Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

EUR 5.8 biljuni proposti biex jiffinanzjaw il-programm Ewropew għall-osservazzjoni tad-Dinja

Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011 – Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tiffinanzja l-programm GMES (Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà) għall-osservazzjoni tad-Dinja għall-perjodu bejn l-2014-2020 lil hinn mill-qafas finanzjarju tal-UE, li għalih huwa meqjus neċessarju baġit stmat ta’ EUR 5.8 biljuni.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li twaqqaf fond speċifiku għall-GMES li jkun simili għall-mudell magħżul għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, b’kontribuzzjonijiet finanzjarji mis-27 Stat Membru kollha tal-UE abbażi tal-introjtu nazzjonali gross tagħhom (ING). Dan se jeħtieġ ftehim intergovernattiv bejn l-Istati Membri tal-UE li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill. Il-programm se jkun koordinat mill-Kummissjoni u l-ġestjoni finanzjarja tiegħu tista’ tiġi ddelegata lis-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GSA).

Il-Viċi President Antonio Tajani, li hu responsabbli mill-Industrija u l-Imprenditorija qal: “Sabiex tkun tista’ tirreaġixxi għall-isfidi li dejjem jiżdiedu fil-livell globali, l-Ewropa għandha bżonn ta’ sistema tagħha għall-osservazzjoni tad-dinja li tkun koordinata sew u li hi affidabbli. Il-Programm GMES se jtejjeb b’mod sinifikanti r-riċerka relatata mal-ispazju fl-Ewropa u fl-aħħar mill-aħħar se jappoġġa wkoll l-irkupru ekonomiku u se jindirizza l-isfidi ewlenin li ċ-ċittadini Ewropej qed jiffaċċjaw illum”.

Aktar informazzjoni dwar il-Monitoraġġ globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/space/gmes/index_en.htm

Sfond

GMES – L-għodda Ewropea biex tikkontribwixxi għas-sigurtà, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex iżżid il-kompetittività

Bis-satelliti “Sentinella” tiegħu, il-GMES jipprovdi informazzjoni li tippermetti fehim aħjar ta’ kif u b’liema mod il-pjaneta tagħna tista’ tkun qed tinbidel filwaqt li jimmoniterja l-istat tal-ambjent fuq l-art, fil-baħar u fl-atmosfera. Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, ir-reazzjoni għall-emerġenzi, l-assigurazzjoni ta’ kontroll aħjar fuq il-fruntieri, it-titjib fis-sigurtà u t-twissija liċ-ċittadini jekk il-kwalità tal-arja ssir ħażina, huma kollha attivitajiet li jiddependu minn informazzjoni preċiża u f’waqtha dwar id-Dinja tagħna. Il-GMES qieqħed iwassal id-dejta neċessarja, inklużi l-mapep għal operazzjonijiet ta' emerġenza, il-monitoraġġ tal-parametri tat-tibdil fil-klima, tat-temperatura tal-oċean u tal-baħar jew il-kompożizzjoni kimika tal-atmosfera. Il-GMES huwa rilevanti wkoll għat-titjib tas-sigurtà għaċ-ċittadini, bħalma huma s-sorveljanza tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-piraterija u l-kriminalità organizzata.

Skont analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, il-GMES huwa mistenni li jwassal għal benefiċċji li jiswew minn tal-inqas darbtejn l-ispejjeż tal-investimenti għall-perjodu sal-2020 u erba’ darbiet l-ispejjeż sal-2030. Dan jirrappreżenta potenzjal enormi għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol bl-iżvilupp ta' servizzi innovattivi u applikazzjonijiet kummerċjali fis-settur iktar 'l isfel fil-katina ta' attivitajiet.

Id-dimensjoni Ewropea tal-GMES twassal għal ekonomiji ta’ skala, tiffaċilita l-investiment komuni f'infrastrutturi kbar, trawwem il-koordinazzjoni tal-isforzi u n-netwerks ta’ osservazzjoni, tippermetti l-armonizzazzjoni u l-interkalibrazzjoni tad-dejta, u tipprovdi l-impetu meħtieġ għall-iżvilupp ta’ċentri ta’ eċċellenza ta’ klassi dinjija fl-Ewropa.

L-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni ġeospazjali fil-livell tal-UE hija sfida ewlenija għall-implimentazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ politiki tal-Unjoni. Bosta oqsma ta’ tħassib ambjentali - bħalma huma l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-politiki ta’ adattament – jeħtieġu li wieħed jaħseb b’mod globali u jaġixxi b'mod lokali. Permezz tal-GMES, l-UE qiegħda tassigura l-aċċess awtonomu tagħha għal informazzjoni li hija affidabbli, traċċabbli u sostenibbli dwar l-ambjent u s-sigurtà, tikkontribwixxi permezz tal-inizjattiva internazzjonali GEOSS (Is-Sistema ta' Sistemi għall-Osservazzjoni Globali tad-Dinja) biex tibni ġabriet ta’ dejta u informazzjoni mill-osservazzjoni globali u żżid l-influwenza tagħha fin-negozjati internazzjonali u t-trattati bħalma huma t-tliet Konvenzjonijiet ta' Rio, it-Trattat ta' wara Kyoto, u ftehimiet bilaterali jew multilaterali oħra. Il-GMES huwa rikonoxxut bħala l-kontribuzzjoni Ewropea għall-bini tas-Sistema ta' Sistemi għall-Osservazzjoni Globali tad-Dinja, żviluppat fil-qafas tal-Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO).

Il-Kummissjoni indikat li minħabba l-limiti tal-baġit tal-UE, ġie propost li l-GMES jiġi ffinanzjat matul l-2014-2020 lil hinn mill-qafas finanzjarju multiannwali. Madankollu, il-Kummissjoni għadha impenjata biex tassigura s-suċċess tal-GMES, u f’dan il-kuntest, il-komunikazzjoni tal-lum se tniedi d-dibattitu mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ġejjieni tal-programm GMES.

Kuntatti :

Carlo Corazza +32 2 295 17 52


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website