Sélecteur de langues
Chemin de navigation

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa
L-Avjazzjoni: Rapporti dwar il-progress juru li miri ewlenin għall-immaniġjar tat-traffiku tal-ajru Ewropew jinsabu "f’riskju"
Brussell, il-25 ta’ Novembru 2011 – Rapporti dwar il-progress tal-Ajru Uniku Ewropew ippubblikati llum – proposti b’miri b’effetti estensivi sabiex sal-2030 tiġi stabbilita sistema ta’ maniġġjar tat-traffiku tal-ajru pan-Ewropew "juru l-urġenza tas-sitwazzjoni." "Jeżisti riskju ġenwin li ser naqgħu lura u nsibu lilna nfusna f’pożizzjoni fejn ma nkunux kapaċi nissodisfaw id-domandi għall-ivvjaġġar bl-ajru li qed jiżdiedu, li huwa stmat li kważi ser jirdoppjaw sal-2030”, qal Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport. "Is-sena 2012 ser tkun sena jew ta’ suċċess jew ta’ falliment għall-Ajru Uniku Ewropew u ser tkun sena deċisiva Minkejja l-isforzi li saru, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni “dawl tat-traffiku” turi li l-parti l-kbira tal-Istati Membri qegħdin fiż-żoni sofor jew ħomor, u qegħdin f’riskju li ma jilħqux il-miri kruċjali għall-2012 (ara t-tabelli dwar “dawl tat-traffiku” mehmuża).
L-2012 hija sena kritika għall-Ajru Uniku Ewropew – hemm erba’ għanijiet ewlenin li jridu jintlaħqu:
l-iskema ta’ prestazzjoni, li tistabbilixxi l-miri ewlenin għall-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru (air traffic management – ATM) (li ser tibda kmieni fl-2012);
id-disa’ "blokki funzjonali tal-ispazju tal-ajru" (functional airspace blocks – FABs) (li għandhom ikunu operattivi sa tmiem l-2012);
il-maniġer tan-netwerk ATM (diġà maħtur bħala l-Eurocontrol);
it-tnedija tal-fażi tal-mobilizzazzjoni tas-SESAR, il-parti teknoloġika essenzjali tal-Ajru Uniku Ewropew (mill-2014 ’il quddiem), li tibdel il-fażi tar-Riċerka u l-Iżvilupp għall-fażi tal-introduzzjoni madwar l-Ewropa ta’ tagħmir u teknoloġija ġodda.
Il-valutazzjonijiet tad-"dawl tat-traffiku" ppubblikati llum mill-Kummissjoni – ibbażati fuq żewġ rapporti dwar il-progress – jenfasizzaw li hemm lok għal tħassib serju rigward żewġ elementi prinċipali li huma l-qofol tal-proġett Ajru Uniku Ewropew: l-iskema ta’ prestazzjoni u l-blokki funzjonali tal-ispazju tal-ajru.
1. Dwar l-iskema ta’ prestazzjoni:
Ir-riżultat: Kienu biss ħames Stati Membri minn 27 (il-Belġju, id-Danimarka, il-Litwanja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi) li kisbu "dawl aħdar" u li qegħdin fit-triq it-tajba biex jilħqu ż-żewġ miri (għall-ispiża u l-kapaċità/dewmien) għall-perjodu 2012–14. Illum il-Kummissjoni ppubblikat rakkomandazzjonijiet fejn talbet lill-Istati Membri jirrevedu dawn il-miri. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċizjoni vinkolanti fejn titlob lill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) jimplimenta(w) miżuri korrettivi speċifiċi, għalkemm għad baqa’ żmien qasir sabiex il-miri jintlaħqu mingħajr rikors għal din l-azzjoni.
Il-pjanijiet eżistenti tal-Istati Membri mhux se jwasslu għall-ilħiq tal-mira għal kapaċità madwar l-UE kollha ta’ 0.5 minuta dewmien għal kull titjira fl-2014. Jekk din il-mira kellha tintlaħaq, jiġu ffrankati madwar EUR 920 miljun matul il-perjodu 2012–14 minħabba okkorrenza inqas ta’ dewmien u dewmien iqsar.
