Navigation path

Left navigation

Additional tools

Għajnuna mill-Istat: apparti l-għajnuna relatata mal-kriżi, it-tabella ta' riżultati turi xejra lejn għajnuna anqas, u aktar immirata

European Commission - IP/11/1487   01/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Għajnuna mill-Istat: apparti l-għajnuna relatata mal-kriżi, it-tabella ta' riżultati turi xejra lejn għajnuna anqas, u aktar immirata

Brussell, l-1 ta' Diċembru 2011 – It-tabella ta' riżultati tal-għajnuna mill-Istat tal-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea turi li l-volum tal-appoġġ nazzjonali lis-settur finanzjarju li ttieħed realment mill-banek bejn Ottubru 2008 u l-31 ta' Diċmebru 2010 ammontaw għal € 1.6 triljun (13% tal-PGD). Il-parti l-kbira (74%) ġiet mill-garanziji Statali fuq il-finanzjament bl-ingrossa tal-banek (ara aktar ċifri hawn taħt). Illum il-Kummissjoni estendiet l-iskema tal-għajnuna mill-Istat għall-banek minħabba l-kriżi, iżda kkjarifikat ir-regoli tagħha dwar ir-remunerazzjoni tar-rekapitalizzazzjonijiet u rrivediet ir-regoli tagħha dwar it-tariffi għall-garanziji finanzjarji interbankarji biex tiżgura li l-Istat jiġi remunerat b'mod xieraq (ara IP/11/1488).

L-appoġġ lill-ekonomija reali fuq il-bażi tar-regoli temporanji minħabba l-kriżi naqas għal € 11.7 biljun fl-2010, tnaqqis ta' kważi 50% meta mqabbel mal-2009, li jirrifletti kemm domanda baxxa għaliha kif ukoll ir-restrizzjonijiet baġittarji ta' bosta Stati Membri tal-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhijiex qiegħda tipproponi li testendi l-Qafas Temporanju peress li r-regoli normali ta' għajnuna, pereżempju dawk għall-promozzjoni tal-investiment f’kapital ta’ riskju, dawk għal titjib fl-effiċenzja tal-enerġija jew dawk għall-għajnuna lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), huma f'dan il-mument daqstant ieħor xierqa. L-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu qasir, biex tgħin ittaffi n-nuqqasijiet tas-suq, għadha fis-seħħ u s-sussidju ta’ darba ta' € 500,000 għal kull kumpanija diġà ġie sostitwit fl-2010 bir-regoli de minimis normali.

L-għajnuna totali mhux għall-kriżi baqgħet stabbli fil-livell ta’ € 73.8 biljun fl-2010 jew 0.6% tal-PDG u baqgħet tiffoka mill-ġdid fuq għanijiet orizzontali li joħolqu anqas distorsjoni,bħal ma huma l-għajnuna għar-riċerka u għall-innovazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent u l-provvediment ta' kapital ta' riskju lill-SMEs. It-Tabella ta' Riżultati turi wkoll li l-Istati Membri qegħdin jirkupraw l-għajuna illegali b'mod aktar mgħaġġel, bi 82% (madwar € 12-il biljun) rkuprati sa tmiem Ġunju 2011 grazzi għall-azzjoni tal-Kummissjoni u wkoll, x'aktarx, għall-pressjoni biex jitranġaw il-finanzji pubbliċi.

"Il-kondizzjoni ewlenija biex jitneħħa l-mekkaniżmu ta’ appoġġ bejn l-Istat u s-settur finanzjarju hija li tiġi solvuta l-kriżi tad-dejn sovran. L-analiżi tagħna turi li, grazzi għall-kontroll tagħna fuq l-għajnuna mill-Istat, l-appoġġ wettaq l-iskop tiegħu li jipproteġi l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja mingħajr, sa issa, l-ebda dannu irreparabbli lill-kompetizzjoni u lis-suq uniku," qal il-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mill-politika tal-kompetizzjoni Joaquín Almunia, li kompla jgħid: "Jiena ddeterminat li nġib lura r-regoli normali hekk kif jippermettu l-kondizzjonijiet tas-suq u li niżgura li l-għajnuna rċevuta mill-banek u mill-ekonomija reali tkun imfassal biex tinkiseb żieda fit-tkabbir u fl-impjiegi".

