IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa
Ewropa Kreattiva: il-Kummissjoni tiżvela pjan biex issaħħaħ is-setturi kulturali u kreattivi
Brussell, it-23 ta' Novembru 2011 - Eluf ta' persuni li jaħdmu fiċ-ċinema, it-televixin, il-kultura, il-mużika, l-arti tal-ispettaklu, il-wirt u oqsma relatati jistgħu jibbenefikaw minn aktar appoġġ mill-UE fil-programm il-ġdid "Ewropa Kreattiva" li ġie żvelat mill-Kummissjoni Ewropea llum. B'baġit propost ta' EUR 1.8 biljun1 għall-perjodu ta' bejn l-2014 u l-2020, din tista' tkun spinta tant meħtieġa għall-industriji kulturali u kreattivi, li huma sors ewlieni ta' impjiegi u ta' tkabbir fl-Ewropa. Il-programm il-ġdid se jalloka aktar minn EUR 900 miljun biex jappoġġa s-settur taċ-ċinema u s-settur awdjoviżiv (il-qasam kopert mill-programm MEDIA) u kważi EUR 500 miljun għall-kultura. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li talloka aktar minn EUR 210 miljun għal faċilità ġdida ta' garanzija finanzjarja, li tippermetti lill-operaturi ż-żgħar ikollhom aċċess sa biljun ewro f'self mill-bank, kif ukoll madwar EUR 60 miljun bħala appoġġ għall-kooperazzjoni politika u biex jitħeġġu approċċi innovattivi għall-ħolqien ta' udjenza u mudelli tan-negozju ġodda.
"Dan l-investiment se jgħin lil għexieren ta' eluf ta' professjonisti fil-kultura u fis-settur awdjoviżiv biex jieħu li jistgħu mis-Suq Uniku u biex jilħqu udjenzi ġodda fl-Ewropa u barra mill-Ewropa; mingħajr dan l-appoġġ ikun diffiċli jew impossibbli għalihom biex jidħlu fi swieq ġodda. Il-programm Ewropa Kreattiva jippromwovi wkoll id-diversità kulturali u lingwistika, u jikkontribwixxi għall-għanijiet tagħna tal-Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwaliżmu u ż-Żgħażagħ.
Il-proposta tal-programm Ewropa Kreattiva tal-Kummissjoni tippermetti li:
300,000 artist u professjonist kulturali u x-xogħol tagħhom ikunu jistgħu jirċievu finanzjament biex jilħqu udjenzi ġodda 'l barra mill-pajjiżi ta' oriġini tagħhom
Aktar minn 1,000 film Ewropej jirċievu appoġġ għad-distribuzzjoni, u b'hekk ikunu jistgħu jarawhom udjenzi madwar l-Ewropa u d-dinja kollha
Mill-inqas 2,500 ċinema Ewropej jirċievu finanzjament li jippermettilhom jiżguraw li mill-inqas 50 % tal-films li juru jkunu Ewropej
Aktar minn 5,500 ktieb u xogħlijiet letterarji oħrajn jirċievu appoġġ għat-traduzzjoni, u b'hekk il-qarrejja jkollhom il-pjaċir jaqrawhom fil-lingwa tagħhom
Eluf ta' organizzazzjonijiet kulturali u professjonisti jibbenefikaw minn taħriġ biex jiksbu ħiliet ġodda u biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li jaħdmu b'mod internazzjonali
Mill-inqas 100 miljun persuna jintlaħqu permezz tal-proġetti ffinanzjati mill-programm.
Sfond:
Il-programm Ewropa Kreattiva se jibni fuq l-esperjenza u s-suċċess tal-programmi Kultura u MEDIA li appoġġaw lis-settur kulturali u dak awdjoviżiv għal aktar minn 20 sena.
Il-baġit propost għall-programm Ewropa Kreattiva jirrappreżenta żieda ta' 34 % fil-livelli attwali ta' nfiq. Fl-2007-2013, il-programm MEDIA rċieva EUR 755 miljun, bi EUR 15-il miljun oħra għal MEDIA Mundus li jappoġġa l-kooperazzjoni internazjonali fis-settur awdjoviżiv. Il-programm Kultura ġie allokat EUR 400 miljun fil-qafas finanzjarju attwali.
Is-setturi kulturali u kreattivi Ewropej jirrappreżentaw sa 4.5 % tal-PDG Ewropew u jħaddmu madwar 3.8 % tal-forza tax-xogħol tal-UE (8.5 miljun persuna).
L-appoġġ mill-UE se jgħinhom jieħdu li jistgħu mill-opportunitajiet maħluqa mill-globalizzazzjoni u l-bidla diġitali. Se jgħinhom ukoll biex jegħlbu l-isfidi bħal pereżempju l-frammentazzjoni tas-suq u d-diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-finanzjament, u jikkontribwixxi wkoll għat-tfassil aħjar tal-politiki billi jagħmilha aktar faċli li jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom.
Il-passi li jmiss
Il-proposta Ewropa Kreattiva bħalissa qiegħda tiġi diskussa mill-Kunsill (is-27 Stat Membru) u mill-Parlament Ewropew li għandu jieħu d-deċiżjoni finali dwar il-qafas baġitarju għall-2014-2020.
Għal aktar informazzjoni:
Ara wkoll: MEMO/11/819
http://ec.europa.eu/culture/creative-europe
http://ec.europa.eu/culture/media
Kuntatti : Dennis Abbott (+32 2 295 92 58) - Dina Avraam (+32 2 295 96 67) |
1.8 EUR biljun filwaqt li titqies l-inflazzjoni stmata fl-2014-2020. Din hija l-ekwivalenti ta' 1.6 EUR biljun fi prezzijiet 'iffissati' tal-2011.