Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-titjib tal-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel

European Commission - IP/11/1469   29/11/2011

Other available languages: EN FR DE IT PL RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

It-titjib tal-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel

Brussell, id-29 ta’ Novembru 2011: Il-prattiki kontrattwali bejn in-negozji, il-kompetittività fl-industrija agroalimentari u s-sorveljanza tal-prezzijiet tal-ikel se jkunu l-kwistjonijiet ewlenin fil-ħidma tal-2012 tal-Forum ta' Livell Għoli għal Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel. Sena wara l-laqgħa tat-twaqqif tiegħu, il-Forum illum adotta r-rapport ta' nofs il-perjodu tal-ħidma tiegħu.

Il-Forum laqa' b'mod partikolari l-Prinċipji ta' Prattika Tajba li qablu dwarhom ħdax-il organizzazzjoni fis-settur. Dawn il-prinċipji jirrappreżentaw pass sinifikanti 'l quddiem tal-katina tal-provvista tal-ikel fil-ġlieda kontra l-prattiki inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji. Issa jridu jitfasslu għodda effikaċi ta' implimentazzjoni u ta' rinfurzar biex isir titjib tassew fis-suq. Fl-ispirtu ta' regolamentazzjoni mtejba, il-Kummissjoni stiednet lir-rappreżentanti tal-katina tal-provvista tal-ikel biex iressqu għażliet kredibbli tal-implimentazzjoni lill-Forum sa Ġunju tal-2012.

Il-Forum enfasizza wkoll żviluppi oħrajn pożittivi, bħal-ħidma dwar ir-responsabbiltà korporattiva u l-aġenda ta' sostenibbiltà fil-kuntest tal-kompetittività.

F'dikjarazzjoni konġunta, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, u l-Kummissarji Michel Barnier, John Dalli u Dacian Cioloş qalu: "Qegħdin nagħmlu progress tajjeb u konkret. Issa rridu nħaffu l-pass u l-provvista biex nilħqu l-għanijiet tagħna. Il-ħidma ta' dan il-Forum saret aktar u aktar rilevanti fil-kuntest ekonomiku attwali: neħtieġu katina tal-provvista tal-ikel effiċjenti u kompetittiva għall-benefiċċju tal-produtturi, il-manifatturi, il-bejjiegħa u l-konsumaturi tagħna."

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/food/competitiveness/forum_food/index_en.htm

Sfond

L-għan tal-Forum ta' Livell Għoli huwa li jgħin lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tal-politiki tagħha dwar is-settur agroalimentari u li jiżgura l-kompetittività responsabbli tal-katina kollha tal-provvista tal-ikel.

Il-Kummissjoni Ewropea waqqfet il-Forum fl-20101 (IP/10/1510) biex tkompli fuq il-ħidma ta' dak li kien il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari u testendiha. L-għan tal-Forum huwa li jgħin lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli fil-katina tal-provvista agroalimentari Ewropea. Huwa jagħti wkoll il-pariri lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tagħha "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar" (COM(2009)591).

Il-Forum għandu 45 membru li jirrappreżentaw għadd ta' Stati Membri, ta' kumpaniji Ewropej li għandhom x'jaqsmu mal-produzzjoni, l-ipproċessar jew id-distribuzzjoni tal-ikel, ta' assoċjazzjonijiet professjonali u ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirrappreżentaw l-interessi taċ-ċittadini.

Il-Forum huwa ppresedut mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani flimkien mal-Kummissarji Michel Barnier (Is-Suq Intern u s-Servizzi), Dacian Cioloş (l-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali) u John Dalli (Is-Saħħa u l-Politika tal-Konsumaturi).

Kuntatt :

Carlo Corazza +32 2 295 17 52

1 :

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/C 210/03 (Ġ.U. Nru C210 tat-3.8.2010 p. 4)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website