Appoġġ lill-banek

Bejn l-2008 u l-31/12/2010 intużaw fil-fatt € 1,608 biljun għall-appoġġ tal-istituzzjonijiet finanzjarji

Dan kien jikkonsisti minn miżuri ta' appoġġ ta' likwidità għall-banek:

  • medja ta' € 1,199 biljun (10% tal-PDG) f’garanziji Statali pendenti fuq finanzjament tal-banek u miżuri oħrajn ta' appoġġ ta' likwidità (għal perjodu qasir).

  • u miżuri għall-appoġġ tas-solvenza tal-banek, ta' € 409 biljun (3% tal-PDG), miżuri ta' rekapitalizzazzjoni u trattament tal-assi danneġġati.

L-għajnuna mogħtija minn tliet Stati Membri tammonta għal madwar 60% tal-għajnuna totali li ntużat. Dawn huma l-Irlanda (25%), ir-Renju Unit (18%) u l-Ġermanja (15%).

Għajnuna mogħtija lill-ekonomija reali – Qafas Temporanju

Sabiex jitnaqqas l-impatt tar-restrizzjonijiet fil-kondizzjonijiet ta' kreditu, l-Istati Membri taw ukoll għajnuna lill-ekonomija reali skont qafas temporanju adottat mill-Kummissjoni fi tmiem l-2008. Il-miżura ewlenija ta' appoġġ użata kienet is-sussidju ta' darba sa 500,000 kull kumpanija, li ġie tterminat fl-2010. Dan kien segwit minn sussidji fuq imgħaxxijiet jew garanziji tas-self, imgħaxxijiet imnaqqsa għal investimenti favur l-ambjent u għajnuna lill-kapital ta' riskju.

Bejn Diċembru 2008 u l-1 ta' Ottubru 2011, l-Istati Membri għamlu disponibbli € 82.9 biljun skont il-qafas temporanju. L-ammont totali li ttieħed fl-2009 kien ta' € 21 biljun, filwaqt li fl-2010 kien biss ta' € 11.7 biljun. Dan jindika li l-iffinanzjar tas-suq kien sa ċertu punt disponibbli.

Xejriet għat-tul fejn tidħol l-għajnuna mhux tal-kriżi

L-għajnuna mhux tal-kriżi baqgħet stabbli fil-livell ta’ € 73.7 biljun jew 0.6% tal-PDG. L-għajnuna lill-industrija u lis-servizzi ammontat għal € 61 biljun jew 0.5% tal-PDG li minnha 85% ġew imwarrba għal għanijiet orizzontali ta' interess komuni. B'mod partikolari l-Kummissjoni osservat iffukar akbar fuq l-għajnuna għall-iżvilupp reġonali, ir-riċerka u l-protezzjoni tal-ambjent. Tali miżuri mhumiex biss inqas ta' xkiel għall-kompetizzjoni, imma wkoll jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-UE 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

Ir-riformi skont il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat 2005 - 2008 (ara IP/05/680) qegħdin ikomplu jagħtu riżultati tajbin. Madwar 90% tal-għajnuna totali tingħata permezz ta' eżenzjonijiet jew skemi ġenerali (ara IP/06/1765 u IP/08/1110). Ladarba jiġu approvati mill-Kummissjoni, tali miżuri ġenerali jippermettu lill-Istati Membri biex jagħtu għajnuna lil kumpaniji individwali mingħajr aktar skrutinju mill-Kummissjoni, b’mod li l-Istati Membri jkollhom livell għoli ta' flessibbiltà u piż amministrattiv baxx, filwaqt li l-kriterji ta' kompatibbiltà jissalvagwardjaw livell indaqs għal kulħadd fis-suq intern. 11.5% biss tal-għajnjuna totali hija vvalutata b'mod individwali.

It-Tabella ta' Riżultati turi ulterjorment li fit-tmiem Ġunju 2011 madwar 82% jew madwar € 12-il biljun tal-ammont totali tal-għajnuna illegali u inkompatibbli tħallset lura mill-benefiċjarji lill-Istat li jkun taha. Dan juri titjieb sinifikanti hekk kif imqabbel mat-tmiem tal-2004, meta ġew irkuprati 25% biss.

It-Tabella ta' Riżultati, li tinkludi annessi, statistiċi u indikaturi għall-Istati Membri, hija disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/studies_reports/studies_reports.html

Kuntatti :

Amelia Torres (+32 2 295 46 29)

Maria Madrid Pina (+32 2 295 45 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website