Navigation path

Left navigation

Additional tools

Sigurtà Interna: L-UE teħtieġ għodod aħjar biex tiġġieled il-kriminalità, it-terroriżmu u l-estremiżmu

European Commission - IP/11/1453   25/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Sigurtà Interna: L-UE teħtieġ għodod aħjar biex tiġġieled il-kriminalità, it-terroriżmu u l-estremiżmu

Brussell, il-25 ta' Novembru 2011 – Erbgħa minn kull għaxar ċittadini tal-UE jaħsbu li l-UE teħtieġ għodod aħjar biex tiġġieled kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-estremiżmu, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea. Illum, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll l-ewwel rapport dwar l-Istrateġija għas-Sigurtà Interna mnedija s-sena li għaddiet, li jippreżenta kwistjonijiet li jeħtieġ li jingħataw aktar attenzjoni u jevalwa l-progress li sar.

Hekk kif it-theddid għas-sigurtà jiżviluppa u jevolvi, l-UE għandha tkun lesta biex tirrispondi għalih. F’Lulju ta' din is-sena, estremista tal-lemin fin-Norveġja wettaq attakk terroristiku devastanti. F'Awwissu, l-awtoritajiet pubbliċi fir-Renju Unit issekwestraw 1.2 tunnellata ta' kokaina, li kien ammont rekord. Madwar l-UE, l-attakki ċibernetiċi qegħdin jikkawżaw ħsara dejjem ikbar fuq is-sistemi tal-kompjuter pubbliċi u privati. Dawn ifakkru b’mod viżibbli l-importanza li tittieħed azzjoni biex jiġi miġġieled it-theddid għas-sigurtà interna.

Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni qalet “L-attakki fin-Norveġja iktar kmieni din is-sena għamluha ċara ħafna li s-soċjetajiet tagħna qed jiffaċċjaw theddid għas-sigurtà li qed jiżdied fid-daqs u fis-sofistikazzjoni. L-ebda Stat Membru ma jista' jirrispondi għal dawn it-theddidiet waħdu – għandna naħdmu flimkien biex niksbu l-għanijiet tas-sigurtà tagħna, u biex inwieġbu b'mod effettiv għat-tħassib li ċ-ċittadini Ewropej qed jesprimu dwar is-sigurtà tagħhom".

Stħarriġ ġdid tal-opinjoni mill-Ewrobarometru juri li erbgħa minn kull għaxar Ewropej iridu li l-UE tagħmel iktar biex tindirizza l-isfidi tas-sigurtà spjegati fl-iSSI. Ħafna Ewropej jemmnu wkoll li t-theddid se jintensifika matul it-tliet snin li ġejjin, u ċ-ċiberkriminalità hija meqjusa bħala l-isfida tas-sigurtà li probabilment se tmur għall-agħar (ara MEMO/11/829).

Ma jidhirx li huma żbaljati ħafna, għax ir-rapport tal-iSSI juri li hemm mill-inqas tliet theddidiet emerġenti li huma ta' tħassib partikolari. L-ewwel nett, l-internet, li issa huwa parti integrali u indispensabbli mill-ħajja ta' kuljum tagħna, qiegħed isir faċilitatur onlajn għal firxa wiesgħa ta' attivitajiet kriminali u mezz għall-propoganda terrorista. It-tieni nett, l-impatt tal-kriżijiet ekonomiċi li jinsabu għaddejjin ifisser li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom inqas riżorsi disponibbli biex jiġġieldu t-theddid għas-sigurtà interna. It-tielet nett, żviluppi riċenti fil-viċinat tal-UE, inklużi l-iżviluppi demokratiċi tar-Rebbiegħa Għarbija, li huma tant pożittivi, ħolqu movimenti konsiderevoli tan-nies. Dan, imbagħad, jitfa' pressjoni fuq il-fruntiera esterna tal-UE u, f'ċerti każijiet, joħloq il-kundizzjonijiet għal żieda fl-attività kriminali.

Fl-2012, bħala segwitu konkret għall-prijoritajiet identifikati fl-iSSI, il-Kummissjoni tal-UE sejra, fost miżuri oħrajn, tadotta pakkett dwar il-konfiska u l-irkupru ta' assi kriminali, torganizza konferenza ta' livell għoli dwar il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u tiżviluppa strateġija globali Ewropea għas-sigurtà tal-internet.

