Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Varat il-Pakkett "Ajruporti Aħjar"

Brussell, l-1 ta' Diċembru 2011 - Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret pakkett komprensiv ta' miżuri li jgħinu fiż-żieda tal-kapaċità tal-ajruporti tal-Ewropa, it-tnaqqis tad-dewmien u t-titjib fil-kwalità tas-servizzi offruti lill-passiġġieri. Il-miżuri jindirizzaw il-kwalità tas-servizzi li jirċievu l-passiġġieri u l-linji tal-ajru fuq l-art qabel ma jitilqu u wara li jinżlu (pereżempju, handling tal-bagalji, check-in, mili tal-fjuwil), it-trasparenza fid-deċiżjonijiet dwar l-istorbju tal-ajruporti, kif ukoll l-effiċjenza tan-netwerk kumpless ta' slotts tat-tluq u l-inżul li jsawru kull vjaġġ.

Il-Viċi President Siim Kallas, il-Kummissarju Ewropew responsabbli għat-trasport, qal: L-ajruporti fl-Ewropa qed iħabbtu wiċċhom ma' skarsezza fil-kapaċità. Jekk in-negozju u l-pubbliku li jivvjaġġa jridu jieħdu l-aqwa vantaġġ min-netwerk tal-ajru, irridu nieħdu azzjoni issa. 70% tad-dewmien fit-titjiriet iseħħ minħabba problemi fuq l-art, mhux fl-ajru. Skont ix-xejriet preżenti, sal-2030, dsatax-il ajruport ewlieni Ewropew mhux se jkunu jifilħu iżjed traffiku. Il-konġestjoni li tirriżulta minn dan tista' tfisser dewmien għal nofs it-titjiriet jew għat-titjiriet kollha fin-netwerk. L-istatus quo mhijiex għażla għall-ajruporti fl-Ewropa. Fil-konfront ta' kompetizzjoni dinjija intensa, jekk ma nbiddlux il-mod kif naħdmu, jista' jkun li nispiċċaw ma naħdmu xejn."

Il-pakkett jikkonsisti f'dokument sommarju ta' politika u fi tliet miżuri leġiżlattivi dwar l-islotts, il-ground-handling u l-istorbju.

Dwar l-islotts

Il-proposti tal-Kummissjoni jintroduċu mekkaniżmi bbażati fuq is-suq li permezz tagħhom jiġu nnegozjati l-islotts, b'mod trasparenti, bejn il-linji tal-ajru, flimkien ma' miżuri li jiżguraw li l-kapaċità eżistenti tkun użata mil-linji tal-ajru - billi jiżdied il-livell limitu skont ir-"regola uża jew itlef" minn 80 % għal 85 %.

Il-miżuri proposti fir-rigward tal-islotts għandhom jippermettu lis-sistema biex sal-2025 tkun tiflaħ 24 miljun passiġġier aktar fis-sena. Dawn għandhom jiswew EUR 5 biljun għall-ekonomija Ewropea u joħolqu sa 62,000 impjieg tul il-perjodu 2012-2025.

Bħalissa, ħames ajruporti Ewropej qed joperaw fil-livell massimu tal-kapaċità: Dusseldorf, Frankfurt, London Gatwick, London Heathrow, Milan Linate. Skont ix-xejriet attwali, sal-2030, dan jista' jiżdied għal dsatax-il ajruport, inkluż pereżempju Paris CDG - b'konsegwenzi ferm sinifikanti għad-dewmien u l-konġestjoni.

Dwar il-ground-handling

Il-Kummissjoni qed tressaq proposti sabiex ittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tal-ground-handling fl-ajruporti.

Il-miżuri se jinkludu: għas-servizzi tal-ground-handling li s'issa għadhom limitati (servizzi ta' handling tal-bagalji, handling fuq ir-rampa, mili tal-fjuwil u żejt, servizzi tal-merkanzija u tal-posta), l-għażla minima ta' ground-handlers li jkunu disponibbli għal-linji tal-ajru fl-ajruporti kbar għandha tiżdied minn tnejn għal tlieta. Fl-istess ħin, hemm proposti ġodda sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jmorru lil hinn fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u b'hekk jkun jista' jseħħ trasferiment tal-istaff, fil-kuntest tal-kundizzjonijiet eżistenti, meta kuntratt jingħata lil fornitur ġdid. Dan huwa essenzjali biex jiġu pprovduti kundizzjonijiet ta' impjieg stabbli, li huma meħtieġa biex tinżamm forza tax-xogħol ta' kwalità għolja f'settur li jirrikjedi ħafna ħaddiema.

Il-proposti jsaħħu r-rwol tal-ajruporti bħala "koordinatur fuq l-art" b'responsabbiltà ġenerali għall-koordinazzjoni tas-servizzi tal-ground-handling f'ajruport. Dawn jipprovdu l-ajruporti b'sett ta' għodod ġodda sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan, pereżempju, biex jitolbu li jkunu osservati standards minimi ta' kwalità mill-ground-handlers fl-ajruport tagħhom. Dawn il-miżuri se jsaħħu wkoll il-flessibbiltà tal-ajruporti li jkunu qed jaffrontaw tfixkil kbir.

Dwar l-istorbju

Il-proposti tal-Kummissjoni jżidu t-trasparenza fil-proċess tal-istabbilment ta' restrizzjonijiet marbuta mal-istorbju fl-ajruporti, inkluż rwol ta' sorveljanza għall-Kummissjoni. Dan ma jikkonċernax il-miri, iżda l-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet. Jagħti lill-Kummissjoni rwol ta' skrutinju iżda ma jissostitwix id-deċiżjoni finali tal-Istat Membru. Il-proposti jaġġornaw ukoll il-leġiżlazzjoni eżistenti f'konformità mal-iżviluppi teknoloġiċi sabiex jagħmluha aktar faċli għall-awtoritajiet biex bil-mod il-mod ineħħu l-ajruplani li l-aktar jagħmlu storbju.

Id-deċiżjonijiet dwar it-tnaqqis tal-livelli ta' storbju jridu jibbilanċjaw il-ħarsien taċ-ċittadini li jgħixu qrib l-ajruporti mal-ħtiġijiet ta' dawk li jixtiequ jivvjaġġaw. Id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu skont il-linji gwida stabbiliti fil-livell internazzjonali (minn korp tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali). Ir-residenti huma intitolati għal protezzjoni minn storbju eċċessiv mill-ajruporti iżda huwa meħtieġ li jkunu kkunsidrati l-ispejjeż f'termini ta' telf tal-kapaċità u tal-impatt fuq it-tkabbir ekonomiku f'reġjun.

Il-passi li jmiss

Il-proposti tal-Kummissjoni jridu jiġu approvati mill-Parlament Ewropew u mill-Gvernijiet tal-Istati Membri permezz tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, qabel ma jkunu adottati.

Aktar tagħrif

MEMO/11/857

http://ec.europa.eu/transport/air/airports/doc/2011-airport-package-citizens-summary_en.pdf

http://ec.europa.eu/avservices/video/videoplayer.cfm?ref=I071007

http://ec.europa.eu/transport/air/studies/airports_en.htm

http://ec.europa.eu/transport/air/airports/slots_en.htm

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site