Navigation path

Left navigation

Additional tools

Trasport bl-ajru: Il-Kummissjoni tilqa’ l-Ftehim dwar it-titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja

European Commission - IP/11/1490   01/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Trasport bl-ajru: Il-Kummissjoni tilqa’ l-Ftehim dwar it-titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja

Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2011 - Il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Russu qablu li jimmodernizzaw is-sistema tal-pagamenti tat-titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja. Mill-1 ta’ Jannar 2014, kwalunkwe imposti li l-linji tal-ajru tal-UE jkollhom iħallsu biex itiru fuq it-territorju Russu ser isiru trasparenti u relatati mal-ispejjeż. Mhux se jkun hemm diskriminazzjoni bejn il-linji tal-ajru. Il-Ftehim jinsab fi skambju ta’ ittri bejn il-Ministru Russu għall-Iżvilupp Ekonomiku, is-Sinjura Elvira Nabiullina, fuq in-naħa tar-Russja, u l-Viċi President Siim Kallas u l-Kummissarju tal-Kummerċ tal-UE Karel De Gucht, għall-Kummissjoni. Il-Ftehim se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012 wara li l-Konferenza Ministerjali tad-WTO tagħti l-permess għall-adeżjoni tar-Russja fid-WTO, li mistennija li sseħħ fis-16 ta' Diċembru 2011.

Attwalment, għal titjiriet lejn destinazzjonijiet Asjatiċi, it-trasportaturi tal-ajru tal-UE huma obbligati jħallsu biex itiru minn fuq is-Siberja. Huwa stmat li dawn il-ħlasijiet jiswew madwar EUR 320 miljun fis-sena, li l-biċċa l-kbira tagħhom imorru direttament għall-Aeroflot. L-UE ilha mħassba li dawn il-ħlasijiet imorru kemm kontra l-liġi tal-antitrust tal-UE kif ukoll kontra l-liġi internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Chicago). Barra minn hekk, dawn jgħollu l-ispejjeż tal-linji tal-ajru b’mod inġust, bir-riżultat li l-biljetti tal-ajru mill-Ewropa għal destinazzjonijiet Asjatiċi jsiru ogħla u jxekklu l-kompetizzjoni bejn il-linji tal-ajru f’dawn is-swieq. Joħolqu wkoll piż addizzjonali fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Asja.

Il-bażi għall-Ftehim tal-lum kienet ippreparata fl-2006 u kienet ibbażata fuq serje ta’ “Prinċipji Maqbula”, iżda huwa biss issa li se jidħol fis-seħħ.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Siim Kallas jenfasizza l-importanza ta’ dan l-iżvilupp fir-relazzjonijiet tal-avjazzjoni bejn l-UE u r-Russja: "Għal deċennji sħaħ, id-drittijiet għal titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja kienu l-uniku ostaklu tal-akbar importanza għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet tal-avjazzjoni bejn l-UE u r-Russja għad-detriment tal-linji tal-ajru u tal-passiġġieri. Għaldaqstant, il-Ftehim tal-lum huwa pass importanti ferm lejn it-tisħiħ ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib f’ħafna oqsma tal-avjazzjoni. Il-Ministeru Russu għat-Trasport, Igor Levitin u jiena qbilna dwar dan fis-Samit riċenti dwar l-Avjazzjoni bejn l-UE u r-Russja li sar f’San Pietruburgu u ħdimna mill-qrib ferm mal-Presidenza Pollakka għall-iffinalizzar tal-Ftehim. Dan il-Ftehim jirrifletti b’mod ċar l-ispirtu pożittiv ta’ San Pietruburgu! Aħna issa ninsabu ħerqanin għall-implimentazzjoni rapida tiegħu.”

Il-Kummissarju Karel De Gucht jenfasizza l-importanza ta’ dan il-Ftehim għall-adeżjoni tar-Russja fid-WTO: "L-impenn ċar li rċevejna mir-Russja sabiex l-imposti fuq it-titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja jsiru trasparenti, relatati mal-ispejjeż u mingħajr diskriminazzjoni għenu biex iwittu t-triq għall-UE biex tagħti appoġġ għall-adeżjoni tar-Russja fid-WTO. Dawn iż-żewġ żviluppi huma aħbar tajba ħafna.”

Il-passi li jmiss

Ir-Russja u l-Istati Membri tal-UE għandhom sal-1 ta’ Lulju 2012 biex jimmodifikaw il-Ftehimiet bilaterali tagħhom dwar is-Servizzi tal-Ajru sabiex il-"Prinċipji Maqbula" jiġu implimentati bis-sħiħ.

Għal aktar tagħrif dwar ir-relazzjonijiet tal-avjazzjoni bejn l-UE u r-Russja:

MEMO/11/695

MEMO/11/167

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website