Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Politika marittima: strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi fiż-żona tal-Oċean Atlantiku

Commission Européenne - IP/11/1456   25/11/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Politika marittima: strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi fiż-żona tal-Oċean Atlantiku

Brussell, il-25 ta’ Novembru 2011– Nhar it-Tnejn 28 ta’ Novembru, f’Lisbona, il-Kummissarju għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, Maria Damanaki, ser tippreżenta srateġija marittima ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi fiż-żona tal-Oċean Atlantiku, li għadha kemm ġiet adottata mill-Kummissjoni Ewropea. L-istrateġija tidentifika l-isfidi u l-opportunitajiet fir-reġjun u tqis l-inizjattivi eżistenti li jistgħu jsostnu t-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi. L-istrateġija ser tiġi implimentata permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni fl-2013. Il-Kummissjoni qed titlob lill-persuni interessati biex jgħinu fid-disinn ta’ proġetti konkreti li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn finazjament tal-UE. Il-Kummissjoni ser tiffaċilita l-iżvilupp ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni permezz ta’ sensiela ta’ gruppi ta’ ħidma u ta’ diskussjoni li ser ikunu miftuħa għal firxa wiesgħa ta’ parteċipanti – il-'Forum tal-Atlantiku'. L-istrateġija l-ġdida hija żviluppata skont il-Politika Marittima Integrata tal-UE u ssegwi strateġiji simili għaż-żoni tal-Baltiku, l-Arktiku u l-Mediterran. Il-Kummissarju Damanaki ser tippreżenta l-istrateġija waqt il-Konferenza ta’ livell għoli dwar l-Atlantiku f’Lisbona u f’Jum il-Partijiet Interessati, bejn it-28 u d-29 ta' Novembru, fejn ser tinżamm l-ewwel diskussjoni.

Il-Kummissarju Maria Damanaki, responsabbli għall-affarijiet marittimi u s-sajd, qalet: "L-Ewropa teħtieġ b’urġenza linji ġodda li jħarsu fit-tul ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv f’ekonomija ekoloġika ('blue economy') ġdida b’karbonju baxx. Industriji marittimi emerġenti għandhom kull opportunità li jkunu wieħed mill-pilastri tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-pjattaforma kollaborattiva offruta permezz tal-Politika Marittima Integrata tagħna tista’ tgħin biex ir-reġjun tal-Atlantiku jsir magħruf internazzjonalment għall-eċċellenza marittima tiegħu."

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha – l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-industrija, is-soċjetà ċivili, u l-gruppi ta’ esperti – biex jikkontribwixxu l-ideat u l-esperjenzi tagħhom għall-Pjan ta’ Azzjoni permezz tal- 'Forum tal-Atlantiku'. Dan ser jikkonsisti f’sensiela ta’ gruppi ta’ ħidma ffokati fuq l-isfidi u l-opportunitajiet deskritti fl-istrateġija, u forum ta’ diskussjoni permezz tal-internet. Il-Forum ser jitnieda fl-2012 u jintemm fl-2013, wara li jkun ikkontribwixxa għall-Pjan ta’ Azzjoni. L-istrateġija ma tipprevedix finanzjament addizjonali għall-implimentazzjoni tagħha: l-azzjonijiet ser jiġu sostnuti mill-fondi eżistenti u futuri tal-UE.

Potenzjal qawwi għat-tkabbir marittimu ('blue growth')

L-Oċean Atlantiku għandu potenzjal qawwi għar-riħ, il-mewġ u l-enerġija mill-marea. Huwa stmat li sal-2020 madwar 20% tal-kapaċità tar-riħ ’il barra mill-kosta tal-Ewropa tista’ tkun lokalizzata fir-reġjun tal-Atlantiku. Il-minjieri f’qiegħ il-baħar jistgħu jgħinu biex jiġu ssodisfati uħud mid-domandi tal-UE għall-materja prima. L-akwakultura 'l barra mix-xatt hija settur promettenti, u terz tal-ħut kollu maqbud mill-flotta tas-sajd tal-UE jitniżżel fil-portijiet tal-Atlantiku.

Iżda l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-opportunitajiet għadhom fl-infanzja tagħhom u għandhom bżonn jiġu sostnuti biex jikbru f’industriji awtosostenibbli. Hawn huwa fejn jidħlu fix-xena l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati l-oħra fir-reġjun; u l-UE tista’ tgħin biex jiġu żgurati s-sinerġiji fuq livell transnazzjonali. Diġà qed isir ħafna, iżda dawn l-azzjonijiet jeħtieġ li jiġu mtejba u rinforzati permezz ta’ użu effiċjenti tal-fondi eżistenti u futuri tal-UE.

Pereżempju, l-ippjanar tal-ispazju marittimu jista’ jagħti spinta lill-akwakultura, peress li dan jagħti ċertezza legali akbar lill-investituri u jipprevjeni l-konflitti għall-ispazji marittimi. L-għarfien marittimu u n-Netwerk Ewropew tal-Osservazzjoni u d-Dejta tal-Baħar (EMODNET) jistgħu jipprovdu dejta dwar il-baħar li hija indispensabbli biex jittieħdu deċiżjonijiet informati. Integrazzjoni aħjar tas-sorveljanza marittima tista’ tgħin biex ikun hemm rispons aktar mgħaġġel għat-theddid u l-emerġenzi, minndiżastri naturali sal-piraterija,u b’hekk l-Oċean Atlantiku jkun aktar sikur.

Madanakollu, l-industriji l-ġodda ma jistgħux jiżviluppaw mingħajr forza tax-xogħol b’ħiliet. Gruppi tal-akkademja u l-industriji marittimi għandhom jiġu appoġġjati u l-ħaddiema jeħtieġu l-assistenza u t-taħriġ mill-ġdid biex jgħinuhom javvanzaw minn industriji li qed jisfaxxaw, bħas-sajd, għal industriji emerġenti. Fir-rigward tat-turiżmu, ir-reġjun tal-Atlantiku għandu ħafna x’joffri lit-turisti. Il-kultura, l-ikel u s-sbuħija naturali huma assi li jridu jiġu sfruttati aktar.

Sfond

Il-kosti, l-ilmijiet territorjali u ġuriżdizzjonali ta’ ħames Stati Membri tal-UE (Franza, l-Irlanda, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit, u t-territorji tagħhom lil hinn minn pajjiżhom, jiġifieri, l-Azores, il-Gżejjer Canary, il-Guiana Franċiża, Guadeloupe, Madeira, Martinique, Saint-Barthélemy u Saint-Martin), kif ukoll l-ilmijiet internazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-istrateġija. L-istrateġija ma tkoprix il-Baħar tat-Tramuntana jew l-Oċean tal-Arktiku. Teżisti strateġija separata għal dan tal-aħħar.

L-iżvilupp tal-Istrateġija għall-Atlantiku jorbot tajjeb mal-Politika Maritima Integrata għall-UE, li hija mmirata biex tikkoordina l-politiki kollha tal-UE ma' dimensjoni marittima biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà ambjentali u l-kwalità tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fir-reġjuni kostali filwaqt li jiġi promoss il-potenzjal ta' tkabbir tal-industriji marittimi. Diġà ġew adottati strateġiji għall-Baħar Baltiku, l-Oċean tal-Arktiku u l-Baħar Mediterran.

Għal aktar tagħrif:

Paġni tal-Politika Marittima Integrata dwar l-Oċean Atlantiku

Konferenza Atlantika ta’ Lisbona

Kuntatti :

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site