Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Għajnuna għall-Iżvilupp: L-Ewropej b'appoġġ straordinarju għall-għajnuna lill-foqra fid-dinja

Brussell, it-23 ta’ Novembru 2011 – Skont stħarriġ ġdid l-Ewropej iqisu li l-għajnuna lill-foqra hija prijorità. 84% ta’ dawk li ħadu sehem fi stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru jagħtu l-appoġġ tagħhom għal għajnuna għall-iżvilupp biex tingħata għajnuna lil persuni madwar id-dinja kollha biex ikunu jistgħu jegħlbu l-faqar. Il-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE (84%) huma favur ukoll li l-għajnuna tal-UE tiffoka fuq tmexxija tajba u fuq id-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, direzzjoni li ġiet proposta mill-Kummissarju Piebalgs fil-proposta politika li għamel reċentement, "Aġenda għall-Bidla".

Skont l-istess stħarriġ, l-Ewropej huma lesti li jipparteċipaw b’mod attiv fl-għajnuna lill-foqra – nofs iċ-ċittadini tal-UE huma lesti li jħallsu iktar għax-xirja tagħhom ta’ kuljum (pereżempju għal prodotti tal-kummerċ ġust) jekk ikunu jafu li dan ikun se jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, qal: “L-Ewropej qed jibagħtu messaġġ ċar lill-politiċi fl-UE u lil hinn minnha: anki fi żmien ta’ tbatija ekonomika huma jibqgħu impenjati bis-sħiħ biex jgħinu lill-oħrajn jegħlbu l-faqar. Din il-ġenerożità titlob li jkun hemm responsabilità politika. Jeħtieġ li nkunu iktar effiċjenti u trasparenti biex inkunu nistgħu nuru r-riżultati tal-għajnuna tagħna u nuru li l-fondi jagħmlu differenza reali. Il-forum ta’ livell għoli li se jsir il-ġimgħa d-dieħla f’Busan, fil-Korea t’Isfel, se jkun opportunità ewlenija biex naraw kif nistgħu nagħmlu l-għajnuna tagħna iktar effettiva u bi pjaċir nara li ċ-ċittadini qed jappoġġawna f'dan il-għan".

Iż-żgħażagħ Ewropej – l-alleati l-iktar b’saħħithom tal-foqra fid-dinja

L-Ewrobarometru juri li ż-żgħażagħ Ewropej (ta’ età bejn il-15 u l-24 sena) leħħnu l-appoġġ kbir tagħhom għall-politika favur l-iżvilupp. 9 minn kull 10 jaħsbu li huwa importanti li tingħata għajnuna lill-persuni foqra u 41% jaħsbu li dan huwa “importanti ħafna” meta mqabbla ma’ 35% tal-persuni ta’ età ta’ iktar minn 40 sena. Juru wkoll l-iktar impenn personali b’saħħtu lejn din il-kawża, peress li 53% taż-żgħażagħ u 60% tal-istudenti jkunu lesti li jħallsu iktar għall-prodotti (pereżempju tal-kummerċ ġust) jekk dan ikun ta’ benefiċċju għall-persuni foqra fid-dinja. Iż-żgħażagħ jesprimu wkoll l-ikbar appoġġ biex tinżamm il-wegħda li l-livelli ta' għajnuna jiżdiedu (69%, meta l-medja ta' dawk kollha li wieġbu hija 62%).

Riżultati oħrajn

  • 62% taċ-ċittadini Ewropej huma favur iż-żieda fl-għajnuna għall-iżvilupp sa mill-inqas 0.7% tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-UE sas-sena 2015

  • 70% huma tal-opinjoni li l-Afrika sub-Saħarjana hija l-parti tad-dinja li l-iktar teħtieġ l-għajnuna fil-ġlieda kontra l-faqar, u warajha jiġu l-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (33%)

  • 80% jaqblu li l-iżvilupp għandu jintrabat ma' politiki oħrajn tal-UE bħall-migrazzjoni, il-kummerċ jew l-aċċess għall-enerġija.

