Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Durban għandu joffri pjan direzzjonali għal azzjoni klimatika mill-ekonomiji ewlenin kollha

Brussell, l-24 ta’ Novembru 2011 - Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li tibda fit-28 ta’ Novembru f’Durban, l-Afrika t'Isfel, għandha taqbel dwar pjan direzzjonali u data ta’ skadenza biex jiġi ffinalizzat qafas ambizzjuż, komprensiv u legalment vinkolanti għall-azzjoni klimatika mill-ekonomiji ewlenin kollha. Il-Ftehim dwar dan il-pjan direzzjonali huwa wieħed mill-assigurazzjonijiet meħtieġa mill-Unjoni Ewropea għad-dħul għat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto. Durban jeħtieġ ukoll jrendi operattivi d-deċiżjonjiet li ttieħdu s-sena l-oħra f’Cancún, il-Messiku, u jindirizza l-kwistjonijiet ewlenin li ma kinux solvuti hemmhekk. Dan għandu jirriżulta f’pakkett ibbilanċjat ta' deċiżjonijiet aċċettabbli għall-Partijiet kollha.

F’Durban l-UE se tirrapporta dwar il-progress tajjeb tagħha fl-għoti ta'  7.2 biljun f’finanzjament għall-klima għal "bidu rapidu" li impenjat ruħha li tagħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw matul il-perjodu 2010-12. Sal-lum intużaw żewġ terzi tat-total – € 4.68 biljun.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika qalet: "L-UE hija lesta għal trattat globali f'Durban. Iżda r-realtà hija li ekonomiji oħrajn bħal dawk tal-Istati Uniti u ċ-Ċina għadhom mhumiex lesti. Ejjew inkunu ċari: L-UE tappoġġja l-Protokoll ta' Kjoto. Iżda t-tieni perjodu ta' Kjoto bl-UE biss, li tirrappreżenta 11% tal-emissjonijiet globali, biċ-ċar mhuwiex biżżejjed għall-klima. Dan ma jistax ikun ta' suċċess f'Durban. Il-kwistjoni ewlenija hija: meta ser isegwu l-pajjiżi l-oħra? Id-dinja reċiprokament interdipendenti tal-lum, tfisser azzjoni għall-klima globali minn kulħadd. Il-kwistjoni ta’ Durban għandha tmur lil hinn minn Kjoto. Għaldaqstant, l-UE tista' tmur għat-tieni perjodu ta' Kjoto jekk ikollna assikurazzjoni li l-pajjiżi l-l-kbar l-oħrajn li jipproduċu emissjonijiet se jsegwuna. F'Kopenħagen, il-mexxejja wiegħdu li jżommu taħt iż-2°C Wasal iż-żmien li juru li għandhom l-intenzjoni li jżommu dan l-impenn"

Il-Ministru tal-Ambjent Pollakk Andrzej Kraszewski, li l-pajjiż tiegħu bħalissa għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, qal: L-UE hija miftuħa għat-tieni perjodu ta’ impenn ta’ Kjoto sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tagħna. Flimkien mal-ftehim għal pjan direzzjonali, l-integrità ambjentali ta' Kjoto għandha tissaħħaħ u għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ġodda bbażati fuq is-suq sabiex l-ekonomiji emerġenti jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom bl-inqas spiża possibbli. Durban irid ukoll jilħaq deċiżjonijiet li jrendu operattivi l-ftehimiet ta’ Cancun tas-sena l-oħra u jindirizza għadd importanti ta’ nuqqasijiet fihom."

Jekk jogħġbok kun af li fil-verżjoni onlajn ta' din l-istqarrija għall-istampa wieħed jista' jsib vidjow

Qafas għal azzjoni futura

Deċiżjoni ewlenija għall-Konferenza Ministerjali ta’ Durban hija dwar x’għandu jsegwi “l-ewwel perjodu ta’ impenn” tal-Protokoll ta’ Kjoto – il-perjodu li fih il-pajjiżi żviluppati (minbarra l-Istati Uniti, li għadha ma rratifikatx il-Protokoll) iridu jilħqu l-miri ta' emissjoni tagħhom - li jkopru mill-2008 sal-2012.

