Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Erasmus għal Kulħadd: 5 miljun ruħ eliġibbli għal finanzjament tal-UE

Commission Européenne - IP/11/1398   23/11/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Erasmus għal Kulħadd: 5 miljun ruħ eliġibbli għal finanzjament tal-UE

Brussell, it-23 ta' Novembru 2011 – Sa 5 miljun persuna, kważi d-doppju ta' dawk li hemm bħalissa, jista' jkollhom l-opportunità li jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom permezz ta' għotja tal-Erasmus għal Kulħadd, il-programm ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport propost illum mill-Kummissjoni Ewropea. Fosthom se jkun hemm kważi 3 miljun student vokazzjonali u ta' edukazzjoni ogħla. L-istudenti tal-Master's se jibbenefikaw ukoll minn skema ġdida ta' garanzija ta' self imwaqqfa mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-programm ta' seba' snin Erasmus għal Kulħadd, li se jkollu baġit totali ta' EUR 19-il biljun1, hu mistenni li jibda fl-2014.

"L-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa l-aħjar investiment li nistgħu nagħmlu għall-ġejjieni tal-Ewropa. L-istudju barra mill-pajjiż jistimola l-ħiliet, l-iżvilupp personali u l-adattabilità tal-persuni, u joffrilhom aktar opportunitajiet ta' impjieg. Irridu niżguraw li ħafna aktar persuni jibbenefikaw mis-sostenn tal-UE għal dawn l-opportunitajiet. Jeħtieġ ukoll li ninvestu aktar biex intejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha biex inkunu nistgħu nikkompetu mal-aqwa fid-dinja u biex inwasslu għal aktar impjiegi u aktar tkabbir," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Permezz tal-proposta tal-Kummissjoni Erasmus għal Kulħadd:

  • 2.2 miljun student ta' edukazzjoni ogħla jistgħu jirċievu għotjiet biex jagħmlu parti mill-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom barra minn pajjiżhom (meta mqabbla ma' 1.5 miljun fi programmi attwali);

  • Din iċ-ċifra tinkludi 135 000 student li jirċievu sostenn biex jistudjaw f'pajjiż mhux membru tal-UE, kif ukoll studenti minn barra l-UE li jiġu jistudjaw fl-Unjoni;

  • 735,000 student vokazzjonali se jkunu jistgħu jagħmlu parti mill-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom barra minn pajjiżhom (meta mqabbla ma' 350,000 fil-programm attwali);

  • miljun għalliem, persuna responsabbli mit-taħriġ u ħaddiem fil-qasam taż-żgħażagħ se jirċievu fondi biex jgħallmu jew iħarrġu barra minn pajjiżhom (meta mqabbla ma' 600 000 taħt programmi attwali);

  • 700 000 żagħżugħ(a) jistgħu jqattgħu perjodu ta' apprendistat f'kumpaniji barra minn pajjiżhom (meta mqabbla ma' 600 000 fil-programm attwali);

  • 330 000 student tal-Master's jistgħu jibbenefikaw minn garanziji ta' self bħala għajnuna biex jiffinanzjaw l-istudji barra minn pajjiżhom skont skema ġdida fjamanta;

  • 540,000 żagħżugħ(a) se jkunu jistgħu jivvolontarjaw jew jipparteċipaw fi skambji taż-żgħażagħ barra minn pajjiżhom (meta mqabbla ma' 374 000 fil-programm attwali);

  • 34 000 student jistgħu jirċievu għotjiet għal "lawrja konġunta" li tinvolvi studju f'mill-inqas żewġ isituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla barra mill-pajjiż (dan jitqabbel ma' 17 600 li jirċievu sostenn permezz tal-programm attwali);

  • 115 000 istituzzjoni/organizzazzjoni involuti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u/jew l-attivitajiet taż-żgħażagħ jew korpi oħra se jirċievu finanzjament biex iwaqqfu aktar minn 20 000 "sħubija strateġika" biex jimplimentaw inizjattivi konġunti u jippromwovu l-iskambju ta' esperjenza u kompetenzi;

  • 4 000 istituzzjoni tal-edukazzjoni u impriża se jifformaw 400 "alleanza ta' għarfien" u "alleanza ta' ħiliet settorjali" biex jistimolaw l-impjegabbiltà, l-innovazzjoni u l-imprenditorija.