Barra minn hekk, pjanijiet nazzjonali ta’ prestazzjoni mhux ser jippermettu li tintlaħaq il-mira ta' effiċjenza b'rabta mal-ispejjeż tal-ATM għall-UE kollha ta’ 2.4 % sal-2014. Dan għandu jkollu impatt prinċipali, kemm fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru kif ukoll fuq il-kredibbiltà tal-Ajru Uniku Ewropew. Jenħtieġu miżuri addizzjonali biex tintlaħaq din il-mira sabiex EUR 250 miljun jiġu ffrankati matul il-perjodu kollu ta’ referenza ta’ tliet snin (2012–14).
2. Dwar il-blokki funzjonali tal-ispazju tal-ajru (FABs)
Ir-riżultat: Il-blokki FAB kollha, għajr waħda, l-FAB Daniża/Svediża, jinsabu f’żoni sofor jew ħomor u dan jirriżulta f'raġuni serja għal tħassib. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi fl-azzjonijiet tagħhom. Jekk ma jittiħdux miżuri fil-livell nazzjonali, il-Kummissjoni tista’ tiġi obbligata li terġa’ tiftaħ il-pakketti leġiżlattivi dwar l-Ajru Uniku Ewropew biex tintroduċi soluzzjoni iktar radikali.
Għal tagħrif aktar dettaljat dwar ir-rapporti dwar il-progress, il-miri ta’ prestazzjoni u l-FABs ara: MEMO/11/831.
Fatti u ċifri ewlenin: l-Ajru Uniku
L-ajru u l-ajruporti Ewropej qegħdin f’riskju ta’ saturazzjoni. Mingħajr investiment sostanzjali fl-immodernizzar tas-sistema tal-immaniġjar tat-traffiku tal-ajru Ewropew (l-Ajru Uniku Ewropew), ser ikun hemm konġestjoni qawwija fl-ajru u l-ajruporti tagħna.
Diġà hemm 1.4 biljun passiġġier fis-sena f’440 ajruport.
Dan ifisser 26 000 titjira kuljum li jaqsmu l-ajru Ewropew min-naħa għall-oħra.
Kull sena jkun hemm 10 miljun titjira; u dawn qed jiżdiedu b’5 % kull sena.
Allura 16.9 miljun titjira fis-sena sa 20 sena oħra – dan ifisser li fl-2030 ser ikun hemm titjiriet li jaqsmu l-Ewropa daqs kemm hemm nies joqgħodu Pekin.
L-isfida – titjiriet sikuri, bla xkiel u fil-ħin.
Il-problema: is-sistema tal-immaniġjar tat-traffiku tal-ajru hija arkajka; xi wħud mit-teknoloġiji bażiċi użati ilhom jeżistu mill-ħamsinijiet.
Is-soluzzjoni: l-immodernizzar tal-Ispazju tal-Ajru Ewropew biex jinħoloq Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru pan-Ewropew (Ajru Uniku), li jimmodernizza partijiet frammentati ta’ 27 spazju tal-ajru nazzjonali biex tinħoloq sistema koerenti tal-ATM pan-Ewropea.
a) il-kapaċità tal-ispazju tal-ajru titkabbar bi tliet darbiet,
b) is-sikurezza tiżdied b’għaxar darbiet,
c) l-impatt ambjentali jitnaqqas b’10 %,
d) l-ispejjeż tal-immaniġjar tat-traffiku tal-ajru jitnaqqsu b’50 %.
Implimentazzjoni tal-Ajru Uniku – il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri, il-EUROCONTROL, is-SESAR u s-settur tal-avjazzjoni.
ANNEX 1
European Commission "Traffic light assessment" of progress on functional airspace blocks.
Target: All 9 FABs to be fully operational by end 2012.
Result: All FABs in orange or red zones except for one (Denmark/Sweden)


ANNEX 2
European Commission "traffic light assessment" of Member State performance plans for ATM cost and capacity (delays)
Target: Performance scheme meeting EU-wide targets to start early 2012.
Result: Only 5 Member States have submitted performance plans which would enable the EU wide targets to be met. All others are in the orange or red zones.

Kuntatti : Helen Kearns (+32 2 298 76 38) Dale Kidd (+32 2 295 74 61) |