L-UE tqis meħtieġ b’mod urġenti qafas klimatiku globali li huwa ambizzjuż, komprensiv u legalment vinkolanti li jimpenja lill-ekonomiji ewlenin kollha jżommu t-tisħin globali taħt iż-2°C meta mqabbel mat-temperatura fi żminijiet preindustrijali. Dan il-qafas għandu jkun ibbażat fuq regoli ċari u jikkonserva l-elementi essenzjali tal-Protokoll ta’ Kjoto.

Kjoto waħdu m'għadux biżżejjed peress li jirrikjedi biss lill-pajjiżi żviluppati li jillimitaw l-emissjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-Istati Uniti, il-Ġappun, ir-Russja u l-Kanada qalu li mhux se jissieħbu għat-tieni perjodu ta' impenn, u b’hekk huwa improbabbli li Kjoto jkopri aktar minn 16 % tal-emissjonijiet globali wara l-2012.

Bħala parti minn tranżizzjoni lejn ir-reġim klimatiku internazzjonali usa' li huwa meħtieġ, l-UE hija miftuħa għat-tieni perjodu ta’ Kjoto bil-kundizzjoni li jintlaħaq ftehim dwar:

  • Il-pjan direzzjonli u l-iskeda ta’ żmien għal qafas klimatiku globali li huwa komprensiv u legalment vinkolanti li għandu jidħol fis-seħħ mhux aktar tard mill-2020;

  • It-tisħiħ tal-integrità ambjentali ta’ Kjoto permezz ta’ qafas ta' kontabbiltà b'saħħtu għall-ġestjoni tal-foresti u permezz ta’ soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ eċċess fil-baġits tal-emissjonijiet ("AAUs") mill-ewwel perjodu ta’ impenn. Din is-soluzzjoni trid tkun nondiskriminatorja u tippreżerva l-inċentivi li hemm għal min imur lil hinn mill-miri tal-emissjonijiet;

  • L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ġdid wieħed jew aktar ibbażat fuq is-suq biex jiġi xprunat l-iżvilupp ta' suq tal-karbonju internazzjonali b'saħħtu.

Is-segwitu għal Cancún

Sabiex titħaffef l-azzjoni klimatika fuq l-art fi żmien iqsar, Durban għandu wkoll irendi operattivi d-deċiżjonijiet li ttieħdu waqt il-konferenza tas-sena l-oħra f’Cancún u jindirizza kwistjonijiet ewlenin li kienu tħallew mhux solvuti.

B'mod partikolari jridu jiġu adottati linji gwida sabiex irendu operattiva sistema msaħħa ta’ trasparenza biex b’hekk ikun ċar jekk il-pajjiżi humiex jonoraw l-impenji tagħhom dwar l-emissjonijiet sal-2020. L-UE trid tara wkoll it-teħid ta’ deċiżjonijiet li jġibu fis-seħħ il-Fond Ekoloġiku għall-Klima għall-finanzjament tal-azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u istituzzjonijiet ġodda fl-oqsma tat-teknoloġija u l-adattament għat-tibdil fil-klima.

Cancún irrikonoxxa li l-impenji attwali dwar l-emissjonijiet mhumiex adegwati b'mod kollettiv biex it-tisħin jinżamm taħt iż-2°C, u għalhekk Durban għandu jidentifika l-alternattivi biex jiġi indirizzat dan in-“nuqqas ta’ ambizzjoni” u jniedi proċess biex dawn jiġu diskussi matul is-sena li ġejja. Barra minn hekk, il-konferenza trid tniedi programm ta’ ħidma dwar l-agrikoltura u tieħu azzjoni dwar l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u t-tbaħħir. L-azzjoni dwar l-avjazzjoni u t-tbaħħir jistgħu jaqdu rwol sinifikanti fit-trawwim futur ta’ finanzjament għall-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

L-aġġornamenti għall-istampa mill-UE f’Durban

Id-delegazzjoni tal-UE se tagħti aġġornamenti regolari għall-istampa li se jkunu sstrimjati f’ħin reali kif ukoll "fuq talba" fi www.unfccc.int. Il-ħinijiet eżatti tal-aġġornamenti jistgħu jiġu vverifikati fi:

http://unfccc.int/meetings/durban_nov_2011/meeting/6245/php/view/press.php

Għal aktar tagħrif:

MEMO/11/825

http://ec.europa.eu/clima/policies/international/negotiations/durban/index_en.htm

Kuntatti :

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site