Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Kampanja Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli Niżguraw is-sikurezza għal uliedna

Brussell, id-29 ta' Novembru 2011. Fi żmien il-Milied, San Niklaw ikollu ħafna x'jagħmel. Ikun irid ilesti s-slitta, jitma' ċ-ċriev, jaqra sew il-lista biex ikun ċert li ma ħalla l-ebda tifel jew tifla bilgħaqal barra... u jkun ċert ukoll li l-ġugarelli li xtrawlu n-nani huma ta' gost iżda mingħajr periklu. Din is-sena, ix-xogħol tiegħu se jkun iktar faċli minn qatt qabel: minn Lulju 2011, il-ġugarelli kollha li jinbiegħu fl-UE jridu jissodisfaw l-iktar regoli stretti ta' sikurezza fid-dinja.

Is-sikurezza u l-gost imorru tajjeb ħafna flimkien, iżda din mhix daqshekk ovvja! Is-sikurezza tal-ġugarelli ma tiddependix mill-ġugarelli biss, iżda anke minn kif jintużaw u mill-età tat-tfal li jużawhom. Lejn xiex għandek tħares bħala ġenitur biex tkun taf li l-ġugarell mhux ta' periklu għat-tfal tiegħek? Biex jagħti parir siewi, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, qed iniedi Kampanja Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli, bil-ħsieb li jgħarraf kif jistgħu jinkisbu l-iżjed ġugarelli sikuri, u kif għandhom jintużaw bla periklu. Fuq l-istazzjonijiet televiżivi madwar l-Ewropa se jintwera filmat li jispjega l-kwistjonijiet, u dawn se jissaħħu permezz ta' kard bil-pariri dwar is-sikurezza li se titqassam lill-konsumaturi madwar l-UE kollha meta jkunu qed jixtru l-ġugarelli.

Il-Viċi President Antonio Tajani qal: "Qed inniedi din il-kampanja fi żmien il-Milied, meta jinxtraw l-iżjed ġugarelli. Din is-sena, il-ġugarelli mibjugħa fl-UE huma iżjed sikuri minn qatt qabel, u din il-kampanja se tgħin lill-ġenituri biex jagħmlu l-għażliet it-tajba għal uliedhom." Żied jgħid: "Tassew kuntent li l-midja, u mijiet ta' ħwienet madwar l-UE kollha, se jieħdu sehem f'din il-kampanja. Iżda m'hemmx dubju li s-sikurezza hi importanti matul is-sena kollha, u allura ejjew nagħmlu minn kollox biex ma jkollniex għalfejn nitgħallmu "mill-aċċident!".

Link mal-filmat u l-kartolini

Lista tal-Istati Membri u l-ħwienet li qed jieħdu sehem f'din l-inizjattiva

Għal-aktar tagħrif relatat ma' regoli ġodda tal-UE sabiex tiżdied is-sikurezza tal-ġugarelli: IP/11/908

Suġġerimenti li għandek tiftakar meta tkun qed tixtri l-ġugarelli:

Qatt tixtri ġugarelli li ma għandhomx il-marka CE fuqhom.

Il-marka CE turi li min sawwar il-ġugarell hu konformi mar-regoli kollha tal-UE applikabbli dwar is-sikurezza, fost l-iżjed stretti mad-dinja kollha.

Qatt tixtri ġugarelli għal tfal taħt it-tliet snin li jkollhom partijiet żgħar li jiżżarmaw

It-tfal taħt it-tliet snin huma fir-riskju li jixirqu, minħabba li għandhom tendenza li jixħtu l-affarijiet f'ħalqhom! Il-ġugarelli li juru dan is-simbolu mhumiex adattati għal tfal taħt it-tliet snin.

Aqra t-twissijiet u l-istruzzjonijiet kollha

Oqgħod attent għar-rakkomandazzjonijiet dwar l-età u s-sikurezza, u ħudhom bis-serjetà! Kun ċert li l-ġugarell huwa adattat għall-età tat-tfal – qis it-temperament, id-drawwiet, u l-imġiba tagħhom kull darba li tixtri ġugarell ġdid

Żomm għajnejk fuq it-tfal waqt li jkunu qed jilagħbu

Kun ċert li l-ġugarelli qed jintużaw kif suppost u huma tajbin għall-età u l-kapaċitajiet tat-tfal. Jekk iżżomm għajnejk fuq it-tfal waqt li jkunu qed jilagħbu, tiżgura sikurezza waqt li jkunu qed jieħdu gost.

Dejjem ixtri l-ġugarelli mingħand ħwienet jew minn siti onlajn li tafda.

Dawn jieħdu ħsieb x'ġugarelli jbigħu u ħafna drabi jaċċettaw li jiġu rritornati. Iċċekkja b'attenzjoni l-ġugarelli qodma li tixtri u dawk li jagħtuk il-ħbieb. Peress li jkunu eqdem, jista' jkun li ma jilħqux l-istandards attwali tas-sikurezza.

Dejjem irraporta problema dwar is-sikurezza lill-manifattur jew lill-bejjiegħ minn fejn xtrajt il-ġugarell.

Kartolini mqassma fil-ħwienet

Bosta ħwienet tal-ġugarelli fil-Ġermanja, l-Isvezja, il-Belġju, il-Greċja, ir-Rumanija, ir-Renju Unit, Franza, il-Portugall, Spanja, l-Italja, l-Irlanda, u l-Awstrija se jqassmu kartolini fil-ħwienet tagħhom b'suġġerimenti dwar is-sikurezza tal-ġugarelli. Dawk il-ħwienet tal-ġugarelli li huma interessati jissieħbu f'din il-kampanja, għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni Ewropea.

Kuntatti

Carlo Corazza +32 2 295 17 52


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website