Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Nirrestawraw il-fiduċja fir-rapporti finanzjarji: il-Kummissjoni Ewropea qed timmira lejn suq tal-awditjar dinamiku, miftuħ u ta' kwalità ogħla

Commission Européenne - IP/11/1480   30/11/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Nirrestawraw il-fiduċja fir-rapporti finanzjarji: il-Kummissjoni Ewropea qed timmira lejn suq tal-awditjar dinamiku, miftuħ u ta' kwalità ogħla

Brussell, it-30 ta' Novembru 2011 – Il-kriżi finanzjarja tal-2008 ħarġet fid-deher nuqqasijiet konsiderevoli fis-sistema Ewropea tal-awditjar. L-awditi ta' wħud mill-istituzzjonijiet finanzjarji l-kbar eżatt qabel il-kriżi, matulha u minn meta seħħet kellhom rapporti tal-awditjar "nodfa" minkejja d-dgħufijiet intrinsiċi serji fis-saħħa finanzjarja tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. Rapporti reċenti ta' spezzjoni minn superviżuri nazzjonali kkritikaw ukoll il-kwalità tal-awditi.

Skont il-proposti adottati llum mill-Kummissjoni Ewropea, din is-sitwazzjoni għandha tinbidel billi jiġi ċċarat ir-rwol tal-awdituri u jiġu introdotti regoli aktar stretti għas-settur tal-awditjar, partikolarment bil-għan li jsaħħu l-indipendenza tal-awdituri kif ukoll ta' diversità akbar fis-suq attwali tal-awditjar li huwa kkonċentrat ħafna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li toħloq Suq Uniku għal servizzi statutorji tal-awditjar li jippermetti lill-awdituri jeżerċitaw il-professjoni tagħhom liberament u faċilment fl-Ewropa kollha, ladarba jkollhom liċenzja minn Stat Membru wieħed. Hemm ukoll proposti għal approċċ imsaħħaħ u aktar ikkoordinat għas-superviżjoni tal-awdituri fl-UE. Flimkien, il-miżuri kollha għandhom itejbu l-kwalità tal-awditi statutorji fl-UE u jirrestawraw il-fiduċja fir-rapporti finanzjarji awditjati, b'mod partikolari dawk tal-banek, tal-assiguraturi u tal-kumpaniji l-kbar elenkati.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Il-fiduċja tal-investitur fl-awditjar ixxellfet bil-kriżi u nemmen li f'dan is-settur il-bidliet huma meħtieġa. Jeħtieġ li nirrestawraw il-fiduċja fir-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji. Il-proposti tal-lum jindirizzaw id-dgħufijiet attwali fis-suq tal-awditi tal-UE, billi jeliminaw kunflitti ta' interess, jiżguraw l-indipendenza u superviżjoni robusta u jiffaċilitaw aktar diversità f'suq li huwa kkonċentrat wisq, speċjalment fil-livelli superjuri tiegħu."

Sfond:

L-awdituri huma fdati mil-liġi biex jagħtu opinjoni dwar il-ġenwinità u l-korrettezza tar-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji li jawditjaw. Il-kriżi finanzjarja enfasizzat dgħufijiet fl-awditjar statutorju speċjalment fir-rigward ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji. Ġie espress tħassib dwar kunflitti ta' interess kif ukoll il-potenzjal għal akkumulazzjoni tar-riskju sistemiku peress li s-suq huwa ddominat minn erba' kumpaniji kbar ("l-Erbgħa l-Kbar"), jiġifieri Deloitte, Ernst & Young, KPMG u PricewaterhouseCoopers.

L-elementi ewlenin tal-proposta:

Il-proposti rigward l-awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku, bħall-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji elenkati, jipprevedu miżuri li jżidu l-indipendenza tal-awdituri u li jagħmlu s-suq tal-awditjar statutorju aktar dinamiku. Il-miżuri ewlenin f'dan ir-rigward huma:

Rotazzjoni mandatorja tad-ditti tal-awditjar: Id-ditti tal-awditjar se jkunu meħtieġa jinbidlu skont rotazzjoni wara perjodu ta' ingaġġ ta' sitt snin (b'xi eċċezzjonijiet). Qabel ma ditta tal-awditjar tkun tista' terġa' tiġi ingaġġata mill-istess klijent irid jgħaddi perjodu applikabbli ta' erba' snin. Il-perjodu qabel ma r-rotazzjoni ssir obbligatorja jista' jiġi estiż għal disa' snin jekk jitwettqu awditi konġunti, jiġifieri jekk l-entità li tkun qed tiġi awditjata taħtar aktar minn ditta tal-awditjar waħda biex iwettqu l-awditjar tagħha, u b'hekk potenzjalment ittejjeb il-kwalità tal-awditu mwettaq billi tapplika l-"prinċipju ta' erba' għajnejn". L-awditi konġunti mhumiex obbligatorji iżda għaldaqstant l-użu tagħhom jitħeġġeġ.

Proċeduri mandatorji ta' sejħiet għal offerti: Entitajiet ta' interess pubbliku se jkollhom l-obbligu jużaw proċedura ta' sejħiet għall-offerti miftuħa u trasparenti meta jagħżlu awditur ġdid. Il-kumitat tal-awditjar (tal-entità awditjata) għandu jkun involut mill-qrib fil-proċedura tal-għażla.

Servizzi mhux tal-awditjar: Id-ditti tal-awditjar mhux se jkollhom permess jipprovdu servizzi mhux tal-awditjar lill-klijenti tal-awditjar tagħhom. Barra minn hekk, ditti tal-awditjar kbar se kollhom l-obbligu jisseparaw l-attivitajiet tal-awditjar mill-attivitajiet mhux tal-awditjar sabiex jevitaw kull riskju ta' kunflitt ta' interess.

Superviżjoni Ewropea tas-settur tal-awditjar: Barra minn hekk, meta jitqies il-kuntest globali tal-awditjar, huwa importanti li l-koordinazzjoni tas-sorveljanza tan-netwerks tal-awditjar u l-kooperazzjoni fir-rigward tagħhom jiġu żgurati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll internazzjonalment. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' superviżjoni tal-awdituri tiġi żgurata fi ħdan il-qafas tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS).

Il-possibbiltà li l-awdituri jkunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Ewropa kollha: Il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta' Suq Uniku għal awditi statutorji billi tintroduċi passaport Ewropew għall-professjoni tal-awditjar. Għal dan il-għan, il-proposti tal-Kummissjoni se jippermettu li d-ditti tal-awditjar jipprovdu servizzi fl-UE kollha u li jkun meħtieġ li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar kollha jikkonformaw mal-istandards internazzjonali tal-awditjar meta jwettqu l-awditi statutorji.

Titnaqqas il-burokrazija għall-awdituri ż-żgħar: Il-proposta se tippermetti wkoll applikazzjoni proporzjonata tal-istandards f'każ ta' kumpaniji żgħar u medji.

MEMO/11/856

Il-proposti jinsabu fuq:

http://ec.europa.eu/internal_market/auditing/reform/index_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site