Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE EL

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Akkwist pubbliku: Il-Kummissjoni taġixxi sabiex tiżgura li l-Greċja u Malta jikkonformaw mar-regoli tal-UE.

Brussell, l-24 ta’ Novembru 2011 - Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Ġreċja tiżgura konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku fir-rigward ta’ eżenzjonijiet fil-leġiżlazzjoni Griega għal sejħa għall-offerti ta’ xogħlijiet pubbliċi. Il-Kummissjoni hija mħassba li dawn l-eżenzjonijiet jippermettu lill-awtoritajiet Griegi li jagħtu direttament kuntratti għal xogħlijiet pubbiċi, bħall-bini ta’ toroq, pontijiet u infrastruttura oħra, mingħajr proċedura trasparenti u kompetittiva ta' sejħa għall-offerti. Attwalment, l-awtoritajiet Griegi jistgħu jiddikjaraw tali proġetti bħala ta’ “natura speċjali” - mingħajr ġustifikazzjoni ulterjuri. It-talba tal-Kummissjoni lill-Greċja tieħu l-forma ta’ opinjoni motivata. Jekk il-Greċja ma tagħti l-ebda risposta sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tissottometti din il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lil Malta temenda l-leġiżlazzjoni ta’ akkwist pubbliku tagħha, b'mod partikolari l-proċeduri nazzjonali ta’ reviżjoni tagħha li jikkonċernaw deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-Kummissjoni hija partikolarment imħassba li dawn ir-regoli ma jikkonformawx mad-Direttiva ta’ Rimedji (2007/66/KE) , li tistabbilixxi standards għall-UE kollha għall-iżgurar ta’ mezzi ta’ rimedju veloċi u effettivi f’każijiet fejn l-offerenti jqisu li kien hemm għoti inġust ta' kuntratti. Jekk din id-Direttiva ma tiġix implimentata malajr u kif suppost, hemm ir-riskju li l-offerenti ma jkunux jistgħu jikkontestaw b'mod effikaċi l-għoti illegali ta' kuntratti. It-talba tal-Kummissjoni lil Malta tieħu l-forma ta’ opinjoni motivata, it-tieni stadju tal-proċedimenti ta' ksur tal-UE. Jekk fi żmien xahrejn Malta ma tinnotifikax miżuri għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tissottometti din il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Malta ma weġbitx għall-ittra ta' notifika formali tal-Kummissjoni.

Sfond:

Il-Greċja

Il-liġi Griega dwar xogħlijiet pubbliċi tippermetti l-użu ta’ proċedura negozjata, mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ notifika ta' kuntratt għal xogħlijiet ta’ “natura speċjali” fejn ġew iddikjarati bħala tali mill-awtorità kuntrattwali, wara l-opinjoni tal-Kunsill Tekniku. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, din il-proċedura essenzjalment tammonta għal għotjiet diretti, mingħajr l-ebda proċeduri trasparenti u kompetittivi ta' sejħiet għall-offerti.

Id-Direttiv a relevanti dwar l-Akkwist Pubbliku tal-UE (2004/18/KE) tistabbilixxi kundizzjonijiet u xenarji stretti għal eċċezzjoni mill-prinċipju ġenerali ta’ sejħa għall-offerti b’mod trasparenti u kompetittiv, pereżempju f’sitwazzjonijiet urġenti u mhux mistennija bħal diżastri naturali. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa' tad-dispożizzjoni fil-liġi Griega, dan jippermetti l-użu ta' din il-proċedura eċċezzjonali f'ħafna ċirkostanzi oħrajn minn dawk stabbiliti bir-regoli tal-UE.

L-awtoritajiet Griegi rrikonoxxew in-nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjoni nazzjonali relevanti mal-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE dwar l-akkwist pubbliku.

Madankollu, id-dispożizzjoni inkwistjoni xorta għadha ma nbidlitx u l-kuntratti qegħdin fir-riskju li jkomplu jingħataw mingħajr sejħiet kompetittivi għall-offerti abbażi ta’ din il-liġi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tati bidu lit-tieni fażi tal-proċedura formali tal-ksur billi toħroġ opinjoni motivata.

Malta

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-liġi Maltija li ġiet notifikata mill-Gvern Malti bħala miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva ta’ Rimedji ma timplimentax b’mod sħiħ u korrett il-liġi tal-UE applikabbli għal rimedji fil-qasam tal-akkwist pubbliku. B’mod partikolari, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li ma timplimentax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva applikabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni għas-settur tal-“utilitajiet” (is-settur tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u dak postali). Sa fejn is-setturi l-oħrajn huma kkonċernati, numru ta’ proċeduri relatati mal-ineffikaċja tal-kuntratti, tas-sanzjonijiet u tal-limiti ta’ żmien mhumiex trasposti kompletament u b'mod korrett.

X'inhu l-għan tar-regola tal-UE inkwistjoni?

Akkwist pubbliku huwa meta l-awtoritajiet pubbliċi jonfqu flejjes pubbliċi biex jibnu infrastruttura u biex jixtru kull tip ta’ oġġetti u servizzi, minn sistemi tal-kompjuter, sistemi tat-trattament tal-ilma għall-iskart u l-bini ta’ vapuri sa servizzi ta' konsultazzjoni. Huwa stmat li l-kuntratti pubbliċi kollha mogħtija fl-UE flimkien jirrappreżentaw madwar 17 % tal-PDG. Il-proċeduri miftuħa u trasparenti ta’ evalwazzjoni stabbiliti mir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku iħeġġu l-kompetizzjoni, joffru protezzjoni aħjar kontra l-korruzzjoni u jippermettu lil dawk li jħallsu t-taxxa benefiċċju minn oġġetti u servizzi aktar effettivi u ta’ valur aħjar.

Aktar tagħrif

Akkwist pubbliku:

http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/index_en.htm

L-aħħar tagħrif dwar il-proċeduri ta' ksur li jikkonċernaw lill-Istati Membri kollha

http://ec.europa.eu/eu_law/index_mt.htm

Għal aktar tagħrif dwar il-proċeduri ta' ksur, ara MEMO/11/824

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website