membri tal-UE, notevolment permezz tal-għajnuna finanzjarja

  • tiġi introdotta evalwazzjoni u mekkaniżmu ta’ twissija bikrija biex jiġu identifikati u jiġu indirizzatti problemi emerġenti fis-sistema tal-asil tal-Istati Membri

Filwaqt li ssir enfasi fuq l-esperjenza miksuba mir-reazzjoni tal-Unjoni għall-konsegwenzi migratorji tal-avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Komunikazzjoni tenfasizza b’mod partikolari fuq il-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar bejn l-aġenziji tal-UE bħal, Europol u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali Tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-aġenziji hija importanti kemm meta jkun hemm reazzjoni għall-emerġenzi kif ukoll fil-ħidma proattiva, bħall-analiżi tar-riskju u l-kapaċità ta’ twissija bikrija

Sfond

Il-flussi tal-asil mhumiex kostanti, u lanqas huma mifruxa b’mod indaqs madwar l-UE. Pereżempju, fl-2001 dawn varjaw minn massimu ta’ 425,000 applikazzjoni għas-27 Stat tal-UE, fl-2006 niżlu sa inqas minn 200,000, u fl-2010 telgħu sa 260,000. Din is-sena hija mistennija żieda kbira fin-numru tal-applikazzjonijiet għall-asil sa 14% fl-ewwel nofs tal-2011 meta mqabbel mal-ewwel nofs tal-2010.

Is-solidarjetà kienet prinċipju ewlieni fil-qasam tal-migrazzjoni tal-UE għal aktar minn għaxar snin, sa mill-bidu nett tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) u issa tinsab fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-ħtieġa li s-solidarjetà tiġi tradotta fi flussi ta’ miżuri konkreti minn realtajiet prattiki peress li s-sistemi ta’ asil tal-Istati Membri huma wkoll interdipendenti: sistema b’piż żejjed jew li ma taħdimx tajjeb fi Stat Membru wieħed għandha impatt ċar fuq l-oħrajn kollha.

Għaldaqstant hija r-responsabbiltà tal-Unjoni li jgħinu lil dawn l-Istati Membri u biex iżommu l-valuri komuni tal-Unjoni u tad-drittijiet fundamentali. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jridu jiżguraw li s-sistemi tagħhom ta’ asil jissodisfaw l-istandards stabbiliti mil-liġi Internazzjonali u Ewropea, notevolment permezz tal-Konvenzjoni ta’ Ginevra tal-1951 dwar ir-Refuġjati, il-Konvenzjoni Ewropea dwar ir-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Programm ta’ Stokkolma, il-pjan direzzjonali għall-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, talab ukoll lill-Unjoni biex issaħħaħ is-solidarjetà dwar l-asil. B’mod partikolari, huwa sejjaħ għal solidarjetà bejn l-Istati Membri hekk kif huma jerfgħu flimkien ir-responsabbiltà tal-istabbilment ta’ sistema umana u effiċjenti biex jiġġestixxu l-flussi tal-asil. Il-Komunikazzjoni tal-lum hija pass eqreb biex tingħata tweġiba għal din is-sejħa.

Għal iktar informazzjoni

MEMO/11/861

Il-paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website