Navigation path

Left navigation

Additional tools

Sikurezza Nukleari: it-testijiet tal-istress jinsabu fit-triq it-tajba

European Commission - IP/11/1450   24/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Sikurezza Nukleari: it-testijiet tal-istress jinsabu fit-triq it-tajba

Brussell, it-24 ta' Novembru - Fl-ewwel Komunikazzjoni tagħha dwar it-testijiet tal-istress, il-Kummissjoni tgħid li t-testijiet tal-istress Ewropej tal-impjanti nukleari jinsabu fit-triq it-tajba u se jtejbu aktar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari fl-UE. Wara l-aċċident nukleari f’Fukushima, l-UE rreaġixxiet malajr u qablet li jsiru testijiet volontarji tal-impjanti nukleari kollha tagħha, li jammontaw għal 143, ibbażati fuq ġabra ta’ kriterji komuni. Fil-Komunikazzjoni tagħha li ġiet ippubblikata llum, il-Kummissjoni tħares lejn l-ewwel sejbiet ta’ dawn it-testijiet tal-istress u tiffoka fuq ċerti oqsma politiċi fejn il-qafas il-ġdid tas-sikurezza nukleari tal-UE jista’ jissaħħaħ permezz ta’ standards komuni. Ir-riżultati tat-testijiet tal-istress se jkunu magħrufa s-sena d-dieħla ladarba t-testijiet ikunu ffinalizzati.

Il-Kummissarju Ewropew għall-enerġija, Günther Oettinger, qal: “It-testijiet tal-istress huma pass essenzjali fl-isforzi tagħna biex intejbu s-sikurezza u s-sigurtà tal-impjanti nukleari fl-Ewropa. Ma nistgħu naċċettaw xejn inqas mill-ogħla standards tekniċi possibbli. Filwaqt li kull Stat Membru għandu d-dritt jiddeċiedi jekk jipproduċix enerġija nukleari jew le, għandu jkun hemm iċ-ċertezza li ċ-ċittadini ma jitpoġġewx f’riskju u li l-ogħla standards tas-sikurezza ma jkunux biss preskritti iżda jkunu wkoll rispettati kullimkien fl-UE, u lil hinn.”

Qegħdin jieħdu sehem fit-testijiet tal-istress l-14-il Stat Membru kollha li joperaw impjanti nukleari (il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, Spanja, l-Isvezja, u r-Renju Unit) u l-Litwanja, li bħalissa qiegħda tiddekummissjona l-aħħar unità tal-produzzjoni tal-enerġija nukleari tagħha. Il-ġirien tal-UE bħall-Isvizzera u l-Ukraina jieħdu sehem ukoll b’mod attiv fl-eżerċizzju, filwaqt li pajjiżi ġirien oħrajn ikkonfermaw l-impenn tagħhom biex jipparteċipaw.

It-testijiet qegħdin fit-triq it-tajba skont l-iskeda maqbula u d-dati ta' skadenza ġew imħarsa. L-operaturi nukleari kellhom jibagħtu l-ewwel rapport lir-regolaturi nazzjonali sal-15 ta’ Awwissu, u r-regolaturi nazzjonali bagħtu r-rapporti nazzjonali interim tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea sal-15 ta’ Settembru.

It-testijiet tal-istress isiru fuq bażi volontarja u qegħdin isiru proprju għall-ewwel darba fl-UE. Il-valutazzjonijiet komprensivi u trasparenti li għaddejjin bħalissa se jtejbu aktar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari fl-UE. Is-sikurezza nukleari hija indiviżibbli. Din hija r-raġuni għaliex l-istabbiliment ta’ proċess li jimmira lejn l-iktar standards possibbilment għoljin tas-sikurezza u s-sigurtà komuni huwa tal-akbar importanza, billi wieħed iżomm f’moħħu l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE.

Theddid għas-sikurezza, jiġifieri l-prevenzjoni tal-atti intenzjonati u r-reazzjoni għalihom, jiġi vvalutat fi proċess parallel immexxi taħt l-awspiċji tal-Kunsill tal-UE. Ir-rapport tal-progress tal-Kunsill tal-Grupp Ad-hoc dwar is-Sigurtà Nukleari li għadu kemm inħoloq, anness mar-rapport interim tal-Kummissjoni, jenfasizza li fl-impenn tagħhom lejn is-sikurezza nukleari l-Istati Membri huma lesti li jmorru lil hinn, u jagħmlu użu sħiħ minn reġimi internazzjonali relevanti u jsaħħuhom.

Il-Kummissjoni Ewropea diġà qiegħda tikkonkludi l-ewwel tagħlimiet mit-testijiet, għalkemm ir-riżultati finali tat-testijiet tal-istress se jkunu magħrufin biss is-sena d-dieħla, meta t-testijiet ikunu kompluti. Il-Komunikazzjoni tidentifika għadd ta' oqsma ta’ politika fejn azzjoni ulterjuri hija meqjusa neċessarja, jew permezz ta’ koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri inkella bil-proposta ta’ leġiżljazzjoni ġdida tal-UE dwar is-sikurezza nukleari.

  • Leġiżlazzjoni ġdida tal-UE tista’ tiddefinixxi kriterji komuni għall-post, id-disinn, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ impjanti nukleari. Dispożizzjonijiet legali għandhom itejbu wkoll l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali li joħorġu l-liċenzja u jagħmlu kontrolli fuq il-post.

  • L-Istati Membri għandhom jipproponu pjanijiet għall-ġestjoni tar-riskju nukleari fil-livell transkonfinali biex jippreparaw aħjar għal emerġenza nukleari u biex jikkoordinaw l-azzjonijiet ta' reazzjoni tagħhom.

  • Għandu jinkiseb approċċ Ewropew għar-responsabbiltà. Il-vittmi għandhom isiru l-istess kumpens irrispettivament mill-pajjiż tar-residenza tagħhom.

  • Programmi ta’ Riċerka tal-UE għandhom jiffokaw fuq sikurezza nukleari.

Sfond

L-għan tat-testijiet tal-istress huwa li jerġgħu jeżaminaw jekk l-impjanti nukleari humiex kapaċi jifilħu l-effetti tad-diżastri naturali, tal-fallimenti umani jew tal-atti malintenzjonati.

L-operaturi għandhom jissottomettu r-rapport finali sal-31 ta’ Ottubru 2011 u l-awtoritajiet nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2011. Ir-rapporti nazzjonali finali se jkunu soġġetti għall-proċess ta’ reviżjoni mill-pari immexxi minn esperti minn Stati Membri oħrajn u rappreżentant mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta r-riżultati finali lill-Kunsill Ewropew għal-laqgħa ppjanata għal Ġunju 2012.

Ir-rapporti nazzjonali u r-riżultati tar-reviżjoni mill-pari se jkunu pubbliċi. Ir-rapporti dwar il-progress nazzjonali huma disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-ENSREG.

http://ec.europa.eu/energy/nuclear/safety/stress_tests_en.htm

Kuntatti :

Marlene Holzner (+32 2 296 01 96)

Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website