Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/148

Brussell, l-14 ta' Frar 2011

Aġenda Diġitali: Stħarriġ tal-UE juri li l-Ewropej qed jużaw aktar il-mowbajls meta jivjaġġaw, iżda xorta jinsabu mħassba dwar l-ispejjeż

Stħarriġ maħruġ illum mill-Kummissjoni Ewropea juri li kważi tliet kwarti tal-Ewropej jinsabu inkwetati dwar l-ispiża marbuta mal-użu tal-mowbajl tagħhom waqt li jkunu qed jivjaġġaw fl-UE. 72 % tal-vjaġġaturi għadhom jillimitaw is-sejħiet roaming tagħhom minħabba ħlasijiet għolja anki jekk il-maġġoranza tinsab konxja li l-prezzijiet naqsu mill-2006. 19 % biss tal-persuni li jużaw is-servizzi relatati mal-internet fuq il-mowbajls tagħhom waqt li jkunu barra minn pajjiżhom jaħsbu li l-ispejjeż tar-roaming tad-dejta (għall-użu użu tal-Internet jew biex jiċċekkjaw l-email) huma ġusti. Ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ,flimkien mal-konsultazzjoni pubblika dwar il-ġejjieni tar-Regolament dwar ir-Roaming, li għalqu fil-11 ta' Frar (IP/10/1679), se jiddaħħlu fir-reviżjoni tar-regoli attwali għar-roaming tal-UE, li għandha titwettaq sa Ġunju 2011. Il-mira tal-prestazzjoni stipulata bl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200) hi li d-differenzi bejn it-tariffi tar-roaming u dawk nazzjonali għandhom iqarrbu ż-żero sal-2015.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes qalet: "Il-kumpaniji tat-telekominikazzjonijiet għandhom jagħtu widen lill-klijenti tagħhom. Il-konsumaturi jħossu li fadal ħafna lok għal titjib, partikolarment għar-roaming tad-dejta Kif wegħedt fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, beħsiebni niżgura soluzzjonijiet aħjar għar-roaming għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej."

Aktar roaming

L-istħarriġ juri li llum hawn aktar nies li qed jużaw il-mowbajls tagħhom waqt li jivjaġġaw fl-UE milli kien hemm erba' snin ilu, meta l-UE introduċiet għal-ewwel darba r-regoli tar-roaming. Minkejja n-nuqqas stmat ta' 13 % fil-ivjaġġar bejn l-2006 u l-2010, il-volum ġenerali ta' sejħiet riċevuti u SMS mibgħuta waqt il-vjaġġi fl-UE żdied matul dak il-perjodu. Il-vjaġġaturi jirraportaw li qed jagħmlu 32 % aktar sejħiet, jirċievu 31 % aktar sejħiet u jibgħatu messaġġi bit-test 43 % aktar mill-2006.

Drawwiet ivarjaw

L-istħarriġ juri wkoll drawwiet differenti fil-popolazzjoni Ewropea. Pereżempju:

  • L-irġiel iktar probabbli li jċemplu (57 %) filwaqt li aktar nisa jippreferu jibagħtu SMS (56 %).

  • 88 % taċ-Ċiprijotti jużaw l-aktar is-servizzi bil-leħen iżda huma biss 44 % mill-vjaġġaturi mir-Renju Unit li jagħmlu hekk.

  • 81 % tal-utenti tal-mowbajls Irlandiżi fl-UE jippreferu l-SMSs u huma 24 % tal-Portugiżi biss li jagħmlu hekk.

  • 32 % tal-Bulgari ma jużawx il-mowbajl tagħhom meta jkunu barra minn pajjiżhom.

  • Bħalissa, il-probabbiltà li ż-żgħażagħ jużaw is-servizzi tar-roaming hija ogħla b'mod sinifikanti, meta mqabbla maċ-ċifri tal-2006 (dawk li jċemplu: +43 %; dawk li jirċievu telefonata: +42 % u dawk li jibagħtu SMS: +51%).

  • 30 % tal-persuni irtirati u 15 % ta' persuni ta' età bejn il-25 u d-39 sena ma jużawx il-mowbajl waqt li jkunu barra minn pajjiżhom.

