Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Orizzont 2020: Il-Kummissjoni tipproponi investiment ta’ EUR 80 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni, biex tagħti spinta lit-tkabbir u l-impjiegi

Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea llum ppreżentat pakkett ta’ miżuri biex tagħti spinta lir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-Ewropa. Il-Kummissarju Máire Geoghegan-Quinn illum ħabbret Orizzont 2020, programm ta’ EUR 80 biljun1 għal investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Kummissarju Androulla Vassiliou ppreżentat Aġenda Strateġika għall-Innovazzjoni għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (European Institute of Innovation and Technology - EIT), li ser jirċievi EUR 2.8 biljun ta’ finanzjament taħt Orizzont 2020. Fl-istess ħin, il-Viċi President Antonio Tajani ħabbar programm ġdid kumplimentari biex jagħti spinta lill-kompetittività u l-innovazzjoni fl-SMEs, b’baġit addizzjonali ta’ EUR 2.5 biljun. Il-programmi ta’ finanzjament huma għas-snin 2014 – 2020.

Waqt li ppreżentat Orizzont 2020, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza Máire Geoghegan-Quinn qalet: "Neħtieġu viżjoni ġdida għar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej f’ambjent ekonomiku li nbidel b’mod drammatiku. Orizzont 2020 jipprovdi stimolu dirett lill-ekonomija u jiżgura l-bażi tagħna tax-xjenza u t-teknoloġija u l-kompetittività industrijali għall-ġejjieni, u jipprometti soċjetà iktar intelliġenti, iktar sostenibbli u iktar inklussiva.”

Orizzont 2020, għall-ewwel darba, jgħaqqad flimkien il-finanzjament kollu tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni taħt programm uniku. Jiffoka aktar minn qatt qabel sabiex skoperti xjentifiċi jinbidlu fi prodotti u servizzi innovattivi li jipprovdu opportunitajiet lin-negozju u jbiddlu ħajjet in-nies għall-aħjar. Fl-istess ħin, inaqqas drastikament il-burokrazija, billi jissimplifika r-regoli u l-proċeduri biex aktar riċerkaturi mill-aqwa u firxa usa’ ta’ negozji innovattivi jitħajru jipparteċipaw.

Orizzont 2020 ser jiffoka l-fondi fuq tliet għanijiet ewlenin. Ser jappoġġa l-pożizzjoni tal-UE bħala minn ta’ quddiem nett fil-qasam tax-xjenza fid-dinja b’baġit iddedikat ta’ EUR 24.6 biljun, inkluż żieda ta’ 77 % għall-finanzjament tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (European Research Council - ERC), li kellu suċċess kbir. Ser jgħin biex jiżgura tmexxija industrijali fl-innovazzjoni b’baġit ta’ EUR 17.9 biljun. Dan jinkludi investiment ewlieni ta’ EUR 13.7 biljun f’teknoloġiji prinċipali, kif ukoll aċċess akbar għall-kapital u appoġġ għall-SMEs. Fl-aħħar nett, EUR 31.7 biljun ser jiġu allokati biex jindirizzaw tħassib ewlieni tal-Ewropej kollha, dwar sitt temi ewlenin: Is-saħħa, it-tibdil demografiku u l-benessri; Is-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura sostenibbli, ir-riċerka marittima u tal-baħar u l-bijoekonomija; Enerġija sikura, nadifa u effiċjenti; Trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat; Azzjoni klimatika, użu effiċjenti ta' riżorsi u materja prima; u Soċjetajiet inklussivi, innovattivi u sikuri.

Sfond

Orizzont 2020 huwa pilastru ewlieni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, inizjattiva prinċipali ta’ Ewropa 2020 bil-għan li ttejjeb il-kompetittività globali Ewropea. L-Unjoni Ewropea qiegħda fuq quddiem nett globalment f’bosta teknoloġiji, iżda qed tħabbat wiċċha ma’ kompetizzjoni dejjem tikber kemm minn poteri tradizzjonali, kif ukoll minn ekonomiji emerġenti. Il-proposta tal-Kummissjoni issa ser tiġi diskussa mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, bil-għan li tiġi adottata qabel tmiem is-sena 2013.

L-aċċess għal finanzjament provdut minn Orizzont 2020 ser ikun iżjed faċli minħabba disinn aktar sempliċi tal-programm, sett uniku ta’ regoli u anqas burokrazija. Orizzont 2020 ser ifisser: rimborż simplifikat drastikament billi jintroduċi rata unika fissa għall-ispejjeż indiretti u żewġ rati biss ta’ finanzjament – għar-riċerka u għall-attivitajiet qrib is-suq rispettivament, punt uniku ta’ aċċess għall-parteċipanti, anqas xogħol amministrattiv fit-tħejjija ta’ proposti; u ebda kontroll u awditjar bla bżonn. Għan wieħed ewlieni huwa li jitnaqqas iż-żmien sakemm jasal il-finanzjament wara applikazzjoni għal għotja b’100 ġurnata bħala medja, li jfisser li l-proġetti jistgħu jinbdew aktar malajr.

