Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Aġenda Diġitali: Koalizzjoni ta' kumpaniji ewlenin tat-teknoloġija u l-midja biex l-internet ikun sit aħjar għat-tfal

Brussell, l-1 ta' Diċembru 2011 – 28 kumpanija ewlenin ingħaqdu flimkien biex jiffurmaw Koalizzjoni ġdida biex l-internet ikun aħjar u aktar sikur għat-tfal. Il-Kummissjoni ġabret flimkien il-membri fundaturi tal-Koalizzjoni li huma: Apple, BSkyB, BT, Dailymotion, Deutsche Telekom, Facebook, France Telecom-Orange , Google, Hyves, KPN, Liberty Global, LG Electronics, Mediaset, Microsoft, Netlog, Nintendo, Nokia, Opera Software, Research in Motion, RTL Group, Samsung, Sulake, Telefonica, TeliaSonera, Telenor Group, Tuenti, Vivendi, Vodafone.  L-azzjonijiet ta' prijorità jinkludu li jsir aktar faċli li jkun irrappurtat kontenut li jagħmel ħsara, li tiġi żgurata li l-konfigurazzjoni tal-privatezza tkun addattata skont l-età, u li jkunu offruti għażliet wiesgħa għall-kontrolli tal-ġenituri, li jkunu jirriflettu l-bżonnijiet ta' ġenerazzjoni li qed tuża l-internet sa minn età żgħira ħafna.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes qalet: Din il-Koalizzjoni l-ġdida għandha toffri għodod ta' protezzjoni trasparenti u konsistenti kemm lit-tfal kif ukoll lill-ġenituri biex jieħdu l-aqwa mid-dinja tal-internet. Il-membri fundaturi tal-Koalizzjoni huma diġà fuq quddiem nett fis-sikurezza tal-internet għat-tfal. Billi naħdmu flimkien, inkunu qed inwittu t-triq għall-industrija kollha u jkollna bażi soda biex nagħtu poter sħiħ lit-tfal li jkunu onlajn."

Il-membri fundaturi tal-Koalizzjoni qablu dwar Dikjarazzjoni tal-Għanijiet billi qablu li jieħdu azzjoni f'ħames oqsma:

  • Għodod ta' rappurtar sempliċi u b'saħħithom: karatteristiċi viżibbli u li huma rikonoxxibli fuq it-tagħmir kollu li jippermettu rrappurtar effettiv u reazzjonijiet għall-kontenut u l-kuntatti li jkunu jidhru li huma ta' ħsara għat-tfal;

  • Il-konfigurazzjoni tal-privatezza li tkun addattata skont l-età: konfigurazzjonijiet li jqisu l-bżonnijiet ta' gruppi b'etajiet differenti (dawn il-konfigurazzijiet jiddeterminaw kemm tkun disponibbli l-informazzjoni tal-utent; pereżempju jekk id-dettalji tal-kuntatt jew ir-ritratti humiex disponibbli biss għal dawk li jkunu qrib tal-persuna ta' kuntatt pjuttost milli għall-pubbliku inġenerali);

  • Użu aktar wiesa' tal-klassifikazzjoni tal-kontenut: biex ikun żviluppat approċċ validu ġenerali għall-klassifikazzjoni tal-età, li tkun tista’ tintuża fis-setturi kollha u li tipprovdi lill-ġenituri b'kategoriji tal-età li jinftiehmu;

  • Disponibbiltà aktar wiesgħa u użu tal-kontroll għall-ġenituri : għodod li huma faċli biex jintużaw li huma promossi attivament biex ikunu adottati bl-aħjar mod possibbli;

  • It-tneħħija effettiva tal-materjal li jabbuża mit-tfal: biex tittejjeb il-kooperazzjoni mal-infurzar tal-liġi u l-hotlines, biex jittieħdu passi proattivi sabiex jitneħħa l-meterjal li jabbuża mit-tfal minn fuq l-internet.

Il-Koalizzjoni hija kooperattiva ta' intervent volontarju. L-aspettattiva tal-Kummissjoni hija s-soluzzjonijiet żviluppati mill-membri fundaturi jkunu ripetuti u mħaddna minn għadd dejjem jiżdied ta' kumpaniji, li huma milqugħa biex jissieħbu mal-Koalizzjoni.

Sfond:

Is-sikurezza tat-tfal onlajn hija impenn ewlieni tal-Aġenda Diġital għall-Ewropa (informazzjoni ġenerali tal-ADE tista' tinstab f'IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Bħala medja, it-tfal Ewropej issa qed jibdew jużaw l-internet minn meta jkollhom seba' snin. 38% tat-tfal bejn id-9 u t-12-il sena li jużaw l-internet jgħidu li għandhom profil ta' netwerk soċjali, minkejja r-restrizzjoni fuq l-età. Aktar minn 30% tat-tfal li jkunu onlajn jagħmlu dan permezz ta' tagħmir tal-mowbajl u 26% permezz ta' consoles tal-logħob.

Il-Koalizzjoni ġiet iffurmata fuq talba tal-Viċi president Kroes, lis-setturi tal-ICT biex iżidu l-azzjonijiet tagħhom sabiex jindirizzaw l-isfidi dwar kif it-tfal u ż-żgħażagħ Ewropej issa qed ikunu onlajn (SPEECH/11/703).

Il-membri fundaturi jinkludu l-produtturi tas-settijiet tat-telefown, il-fornituri tas-sistemi operattivi, il-Fornituri tas-Servizzi tal-Internet, ix-xandara, in-netwerks soċjali u l-operaturi tal-mowbajls. Membri ġodda huma milqugħa.

Kull wieħed mill-ħames oqsma għall-azzjoni għandu skadenza u indikaturi ta' prestazzjoni spjegati fid-Dikjarazzjoni tal-Għanijiet. Barra minn hekk, il-membri tal-Koalizzjoni kkommettew ruħhom biex jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni u jissieħbu ma' partijiet interessati bħall-NGOs għall-benessri tat-tfal u tal-konsumaturi. Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kummissjoni laqqgħet grupp ta' NGOs sabiex toħloq fokus ċar għall-kontabbilità u r-rappurtar fil-proċess. Fis-sajf tal-2012, il-Koalizzjoni ser tirrevedi x-xogħol tagħha u sa dak iż-żmien tistabbbilixxi x'tip ta' reviżjoni sussegwenti ser tkun meħtieġa.

Din l-inizjattiva tibni fuq il-ftehimiet settorjali eżistenti bħal Safer Social Networking Principles (Prinċipji ta' Netwerking Soċjali aktar Sikuri), European Framework for Safer Mobile Use  (il-Qafas Ewropew għall-Użu aktar Sikur tal-Mowbajl) u l-Informazzjoni Pan-Ewropea dwar il-Logħob (PEGI).

Ħoloq utli:

Internet aktar sikur:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/self_reg/index_en.htm

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali: http://ec.europa.eu/digital-agenda

Il-websajt ta’ Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu

Kuntatti :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16); Twitter: @ECspokesRyan

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site