Sfond

Bħala parti mill-Programm ta' Stokkolma, f'Novembru 2010, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija għas-Sigurtà Interna fl-Azzjoni u ppreżentat ħames prijoritajiet għall-UE għall-erba' snin li ġejjin (ara IP/10/1535 u MEMO/10/598).

L-ewwel rapport annwali, li ħareġ illum, juri progress fl-oqsma li ġejjin:

  • Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata: Il-progress sinifikanti kien ikkaratterizzat mill-proposta tal-Kummissjoni għal leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġbir ta' Rekords tal-Ismijiet tal-Passiġġieri fuq titjiriet li jkunu deħlin jew ħerġin mill-UE u l-pakkett kontra l-korruzzjoni, adottat f’Ġunju 2011. Huwa meħtieġ li jsir progress ulterjuri fil-koperazzjoni ġudizzjarja u fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, u fuq l-iżvilupp ta' metodu amministrattiv fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

  • It-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni: Il-Kummissjoni waqqfet Netwerk Ewropew għall-Kuxjenza dwar ir-Radikalizzazzjoni u adottat Komunikazzjoni dwar it-Traċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu fl-UE. Jeħtieġ li jsiru iktar sforzi fir-rigward ta’ qafas għal miżuri amministrattivi dwar l-iffriżar tal-assi tat-terroristi u t-titjib tas-sigurtà tat-trasport bl-art.

  • Iċ-ċiberkriminalità: Sar progress lejn it-twaqqif ta' Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità u Gruppi ta' Rispons f’Emerġenzi Relatati mal-Kompjuters (CERT). Fil-futur, se jkun jeħtieġ li bosta Stati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Budapest li tipprovdi qafas għal koperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam.

  • Il-ġestjoni tal-fruntieri: Sar progress sinifikanti fl-2011 bit-tnedija tas-sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS); l-iskjerament tal-operazzjonijiet HERMES (flussi migratorji fil-Mediterran) u RABIT (fuq il-fruntiera bejn il-Greċja u t-Turkija) tal-FRONTEX; kif ukoll proposti tal-Kummissjoni għal titjib fil-valutazzjoni u l-monitoraġġ ta' Schengen u għall-istabbiliment ta' sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) sal-2013. Fl-2012, il-Kummissjoni se tagħmel suġġerimenti dwar kif għandha titjieb il-koordinazzjoni tal-verifiki fil-fruntieri li jsiru minn awtoritajiet nazzjonali differenti (il-pulizija, il-gwardjani tal-fruntieri, u d-dwana).

  • Il-ġestjoni tal-kriżijiet u tad-diżastri. Permezz tal-Europol, tal-Frontex, taċ-Ċentru Konġunt tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (SitCen), u taċ-Ċentru tal-Monitoraġġ u l-Informazzjoni tal-Kummissjoni (MIC), l-UE hija kapaċi tuża l-esperjenza fil-ġbir tal-informazzjoni, fl-analiżi, fl-evalwazzjoni tat-theddid u fir-reazzjoni għall-emerġenzi fl-oqsma differenti tas-sigurtà interna. Fil-ġejjieni, jeħtieġ li l-Ewropa tersaq gradwalment lejn politika koerenti dwar il-ġestjoni tar-riskji, li torbot flimkien it-theddid u l-istima tar-riskju mal-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika. Il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS) huwa essenzjali f'dan ir-rigward.

  • Id-dimensjonijiet esterni tas-sigurtà tal-UE. Diversi inizjattivi kienu żviluppati fl-2011 biex jitrawmu koperazzjoni u koordinazzjoni interistituzzjonali fir-rigward tat-terroriżmu, tal-kriminalità tranżnazzjonali u tal-migrazzjoni irregolari fil-Balkani tal-Punent, fil-Qarn tal-Afrika u fis-Sahel. L-SEAE u l-Kummissjoni ħarġu wkoll dokument konġunt dwar it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-atturi tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) u dawk tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja (ĠAI), inkluż possibilitajiet għal koperazzjoni bejn il-Missjonijiet tal-pulizija tal-PSDK u l-Europol.

Għal iktar informazzjoni

Aqra r-rapport tal-iSSI:

http://ec.europa.eu/home-affairs/news/intro/news_201111_en.htm#20111125

Rapport speċjali tal-Ewrobarometru dwar is-sigurtà interna:

MEMO/11/829

Paġna ewlenija ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website