Sfond

Erasmus għal Kulħadd se jgħaqqad flimkien l-iskemi kollha tal-UE u dawk internazzjonali li jeżistu bħalissa fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, u jissostitwixxi seba' programmi eżistenti2 bi programm wieħed. Dan se jżid l-effiċjenza, jagħmilha aktar faċli biex wieħed japplika għall-għotjiet, kif ukoll inaqqas id-duplikazzjoni u l-frammentazzjoni.

Il-Kummissjoni qed tipproponi żieda ta' madwar 64% meta mqabbla mal-baġit attwali ta' seba' snin, filwaqt li talloka EUR 19-il biljun għall-programm ġdid bejn l-2014 u l-2020. Din iċ-ċifra tqis l-estimi futuri għall-inflazzjoni u tinkludi l-infiq previst għall-kooperazzjoni internazzjonali – jiġifieri l-għotjiet għal "pajjiżi terzi" bħal dawk fin-Nofsinhar tal-Mediterran3. Iż-żieda mingħajr kooperazzjoni internazzjonali tkun tammonta għal 72.6 %.

Il-programm ġdid se jiffoka fuq il-valur miżjud tal-UE u l-impatt sistemiku, b'sostenn għal tliet tipi ta' azzjoni: l-opportunitajiet ta' tagħlim għall-individwi, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha; il-kooperazzjoni istituzzjonali bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, in-negozji, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-NGOs; u s-sostenn għar-riformi fl-Istati Membri għall-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-promozzjoni tal-innovazzjoni, l-imprenditorija u l-impjegabbiltà.

Żewġ terzi tal-finanzjament se jintefqu fuq l-għotjiet ta' mobilità għat-tisħiħ tal-għarfien u l-ħiliet.

L-istruttura simplifikata tal-programm ġdid, flimkien maż-żieda konsiderevoli fl-investiment tiegħu, ifissru li l-UE se tkun tista' toffri ħafna aktar opportunitajiet għall-istudenti, l-apprendisti, iż-żgħażagħ, l-għalliema, il-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ u oħrajn biex itejbu l-ħiliet, l-iżvilupp personali u l-prospetti tal-impjiegi tagħhom. Erasmus għal Kulħadd se jippromwovi wkoll ir-riċerka u t-tagħlim dwar l-integrazzjoni Ewropea, u jsostni l-isport ta' bażi.

Mill-2007, medja ta' 400 000 persuna kull sena rċevew għotjiet tal-UE biex jistudjaw, jitħarrġu u jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom. Permezz tal-proposta tal-Kummissjoni, din iċ-ċifra kważi se tirdoppja għal madwar 800 000. (Fl-2010, 560 000 persuna rċevew għotjiet fis-27 Stat Membru, ara l-Anness 1).

Il-passi li jmiss

Din il-proposta issa qed tiġi diskussa mill-Kunsill (27 Stat Membru) u l-Parlament Ewropew li se jieħdu d-deċiżjoni finali dwar il-qafas baġitarju għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020.

Għal aktar informazzjoni:

Ara wkoll MEMO/11/818

http://ec.europa.eu/education/erasmus-for-all

Is-sit elettroniku tal-Kummissarju Vassiliou

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/vassiliou

Il-Kummissjoni Ewropea: Is-sit elettroniku Education and Training

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Anness 1:

It-tabella turi l-għadd ta' persuni li fl-2010 rċevew għotjiet tal-UE għall-istudju, it-taħriġ u l-volontarjat barra bil-Programmi Tagħlim Tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni. (Erasmus għal Kulħadd se jinkludi ż-żewġ programmi u jimmira li kważi jirdoppja l-għadd ta' benefiċjarji madwar l-UE).