Il-Kummissjoni ser tagħmel sforzi ewlenin sabiex il-programm jinfetaħ għal aktar parteċipanti mill-Ewropa kollha billi tesplora sinerġiji ma’ fondi skont il-politika ta’ Koeżjoni tal-UE. Orizzont 2020 ser jidentifika ċentri potenzjali ta’ eċċellenza f’reġjuni li għandhom prestazzjoni baxxa u joffrilhom pariri u appoġġ dwar politika, filwaqt li l-Fondi Strutturali tal-UE jkunu jistgħu jintużaw biex jimmodernizzaw l-infrastruttura u t-tagħmir.

EUR 3.5 biljun ser jiġu allokati għal użu aktar intensiv u mifrux ta’ strumenti finanzjarji li ser jingranaw self minn istituzzjonijiet finanzjarji fis-settur privat. Dawn urew li huma verament effikaċi biex jistimulaw investiment privat f’innovazzjoni li twassal direttament għal tkabbir u impjiegi. Impriżi żgħar u medji (SMEs) ser jibbenefikaw minn madwar EUR 8.6 biljun, b’rikonoxximent tar-rwol kritiku tagħhom fl-innovazzjoni.

Orizzont 2020 ser jinvesti kważi EUR 6 biljun fl-iżvilupp ta’ kapaċitajiet industrijali Ewropej f'Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ (Key Enabling Technologies - KETs). Dawn jinkludu: L-oqsma tal-fotonika u l-mikro u n-nanoelettronika, in-nanoteknoloġiji, il-materjali avvanzati, u l-manifattura u l-pproċessar avvanzati, u l-bijoteknoloġija. L-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji jeħtieġ approċċ multidixxiplinarju, u għandu jkun intensiv fl-għarfien u l-kapital.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, EUR 5.75 biljun (+21 %) ser jiġu allokati għall-Azzjonijiet Marie Curie, li appoġġaw it-taħriġ, il-mobbiltà u l-iżvilupp tal-kompetenzi ta’ aktar minn 50 000 riċerkatur mit-tnedija tagħhom fl-1996.

Bħala parti integrali ta’ Orizzont 2020, l-EIT ser ikollu rwol importanti billi jgħaqqad flimkien istituzzjonijiet eċċellenti ta’ edukazzjoni aktar għolja, ċentri ta’ riċerka u negozji biex joħloq l-imprendituri tal-ġejjieni u biex jiżgura li t-‘triangolu ta’ għarfien’ Ewropew ikun daqs l-aqwa fid-dinja. Il-Kummissjoni ddeċidiet li żżid b’mod sinifikanti l-appoġġ tagħha lill-EIT billi pproponiet baġit ta’ EUR 2.8 biljun għas-snin 2014-2020 (li żdied minn EUR 309 miljun minn meta tnieda fl-2008). L-EIT huwa msejjes fuq kunċett pijunier ta’ ċentri ta’ sħubijiet transkonfinali tas-setturi privati u pubbliċi magħruf bħala Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (Knowledge and Innovation Communities – KICs). It-tliet KICs eżistenti tiegħu, iffokati fuq l-enerġija sostenibbli (KIC InnoEnergy), it-tibdil fil-klima (Climate KIC) u s-soċjetà tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (EIT ICT Labs), ser jiżdiedu b'sitta ġodda oħra matul is-snin 2014-2020 (ara IP/11/1479 u MEMO/11/851).

Il-finanzjament għall-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) ser jiżdied b’77 % għal EUR 13.2 biljun. L-ERC jappoġġa x-xjenzati l-aktar kreattivi u bl-akbar talenti biex iwettqu riċerka fil-fruntieri tal-għarfien tal-ogħla kwalità fl-Ewropa, fi programm rikonoxxut u rrispettat internazzjonalment.

Orizzont 2020 ser ikompli jippromwovi wkoll l-kooperazzjoni internazzjonali, sabiex tissaħħaħ l-eċċellenza u l-attraenza tal-UE fir-riċerka, sabiex b’mod konġunt tinstab soluzzjoni għall-isfidi globali, u sabiex il-politiki esterni tal-UE jkollhom appoġġ.

Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (The Joint Research Centre - JRC), is-servizz xjentifiku intern tal-Kummissjoni Ewropea, ser ikompli jipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku lit-tfassil tal-politika tal-UE f'kull qasam, mill-ambjent, l-agrikoltura u s-sajd sa saħansitra n-nanoteknoloġija u s-sikurezza nukleari.

Orizzont 2020 ser ikun ikkumplimentat b’miżuri ulterjuri oħrajn biex sal-2014 tiġi kkompletata ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, suq uniku ġenwin għall-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni (IP/11/1025 , MEMO/11/597).

Għal aktar tagħrif ara MEMO/11/848

Programm għal Kompetittività ta' Negozji u Impriżi Żgħar u Medji: IP/11/1476 u MEMO/11/852

European Institute of Innovation and Technology (EIT): IP/11/1479 u MEMO/11/851

Orizzont 2020: http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm?pg=home

Unjoni tal-Innovazzjoni: http://ec.europa.eu/innovation-union

Ewropa 2020: http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm

Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP):

http://ec.europa.eu/cip/index_mt.htm

Sit tal-internet tal-EIT: http://eit.europa.eu

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

1 :

Prezzijiet kostanti tal-2011. EUR 90 biljun meta titqies l-inflazzjoni stmata għas-snin 2014–2020.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website