Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-Konsumaturi: Il-Kummissjoni tressaq il-proposti għal soluzzjonijiet ta' tilwim man-negozjanti li huma iżjed ta' malajr, iżjed faċli u li jiswew inqas

European Commission - IP/11/1461   29/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

IL-Konsumaturi: Il-Kummissjoni tressaq il-proposti għal soluzzjonijiet ta' tilwim man-negozjanti li huma iżjed ta' malajr, iżjed faċli u li jiswew inqas

Brussell, id-29 ta' Novembru 2011 – Fl-2010, wieħed minn kull ħames konsumaturi Ewropej sabu l-problemi meta xtraw xi prodotti jew servizzi fis-suq uniku. Jekk bejjiegħ jirrifjuta li jsewwilek il-laptop li nkiser meta kien għadu taħt il-garanzija, jew jekk ma tistax tasal għal arranġament mal-aġent tal-ivvjaġġar tiegħek dwar rimborż għal btala rvinata, jeżistu mezzi biex issolvi l-problema mingħajr rikors għall-qrati. Iżda sfortunatament, f'dan l-istadu, fl-UE s-soluzzjonijiet għat-tilwim barra mill-qrati huma possibbli biss għal ċerti setturi kummerċjali jew f'ċerti oqsma. Biex tieħu ħsieb din il-kwistjoni, illum il-Kummissjoni Ewropea żvelat pakkett ta' proposti leġiżlattivi li jiżguraw li l-konsumaturi kollha tal-UE jkunu jistgħu jsolvu l-problemi mingħajr rikors għall-qorti, ikun x'ikun it-tip ta' prodott jew servizz involut fit-tilwim kontrattwali u mingħajr ma jkun hemm ebda differenza minn fejn ikunu xtrawh fis-suq uniku (jiġifieri, kemm minn pajjiżhom kif ukoll minn barra). Għall-konsumaturi li jixtru l-prodotti onlajn minn pajjiż ieħor tal-UE, il-Kummissjoni trid toħloq pjattaforma waħda għall-UE kollha, li tippermetti s-soluzzjoni ta' tilwim kontrattwali kompletament minn fuq l-internet fi żmien 30 jum.

Is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (Alternative dispute resolution – ADR) taħdem iżjed ta' malajr, tiswa inqas flus u hija iżjed faċli għall-konsumaturi mill-proċedimenti fil-qrati. Huwa stmat li l-aċċess universali għal ADR ta' kwalità madwar l-UE lill-konsumaturi se tiffrankalhom madwar €22.5 fis-sena. Din se tgħin ukoll lin-negozji biex imexxu aħjar ir-relazzjonijiet tagħhom mal-klijenti u jtejjbu l-immaġni korporattiva tagħhom. Il-Kummissjoni trid li l-pakkett ta' liġijiet ġodda jgħin biex iżid il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq uniku madwar l-UE, li għalihom ifisser għażla iżjed wiesgħa u prezzijiet aħjar, u b'hekk ikun qed jagħti kontribut għat-tkabbir tal-ekonomija tal-UE.

Il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Konsumaturi John Dalli qal hekk: "Huwa inaċċettabbli li daqstant problemi tal-konsumaturi jibqgħu bla soluzzjoni għaliex il-konsumaturi ma għandhom ebda mezz effikaċi biex isolvu t-tilwim man-negozjanti. Dan jaffettwalhom il-but u jnaqqsilhom il-fiduċja; minbarra hekk, inaqqas il-veloċità tat-tkabbir Ewropew. Ladarba jiġu adottati, il-proposti li qiegħed inressaq illum se jgħinu lill-konsumaturi Ewropej biex jieħdu passi faċli, ta' malajr u mingħajr ħafna nfiq ta' flus biex isolvu l-problemi, xtraw minn fejn xtraw, u b'kwalunkwe mod li jkunu xtraw prodott jew servizz fl-UE."

X'ġie adottat illum?

  • Id-Direttiva dwar Is-Soluzzjoni Alternattiva tat-tilwim (ADR) se tiżgura li jkunu jeżistu entitajiet ta' kwalità barra mill-qrati biex jieħdu ħsieb kwalunkwe tilwim kontrattwali bejn konsumatur u negozju. Skont il-proposta:

  • L-entitajiet tal-ADR ikollhom jilħqu ċerti kriterji ta' kwalità, jiġifieri jkunu kkwalifikati, imparzjali, trasparenti, effikaċi u ġusti

  • in-negozji għandhom jinfurmaw lill-klijenti tagħhom dwar l-entità ADR li tista' tittratta xi tilwim kontrattwali bejniethom u l-klijenti li jista' tinqala'

  • l-entitajiet ADR se jsolvu t-tilwim fi żmien 90 jum.