Il-pajjiż

Għadd ta' parteċipanti*

Il-Programm Tagħlim tul il-Ħajja

Żgħażagħ fl-Azzjoni

Total

L-Awstrija

11000

2500

13500

Il-Belġju

12000

4500

16500

Il-Bulgarija

6000

5000

11000

Ċipru

1500

1000

2500

Ir-Repubblika Ċeka

14000

3000

17000

Id-Danimarka

6000

2000

8000

L-Estonja

3000

5000

8000

Il-Finlandja

23500

2000

25500

Franza

52000

11000

63000

Il-Ġermanja

63000

15000

78000

Il-Greċja

8000

2500

10500

L-Ungerija

8000

4500

12500

L-Irlanda

4000

2000

6000

L-Italja

43500

6000

49500

Il-Latvja

4500

3000

7500

Il-Litwanja

7000

4500

11500

Il-Lussemburgu

1000

900

1900

Malta

250

100

350

Il-Pajjiżi l-Baxxi

19500

3000

22500

Il-Polonja

23000

10500

33500

Il-Portugall

21000

2500

23500

Ir-Rumanija

12500

7500

20000

Is-Slovakkja

6000

3500

9500

Is-Slovenja

3500

2000

5500

Spanja

52000

10500

62500

L-Isvezja

8500

3500

12000

Ir-Renju Unit

20750

7500

28250

Total

435000

125000

560000

* Iċ-ċifri kollha huma mqarrba sal-eqreb mija. Iċ-ċifri jinkludu parteċipanti fi proġetti ta' mobilità li ma vvjaġġawx biex jistudjaw, jitgħallmu jew jaħdmu barra minn pajjiżhom, bħal klassijiet tal-iskola.

Anness 2:

Il-livelli ta' finanzjament proposti skont is-settur bejn l-2014 u l-2020, imqabbla mal-programmi bejn l-2007 u l-2013 (EUR miljun, UE-27)

Erasmus għal Kulħadd

Programmi 2007-2013*

Sena medja
2014-2020

% Żieda

Konċentrazzjoni

Erasmus - Edukazzjoni Ogħla (inkluż ETV1 fil-livell terzjarju)

585

1100 – 1150

85 %-95 %

L-istudenti, il-persunal, il-programmi konġunti, il-Master's, is-sħubijiet strateġiċi, l-alleanzi tal-għarfien

Erasmus - Edukazzjoni Ogħla – Id-dimensjoni internazzjonali (intestatura 4 finanzjament)

220

259

17%

L-istudenti, il-persunal u l-bini tal-kapaċità b'mod partikolari fil-pajjiżi ġirien

Erasmus – Taħriġ (VET1 u tagħlim tal-adulti)

330 li minnhom 60 għat-tagħlim tal-adulti

500 - 540 li minnhom madwar 110 għat-tagħlim tal-adulti

50 %-60 % globalment, madwar 80 % għat-tagħlim tal-adulti

L-istudenti, il-persunal, is-sħubijiet strateġiċi, l-alleanzi tal-ħiliet settorjali, il-pjattaformi tal-IT

Erasmus - Skejjel

180

250 – 275

40 %-55 %

Il-persunal, is-sħubijiet strateġiċi, il-pjattaformi tal-Internet

Erasmus – Il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ

150

190 – 210

25 %-40 %

Iż-żgħażagħ, il-persunal, is-sħubijiet strateġiċi, il-pjattaformi tal-IT

Għotja operattiva (Aġenziji Nazzjonali)

55

63

15 %

Sostenn tal-Politika

75

92

20 %

 

Jean Monnet

(it-tagħlim u r-riċerka dwar l-integrazzjoni Ewropea)

30

45

50 %

 

L-isport

MA

34

MA

 

1 L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

1 :

EUR 19-il biljun meta titqies l-inflazzjoni stmata bejn l-2014 u l-2020. Dan huwa ekwivalenti għal EUR 16.9 biljun fi prezzijiet "fissi" tal-2011.

2 :

Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (Erasmus, Leonardo da Vinci, Comenius, Grundtvig) Żgħażagħ fl-Azzjoni, Erasmus Mundus, Tempus, Alfa, Edulink u l-programm ta' kooperazzjoni bilaterali mal-pajjiżi industrijalizzati

3 :

Il-kooperazzjoni internazzjonali hija ffinanzjata mill-intestatura esterna tal-baġit pluriennali u tinkludi l-programmi Tempus, Alfa, Edulink u parti mill-programm Erasmus Mundus.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site