Navigation path

Left navigation

Additional tools

Salzburg tirbaħ premju tal-UE għal bliet bl-aħjar faċilitajiet għal persuni b’diżabilità

European Commission - IP/11/1492   01/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Salzburg tirbaħ premju tal-UE għal bliet bl-aħjar faċilitajiet għal persuni b’diżabilità

Brussell, l-1 ta' Diċembru 2011 – Il-belt Awstrijaka ta' Salzburg illum rebħet l-Access City Award 2012, il-premju Ewropew għall-bliet li jsiru aktar aċċessibbli għan-nies b’diżabilità. Il-premju annwali għandu l-għan li jippremja l-isforzi li qed isiru biex titjieb l-aċċessibilità fl-ambjent urban u biex tisseddaq il-parteċipazzjoni indaqs ta' persuni b'diżabilità. Il-Kummissjoni Ewropea faħħret l-impenn fit-tul, l-approċċ koerenti u r-riżultati eċċellenti ta’ Salzburg biex ittejjeb l-aċċessibilità, miksuba bil-parteċipazzjoni diretta ta' persuni b'diżabilità.

Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, ippreżentat il-premju fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità. L-inizjattiva – organizzata bi sħab mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità (EDF) – hija azzjoni prinċipali taħt l-istrateġija dwar id-diżabilità tal-UE (IP/10/1505 u MEMO/10/578) u għandha l-għan li tippromwovi l-inizjattivi ta’ aċċessibilità fl-ibliet Ewropej.

"Li nagħmlu l-ħajja aċċessibbli għal kulħadd hija fil-qalba tal-istrateġija tagħna għal Ewropa mingħajr xkiel," qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding. "L-Access City Award jgħin biex jenfasizza u jippromwovi l-prattiki tajba madwar l-Ewropa, fi żmien meta popolazzjoni li qed tixjieħ qed tagħmel l-aċċessibilità għal kulħadd neċessità. L-aċċessibilità tista’ tkun stimolu għall-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku. Dan huwa partikolarment relevanti fil-klima ekonomika attwali. Nixtieq nara Att dwar l-Aċċessibilità għall-Ewropa u beħsiebi nressaq proposta sa tmiem l-2012."

Il-ġurija Ewropea għażlet lil Salzburg għall-kisbiet eċċellenti tagħha fl-oqsma ewlenin kollha tal-aċċessibilità: l-ambjent mibni u l-ispazji pubbliċi; it-trasport u l-infrastrutturi relatati; l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inklużi t-teknoloġiji ġodda, il-faċilitajiet u s-servizzi pubbliċi.

Il-finalisti l-oħra kienu (f’ordni alfabetika):

  • Krakovja (il-Polonja), magħżula għall-impenn tagħha biex ittejjeb l-aċċessibilità fil-kuntest li joffri sfida ta' infrastruttura inaċċessibbli u għall-attenzjoni speċjali mogħtija għall-aċċess għal monumenti ta’ wirt kulturali u storiku;

  • Marburg (il-Ġermanja), magħżula għall-impenn fit-tul tagħha lejn l-aċċessibilità, għall-istrateġija ċara u fit-tul għall-futur, u għall-integrazzjoni eżemplari tan-nies b'diżabilità fil-proġetti tal-aċċessibilità tal-muniċipalità, mill-fażi ta’ ppjanar sal-eżekuzzjoni;

  • Santander (Spanja), nominata bħala finalista minħabba l-programmi urbani tagħha konsistentement favur l-aċċessibilità wara approċċ ta’ ddiżinjar universali, kif ukoll għall-kwalità u s-sostenibilità tar-riżultati miksuba.

It-tieni edizzjoni tal-Access City Award irċeviet nominazzjonijiet minn 114-il belt fi 23 pajjiż tal-UE. Il-bliet parteċipanti kellhom jipprovdu evidenza tal-isforzi u l-kisbiet tagħhom biex jiggarantixxu aċċess ugwali għal kulħadd, irrispettivament mill-età jew abilità. Il-ġuriji nazzjonali magħmula minn persuni b’diżabilità u esperti dwar l-aċċessibilità għaddew mill-preselezzjoni wieħed u tletin applikant għall-għażla fuq livell Ewropew.

Sfond

‘Aċċessibilità’ tfisser li persuni b'diżabilità jkollhom aċċess, fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor, għall-ambjent fiżiku, għat-trasport, għat-teknoloġiji u s-sistemi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll għal faċilitajiet u servizzi oħra.

Din hija t-tieni edizzjoni annwali tal-Access City Award. L-ewwel premju ntrebaħ minn Avila fi Spanja (IP/10/1641). Barra r-rebbieħ u t-tliet finalisti, din is-sena l-ġurija semmiet ukoll b’mod speċjali lil:

  • Grenoble (Franza) għall-faċilitajiet u s-servizzi pubbliċi: impenn fit-tul għat-titjib fl-aċċessibilità u politika ta’ inklużjoni soċjali koerenti msaħħa b’infrastrutturi aċċessibbli;

  • Ljubljana (is-Slovenja) għat-trasport u l-infrastrutturi relatati: konsistenti u integrata lejn l-aċċessibilità fiċ-ċentru tal-belt (xarabanks mgħammra b’avviżi ta’ waqfien awdjo u viżwali, sinjali Braille mal-waqfiet tax-xarabank, mappa bil-mess taċ-ċentru tal-belt);

  • Olomouc (ir-Repubblika Ċeka) għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inklużi t-teknoloġiji l-ġodda: dan irriżulta fi proġetti innovattivi bħal gwidi turistiċi multimedjali - għodda tan-navigazzjoni interattiva ġdida li tinkludi sistema ta’ GPS kif ukoll informazzjoni awdjo u viżwali f’diversi lingwi;

  • Terrassa (Spanja) għall-ambjent mibni u l-ispazji pubbliċi: sforzi sostnuti biex is-siti storiċi jsiru aċċessibbli; il-belt tiffoka fuq l-eliminazzjoni ta' ostakli arkitettoniċi f'bini residenzjali, parkijiet, toroq, pjazez u bini ta’ wirt storiku, inkluża l-installazzjoni ta' liftijiet, rampi u pontijiet.

Għal aktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Access●City Award

www.accesscityaward.eu

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website