
Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa
Erasmus għal Kulħadd: 5 miljun ruħ eliġibbli għal finanzjament tal-UE
Brussell, it-23 ta' Novembru 2011 – Sa 5 miljun persuna, kważi d-doppju ta' dawk li hemm bħalissa, jista' jkollhom l-opportunità li jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom permezz ta' għotja tal-Erasmus għal Kulħadd, il-programm ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport propost illum mill-Kummissjoni Ewropea. Fosthom se jkun hemm kważi 3 miljun student vokazzjonali u ta' edukazzjoni ogħla. L-istudenti tal-Master's se jibbenefikaw ukoll minn skema ġdida ta' garanzija ta' self imwaqqfa mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-programm ta' seba' snin Erasmus għal Kulħadd, li se jkollu baġit totali ta' EUR 19-il biljun1, hu mistenni li jibda fl-2014.
"L-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa l-aħjar investiment li nistgħu nagħmlu għall-ġejjieni tal-Ewropa. L-istudju barra mill-pajjiż jistimola l-ħiliet, l-iżvilupp personali u l-adattabilità tal-persuni, u joffrilhom aktar opportunitajiet ta' impjieg. Irridu niżguraw li ħafna aktar persuni jibbenefikaw mis-sostenn tal-UE għal dawn l-opportunitajiet. Jeħtieġ ukoll li ninvestu aktar biex intejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha biex inkunu nistgħu nikkompetu mal-aqwa fid-dinja u biex inwasslu għal aktar impjiegi u aktar tkabbir," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.
Permezz tal-proposta tal-Kummissjoni Erasmus għal Kulħadd:
2.2 miljun student ta' edukazzjoni ogħla jistgħu jirċievu għotjiet biex jagħmlu parti mill-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom barra minn pajjiżhom (meta mqabbla ma' 1.5 miljun fi programmi attwali);
Din iċ-ċifra tinkludi 135 000 student li jirċievu sostenn biex jistudjaw f'pajjiż mhux membru tal-UE, kif ukoll studenti minn barra l-UE li jiġu jistudjaw fl-Unjoni;
735,000 student vokazzjonali se jkunu jistgħu jagħmlu parti mill-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom barra minn pajjiżhom (meta mqabbla ma' 350,000 fil-programm attwali);
miljun għalliem, persuna responsabbli mit-taħriġ u ħaddiem fil-qasam taż-żgħażagħ se jirċievu fondi biex jgħallmu jew iħarrġu barra minn pajjiżhom (meta mqabbla ma' 600 000 taħt programmi attwali);
700 000 żagħżugħ(a) jistgħu jqattgħu perjodu ta' apprendistat f'kumpaniji barra minn pajjiżhom (meta mqabbla ma' 600 000 fil-programm attwali);
330 000 student tal-Master's jistgħu jibbenefikaw minn garanziji ta' self bħala għajnuna biex jiffinanzjaw l-istudji barra minn pajjiżhom skont skema ġdida fjamanta;
540,000 żagħżugħ(a) se jkunu jistgħu jivvolontarjaw jew jipparteċipaw fi skambji taż-żgħażagħ barra minn pajjiżhom (meta mqabbla ma' 374 000 fil-programm attwali);
34 000 student jistgħu jirċievu għotjiet għal "lawrja konġunta" li tinvolvi studju f'mill-inqas żewġ isituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla barra mill-pajjiż (dan jitqabbel ma' 17 600 li jirċievu sostenn permezz tal-programm attwali);
115 000 istituzzjoni/organizzazzjoni involuti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u/jew l-attivitajiet taż-żgħażagħ jew korpi oħra se jirċievu finanzjament biex iwaqqfu aktar minn 20 000 "sħubija strateġika" biex jimplimentaw inizjattivi konġunti u jippromwovu l-iskambju ta' esperjenza u kompetenzi;
4 000 istituzzjoni tal-edukazzjoni u impriża se jifformaw 400 "alleanza ta' għarfien" u "alleanza ta' ħiliet settorjali" biex jistimolaw l-impjegabbiltà, l-innovazzjoni u l-imprenditorija.
Sfond
Erasmus għal Kulħadd se jgħaqqad flimkien l-iskemi kollha tal-UE u dawk internazzjonali li jeżistu bħalissa fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, u jissostitwixxi seba' programmi eżistenti2 bi programm wieħed. Dan se jżid l-effiċjenza, jagħmilha aktar faċli biex wieħed japplika għall-għotjiet, kif ukoll inaqqas id-duplikazzjoni u l-frammentazzjoni.