  • 42% jemmnu li l-effikaċja tal-għajnuna tista’ tiżdied prinċipalment permezz ta’ ħdima iktar mill-qrib mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li 36% jippreferu li jkun hemm koperazzjoni mtejba ma’ pajjiżi donaturi oħrajn, bħall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Awstralja.

Kuntest

L-Ewrobarometru speċjali 375 ‘Nagħmlu differenza fid-dinja: L-Ewropej u l-futur tal-għajnuna għall-iżvilupp’ sar fis-27 Stat Membru tal-UE f'Settembru 2011. Ġew intervistati wiċċ imbwiċċ 26,856 Ewropew ta’ età ta’ 15-il sena jew aktar. L-istħarriġ għandu l-għan li jieħu idea tal-opinjoni tal-pubbliku dwar l-għajnuna għall-iżvilupp u l-futur tal-koperazzjoni fl-iżvilupp qabel ma ssir il-Laqgħa ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f'Busan, fil-Korea t'Isfel (bejn id-29 ta' Novembru u t-2 ta' Diċembru).

Forum ta’ Livell Għoli f’Busan dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna

Ir-raba’ Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f'Busan, fil-Korea t’Isfel , se jkun opportunità ewlenija biex jissoktaw l-isforzi għat-titjib tal-effikaċja tal-għajnuna u jissaħħu s-sħubijiet bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, id-donaturi u l-OMG, kif ukoll mal-ekonomiji emerġenti u mas-settur privat.

Il-forum se jservi wkoll ta’ opportunità biex jiġi diskuss il-progress li sar fl-impenji globali preċedenti li ttieħdu f'Pariġi u f'Akkra, kif ukoll biex ikun hemm iktar iffukar fuq l-impenji u biex dawn jiġu intensifikati sabiex ikun żgurat li l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju jintlaħqu sas-sena 2015.

L-Aġenda għall-Bidla

F’Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-‘Aġenda għall-Bidla’ fil-qafas tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp. Il-proposti stipulaw metodu tal-UE iktar strateġiku biex jitnaqqas il-faqar, anki permezz ta' allokazzjoni iktar iffukata tal-fondi għall-għajnuna għall-iżvilupp.

Fil-futur l-infiq tal-UE għandu jikkonċentra fuq setturi li huma essenzjali għal tkabbir fit-tul u inklużiv u għandu jiffoka fuq pajjiżi li l-iktar għandhom bżonn ta' appoġġ estern u fejn l-għajnuna tista' tagħmel differenza. Sabiex tiġġenera aktar riżorsi, l-UE se tesplora modi innovattivi biex tiffinanzja l-iżvilupp, bħall-amalgamazzjoni bejn għotjiet u self. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex flimkien iħejju strateġiji u programmi (hekk imsejjaħ "ipprogrammar konġunt") u biex jaqsmu l-ħidma bejniethom aħjar sabiex tiżdied l-effikaċja tal-għajnuna.

L-UE bħala donatriċi

L-Unjoni Ewropea bħala entità sħiħa (l-Istati Membri flimkien ma' EuropeAid, fondi ġestiti mill-Kummissjoni) hija l-ikbar donatur tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp fid-dinja u tgħin persuni f’iktar minn 150 pajjiż. Fl-2010, hija pprovdiet EUR 53.8 biljun (aktar minn 50% tal-għajnuna globali). Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għall-ġestjoni ta’ EUR 11-il biljun ta' għajnuna fis-sena, u dan globalment ipoġġiha fit-tieni post fost id-donaturi.

Għal iktar informazzjoni

MEMO/11/815 – Background: Special Eurobarometer 'Making a difference in the world – Europeans and development aid'

Link għar-rapport sħiħ dwar l-Ewrobarometru Speċjali:

http://ec.europa.eu/public_opinion/whatsnew2011_en.htm

Link għall-Aġenda għall-Bidla:

http://ec.europa.eu/europeaid/what/development-policies/documents/agenda_for_change_mt.pdf

Websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni - EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Contacts :

Catherine Ray (+32 2 296 99 21)

Wojtek Talko (+32 2 297 85 51)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site