Tħassib dwar spejjeż għoljin ta' sejħiet u dejta bir-roaming

Fost dawk li jivjaġġaw ta' spiss, 61 % huma konxji li l-prezzijiet tar-roaming naqsu wara l-intervent tal-UE. Madankollu, il-bidliet fl-imġieba tal-konsumatur ma kienux kollha pożittivi:

  • Madwar 1 minn kull 5 utenti tal-mowbajl naqqas l-użu tiegħu tas-servizzi tar-roaming fl-aħħar 4 snin. Dan minħabba il-perċezzjoni tiegħu dwar l-ispiża.

  • 72 % tal-utenti tal-mowbajl ikomplu jillimitaw it-telefonati bil-mowbajl waqt li jkunu barra minn pajjiżhom għax ikunu mħassba dwar l-ispejjeż.

  • 81 % tal-Isvediżi, 72 % tat-Taljani u 57 % tal-Griegi qed jużaw inqas is-servizzi bil-leħen tar-roaming minħabba t-tħassib fuq l-ispejjeż.

L-istħarriġ juri wkoll li s-servizzi tar-roaming tad-dejta (bħall-żjarat ta' websajts jew it-tniżżil ta' dejta) bdew jintużaw u hemm 10 % ta' dawk li ħadu sehem li jagħmlu użu ta' dawn is-servizzi.

  • 17 % tal-Litwani u 15 % tal-Ispanjoli jgħidu li roaming tad-dejta huwa s-servizz li jużaw l-aktar waqt li jkunu qed jivjaġġaw filwaqt li 2 % tal-Ungeriżi u 4 % tal-Ġermaniżi biss jużawh l-aktar.

  • Iż-żgħażagħ huma aktar probabbli li jużaw ir-roaming tad-dejta: 15 % ta' persuni bejn il-15 u l-24 sena jippreferu jużaw l-internet fuq il-mowbajl tagħhom meta jkunu qed jivjaġġaw meta mqabbel mas-6 % ta' persuni li għandhom 'il fuq minn 55 sena.

  • Madankollu, il-prezz tar-roaming tad-dejta ġeneralment mhuwiex meqjus bħala raġonevoli u minn dawk li ħadu sehem kien hemm 19 % biss li qalu li l-ispiża tas-servizzi tar-roaming tad-dejta hija ġusta.

Sfond:

L-istħarriġ speċjali tal-Eurobarometer dwar ir-Roaming staqsa 'l fuq minn 26,500 persuna f'Awwissu u f'Settembru 2010 fis-27 Stat Membru tal-UE. Il-kampjun primarju analizzat huwa dawk iċ-ċittadini tal-UE li għandhom mowbajl u li vjaġġaw bih f'dawn l-aħħar 5 snin fl-UE.

Il-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew, li qed jaħdmu fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea, introduċew limiti fuq il-prezzijiet tar-roaming għall-ewwel darba fl-2007 (IP/07/870), li jiżguraw li l-utenti tal-mowbajl iħallsu tariffi tar-roaming simili fl-UE kollha. F'Lulju tal-2009, adottaw regolamenti riveduti li jniżżlu aktar il-prezzijiet tar-roaming biex b'hekk, sa Lulju 2011, il-prezzijiet massimi tar-roaming ikunu dawk ta' €0.35 fil-minuta għal telefonati magħmula u €0.11 għal telefonati riċevuti waqt il-vjaġġi (ara IP/09/1064 u MEMO/09/309). Mill-1 ta' Lulju 2010 il-limitu tar-roaming tad-dejta għall-vjaġġaturi ġie stabbilit awtomatikament għal €50 bil-VAT eskluża (sakemm dawn ma jkunux għażlu limitu ieħor – ogħla jew inqas) u l-operaturi kellhom jibagħtu twissija liill-utenti meta jilħqu t-80 % tal-limitu tal-kont għar-roaming tad-dejta tagħhom (IP/10/843). Ir-regoli tar-roaming tal-2009 se japplikaw sal-aħħar ta' Ġunju 2012.

Sabiex jinkiseb Suq Uniku kompetittiv għar-roaming, il-Kummissjoni se tipproduċi reviżjoni sħiħa tal-funzjonament tar-regoli tar-roaming tal-UE sat-30 ta' Ġunju 2011 u se tivvaluta safejn intlaħqu l-objettivi tar-regoli u jekk il-kompetizzjoni hijiex taħdem għas-servizzi tar-roaming.

Għal iktar informazzjoni

Ir-rapport sħiħ tal-Eurobarometer jista' jinstab fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/what_is/report/index_en.htm

Il-websajt ta' Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Ara wkoll SPEECH/11/99


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website