Il-Kummissjoni qed tipproponi żieda ta' madwar 64% meta mqabbla mal-baġit attwali ta' seba' snin, filwaqt li talloka EUR 19-il biljun għall-programm ġdid bejn l-2014 u l-2020. Din iċ-ċifra tqis l-estimi futuri għall-inflazzjoni u tinkludi l-infiq previst għall-kooperazzjoni internazzjonali – jiġifieri l-għotjiet għal "pajjiżi terzi" bħal dawk fin-Nofsinhar tal-Mediterran3. Iż-żieda mingħajr kooperazzjoni internazzjonali tkun tammonta għal 72.6 %.
Il-programm ġdid se jiffoka fuq il-valur miżjud tal-UE u l-impatt sistemiku, b'sostenn għal tliet tipi ta' azzjoni: l-opportunitajiet ta' tagħlim għall-individwi, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha; il-kooperazzjoni istituzzjonali bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, in-negozji, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-NGOs; u s-sostenn għar-riformi fl-Istati Membri għall-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-promozzjoni tal-innovazzjoni, l-imprenditorija u l-impjegabbiltà.
Żewġ terzi tal-finanzjament se jintefqu fuq l-għotjiet ta' mobilità għat-tisħiħ tal-għarfien u l-ħiliet.
L-istruttura simplifikata tal-programm ġdid, flimkien maż-żieda konsiderevoli fl-investiment tiegħu, ifissru li l-UE se tkun tista' toffri ħafna aktar opportunitajiet għall-istudenti, l-apprendisti, iż-żgħażagħ, l-għalliema, il-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ u oħrajn biex itejbu l-ħiliet, l-iżvilupp personali u l-prospetti tal-impjiegi tagħhom. Erasmus għal Kulħadd se jippromwovi wkoll ir-riċerka u t-tagħlim dwar l-integrazzjoni Ewropea, u jsostni l-isport ta' bażi.
Mill-2007, medja ta' 400 000 persuna kull sena rċevew għotjiet tal-UE biex jistudjaw, jitħarrġu u jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom. Permezz tal-proposta tal-Kummissjoni, din iċ-ċifra kważi se tirdoppja għal madwar 800 000. (Fl-2010, 560 000 persuna rċevew għotjiet fis-27 Stat Membru, ara l-Anness 1).
Il-passi li jmiss
Din il-proposta issa qed tiġi diskussa mill-Kunsill (27 Stat Membru) u l-Parlament Ewropew li se jieħdu d-deċiżjoni finali dwar il-qafas baġitarju għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020.
Għal aktar informazzjoni:
Ara wkoll MEMO/11/818
http://ec.europa.eu/education/erasmus-for-all
Is-sit elettroniku tal-Kummissarju Vassiliou
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/vassiliou
Il-Kummissjoni Ewropea: Is-sit elettroniku Education and Training
Kuntatti: Dennis Abbott (+32 2 295 92 58) Dina Avraam (+32 2 295 96 67) |
Anness 1:
It-tabella turi l-għadd ta' persuni li fl-2010 rċevew għotjiet tal-UE għall-istudju, it-taħriġ u l-volontarjat barra bil-Programmi Tagħlim Tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni. (Erasmus għal Kulħadd se jinkludi ż-żewġ programmi u jimmira li kważi jirdoppja l-għadd ta' benefiċjarji madwar l-UE).