  • Ir-Regolament dwar is-Soluzzjoni ta' Tilwim Onlajn se joħloq pjattaforma onlajn waħda għall-UE kollha ("ODR platform") li tipprovdi punt tad-dħul waħdieni għall-konsumaturi u għan-negozji, għas-soluzzjoni ta' tilwim onlajn dwar xirjiet li jkunu saru onlajn minn pajjiż ieħor fl-UE. Dan il-punt tad-dħul Ewropew waħdieni għandu:

  • awtomatikament jibgħat l-ilment tal-konsumatur lill-entità kompetenti nazzjonali tal-ADR

  • jiffaċilita s-soluzzjoni tat-tilwim fi żmien 30 jum.

Dan x'vantaġġi se joffri lill-konsumaturi u lin-negozji?

  • Il-konsumaturi se jkollhom aċċess għal mod effikaċi u irħis biex isolvu t-tilwim tagħhom man-negozjanti, ikunu xi jkunu l-prodotti jew is-servizzi li jkunu xtraw, jixtru b'liema mod jixtru (onlajn jew le) u jixtru minn fejn jixtru madwar l-UE (f'pajjiżhom jew minn barra).

  • Il-konsumaturi li jixtru onlajn minn pajjiżi oħra tal-UE jkunu jistgħu jsolvu t-tilwim kontrattwali tagħhom man-negozjanti tal-UE kompletament onlajn.

  • Huwa stmat li l-konsumaturi se jiffrankaw madwar 0.2% tal-PDG tal-UE (€22.5 biljuni).

  • Għan-negozji, l-aċċess għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim se jkun il-mod ewlieni biex imexxu r-relazzjonijiet tagħhom mal-klijenti u jtejbu l-immaġni korporattiva tagħhom, u biex jiffrankaw l-ispejjeż tal-litigazzjoni.

  • Il-konsumaturi u n-negozjanti madwar l-Ewropa se jkunu ċerti li l-entitajiet Ewropej kollha ta' barra l-qrati li jintalbu jsolvulhom it-tilwim jilħqu l-istess kriterji. Dawn se jkunu trasparenti, ikkwalifikati, imparzjali, effikaċi u ġusti.

  • Fl-aħħar mill-aħħar, il-konsumaturi se jkollhom iżjed fiduċja li jġibu ruħhom b'mod iżjed attiv fit-tfittxija ta' offerti tajbin u l-aħjar prezzijiet madwar is-suq uniku tal-UE, u b'hekk ikunu mutur għall-kompetizzjoni u għat-tkabbir ekonomiku.

Il-Kuntest

Is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) tiddependi minn parti newtrali (bħal arbitru, medjatur jew ombudsman). Toffri mezz irħas, iżjed ta' malajr u iżjed faċli milli kieku wieħed jirrikorri għall-qrati.

Fil-preżent hemm iżjed minn 750 entitajiet tal-ADR fl-UE. Iżda f'xi pajjiżi tal-UE dawn huma disponibbli biss f'ċerti reġjuni jew f'ċerti setturi biss (pereżempju fis-servizzi finanzjarji jew fit-telekomunikazzjonijiet). L-għarfien dwar l-ADR tal-konsumaturi u tan-negozjanti għadu ristrett. Għadhom ma ġewx żviluppati s-sistemi ta' soluzzjoni tat-tilwim onlajn għax-xerrejja onlajn transkonfinali.

L-ispejjeż tat-tilwim mal-konsumaturi mhux solvuti huma stmati għal 0.4% tal-PDG tal-UE. Dawn jinkludu flus mitlufa mill-konsumaturi Ewropej minħabba l-problemi li jiffaċċaw meta jixtru minn pajjiżi oħra tal-UE, li huwa stmat li jwasslu għal bejn €500 miljun u biljun euro.

Il-passi li jmiss

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE kkommettew rwieħhom li jadottaw il-pakkett sa tmiem l-2012 bħala azzjoni prijoritarja fl-Att dwar is-Suq Uniku (ara IP/11/469) Il-pakkett jikkompleta wkoll waħda mill-azzjonijiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Wara l-adozzjoni, l-Istati Membri tal-UE se jkollhom 18-il xahar biex jimplimentaw id-Direttiva tal-ADR. Dan ifisser li l-ADRs barra mill-qrati ta' kwalità għandhom ikunu disponibbli kullimkien fl-UE fit-tieni sitt xhur tal-2014. Il-pjattaforma waħdanija tal-UE għas-soluzzjoni tat-tilwim tkun titħaddem bis-sħiħ sitt xhur wara dik l-iskadenza (jiġifieri kmieni fl-2015), peress li t-tħaddim tagħha tirrekjedi t-twaqqif u l-aġġornament ta' entitajiet ta' barra l-qrati fejn dawn ikunu meħtieġa.

Għal iktar informazzjoni

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-proposta: MEMO/11/840

Għal iktar dettalji ara: http://ec.europa.eu/consumer-adr

Persuni ta' Kuntatt :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website