Il-pajjiż |
| ||||||||
L-Awstrija | 11000 | 2500 | 13500 | ||||||
Il-Belġju | 12000 | 4500 | 16500 | ||||||
Il-Bulgarija | 6000 | 5000 | 11000 | ||||||
Ċipru | 1500 | 1000 | 2500 | ||||||
Ir-Repubblika Ċeka | 14000 | 3000 | 17000 | ||||||
Id-Danimarka | 6000 | 2000 | 8000 | ||||||
L-Estonja | 3000 | 5000 | 8000 | ||||||
Il-Finlandja | 23500 | 2000 | 25500 | ||||||
Franza | 52000 | 11000 | 63000 | ||||||
Il-Ġermanja | 63000 | 15000 | 78000 | ||||||
Il-Greċja | 8000 | 2500 | 10500 | ||||||
L-Ungerija | 8000 | 4500 | 12500 | ||||||
L-Irlanda | 4000 | 2000 | 6000 | ||||||
L-Italja | 43500 | 6000 | 49500 | ||||||
Il-Latvja | 4500 | 3000 | 7500 | ||||||
Il-Litwanja | 7000 | 4500 | 11500 | ||||||
Il-Lussemburgu | 1000 | 900 | 1900 | ||||||
Malta | 250 | 100 | 350 | ||||||
Il-Pajjiżi l-Baxxi | 19500 | 3000 | 22500 | ||||||
Il-Polonja | 23000 | 10500 | 33500 | ||||||
Il-Portugall | 21000 | 2500 | 23500 | ||||||
Ir-Rumanija | 12500 | 7500 | 20000 | ||||||
Is-Slovakkja | 6000 | 3500 | 9500 | ||||||
Is-Slovenja | 3500 | 2000 | 5500 | ||||||
Spanja | 52000 | 10500 | 62500 | ||||||
L-Isvezja | 8500 | 3500 | 12000 | ||||||
Ir-Renju Unit | 20750 | 7500 | 28250 | ||||||
Total | 435000 | 125000 | 560000 | ||||||
* Iċ-ċifri kollha huma mqarrba sal-eqreb mija. Iċ-ċifri jinkludu parteċipanti fi proġetti ta' mobilità li ma vvjaġġawx biex jistudjaw, jitgħallmu jew jaħdmu barra minn pajjiżhom, bħal klassijiet tal-iskola.
Anness 2:
Il-livelli ta' finanzjament proposti skont is-settur bejn l-2014 u l-2020, imqabbla mal-programmi bejn l-2007 u l-2013 (EUR miljun, UE-27)
Erasmus għal Kulħadd | Programmi 2007-2013* | Sena medja | % Żieda | Konċentrazzjoni |
Erasmus - Edukazzjoni Ogħla (inkluż ETV1 fil-livell terzjarju) | 585 | 1100 – 1150 | 85 %-95 % | L-istudenti, il-persunal, il-programmi konġunti, il-Master's, is-sħubijiet strateġiċi, l-alleanzi tal-għarfien |
Erasmus - Edukazzjoni Ogħla – Id-dimensjoni internazzjonali (intestatura 4 finanzjament) | 220 | 259 | 17% | L-istudenti, il-persunal u l-bini tal-kapaċità b'mod partikolari fil-pajjiżi ġirien |
Erasmus – Taħriġ (VET1 u tagħlim tal-adulti) | 330 li minnhom 60 għat-tagħlim tal-adulti | 500 - 540 li minnhom madwar 110 għat-tagħlim tal-adulti | 50 %-60 % globalment, madwar 80 % għat-tagħlim tal-adulti | L-istudenti, il-persunal, is-sħubijiet strateġiċi, l-alleanzi tal-ħiliet settorjali, il-pjattaformi tal-IT |
Erasmus - Skejjel | 180 | 250 – 275 | 40 %-55 % | Il-persunal, is-sħubijiet strateġiċi, il-pjattaformi tal-Internet |
Erasmus – Il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ | 150 | 190 – 210 | 25 %-40 % | Iż-żgħażagħ, il-persunal, is-sħubijiet strateġiċi, il-pjattaformi tal-IT |
Għotja operattiva (Aġenziji Nazzjonali) | 55 | 63 | 15 % | |
Sostenn tal-Politika | 75 | 92 | 20 % |
|
Jean Monnet (it-tagħlim u r-riċerka dwar l-integrazzjoni Ewropea) | 30 | 45 | 50 % |
|
L-isport | MA | 34 | MA |
|
1 L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
EUR 19-il biljun meta titqies l-inflazzjoni stmata bejn l-2014 u l-2020. Dan huwa ekwivalenti għal EUR 16.9 biljun fi prezzijiet "fissi" tal-2011.
Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (Erasmus, Leonardo da Vinci, Comenius, Grundtvig) Żgħażagħ fl-Azzjoni, Erasmus Mundus, Tempus, Alfa, Edulink u l-programm ta' kooperazzjoni bilaterali mal-pajjiżi industrijalizzati
Il-kooperazzjoni internazzjonali hija ffinanzjata mill-intestatura esterna tal-baġit pluriennali u tinkludi l-programmi Tempus, Alfa, Edulink u parti mill-programm Erasmus Mundus.