Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar tibdiliet radikali għall-ħolqien ta' aktar tkabbir u impjiegi

Commission Européenne - IP/11/138   09/02/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/138

Brussell, 9 ta' Frar, 2011

Il-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar tibdiliet radikali għall-ħolqien ta' aktar tkabbir u impjiegi

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi konsultazzjoni dwar titjib kbir għall-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE sabiex titħaffef il-parteċipazzjoni, jiżdied l-impatt xjentifiku u ekonomiku u jitjieb il-valur għall-flus. Il-"Qafas Strateġiku Komuni" propost, stipulat fi Green Paper, ser ikopri l-Programm ta' Qafas attwali għar-Riċerka (FP7), il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT). Dan ser joħloq ġabra koerenti ta' strumenti, fil-"katina tal-innovazzjoni" sħiħa li tibda minn riċerka bażika, li twassal għall-ħolqien ta' prodotti u servizzi innovattivi fis-suq, u li tkun issostni wkoll l-innovazzjoni mhux teknoloġika, pereżempju fid-diżinn u l-kummerċjalizzazzjoni. Il-Green Paper tal-Kummissjoni tipprovdi wkoll il-bażi għal simplifikazzjoni estensiva ħafna tal-proċeduri u r-regoli. It-tibdiliet għandhom l-għan li jimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE għall-Unjoni tal-Innovazzjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020. Il-partijiet interessati għandhom sal-20 ta' Mejju 2011 biex iwieġbu.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni qalet: "Il-mira tagħna hija li nimmassimizzaw il-valur ta' kull ewro li l-UE tinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni. Irridu li l-finanzjament tal-UE jilħaq il-potenzjal enormi tiegħu li jiġġenera tkabbir u impjiegi u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa fi żmien fejn qed jiġu ffaċċjati sfidi intimidanti bħat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza tal-enerġija u s-sigurtà tal-ikel. Jekk il-programmi tagħna jsiru aktar koerenti u sempliċi, inkunu qed niffaċilitaw ħajjet ir-riċerkaturi u l-innovaturi – speċjalment SMEs - nattiraw aktar applikanti u niksbu riżultati dejjem aħjar. Ninsab ħerqan għal dibattitu estensiv u innovattiv, permezz tal-web u l-midja soċjali."

Il-Kummissarju Geoghegan-Quinn qed toħroġ Green Paper f'kooperazzjoni mas-sitt Kummissarji l-oħra responsabbli għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-Viċi-Presidenti Kallas, Kroes u Tajani, u l-Kummissarji Vassiliou, Potočnik u Oettinger.

Aċċess aktar sempliċi għall-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE

Fil-Green Paper tagħha, il-Kummissjoni tipproponi "Qafas Strateġiku Komuni " li jgħaqqad tliet aspetti ewlenin.

L-ewwel, enfasi ċara fuq tliet għanijiet li jsaħħu reċiprokament lill-xulxin: li l-UE tingħata l-aqwa bażi xjentifika dinjija; tissaħħaħ il-kompetittività fl-oqsma kollha, u l-indirizzar tal-isfidi l-kbar bħat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, is-sigurtà tal-enerġija u tal-ikel, is-saħħa u t-tixjiħ tal-popolazzjoni.

It-tieni, li l-aċċess għall-finanzjament tal-UE isir aktar attraenti u faċli għall-parteċipanti, pereżempju permezz ta' punt ta' dħul waħdieni b'għodda komuni tal-IT jew punt ta' waqfa waħda biex jingħata parir u appoġġ lill-parteċipanti matul il-proċess kollu ta' finanzjament. Barra minn hekk, Il-Qafas Strateġiku Komuni ser jippermetti ġabra ta' strumenti ta' finanzjament aktar faċli u aktar konformi li jkopru l-katina sħiħa tal-innovazzjoni, inkluż partikolarment ir-riċerka bażika, ir-riċerka applikata, il-kollaborazzjoni bejn l-akkademja u l-industrija u l-innovazzjoni fil-livell tal-kumpaniji. Il-flessibbiltà se tiġi promossa biex tħeġġeġ id-diversità u l-involviment tan-negozju. L-applikanti għandhom ikunu jistgħu japplikaw għal bosta proġetti differenti mingħajr ma jipprovdu ripetutament l-istess informazzjoni.

It-tielet, ser ikun hemm proċeduri aktar sempliċi u konsistenti għall-kontabbiltà tal-użu tal-fondi li jingħataw. Dan jista' jinvolvi, pereżempju, użu akbar ta' pagamenti ta' somma f'daqqa

Permezz ta' aktar sempliċità, il-kontroll finanzjarju tal-flus tal-kontribwenti Ewropej se jkun eħfef u aktar effettiv.

Ideat oħra fil-Green Paper jinkludu: passi ulterjuri biex jinġabar flimkien il-finanzjament nazzjonali għar-riċerka tal-Istati Membri; konnessjonijiet aħjar mal-finanzjament tal-koeżjoni; l-użu tal-finanzjament tal-UE biex jiġi stimulat l-akkwist pubbliku; użu akbar ta' premjijiet; it-tisħiħ ulterjuri tal-irwol tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka u ta' strumenti finanzjarji bħall-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF) u l-garanzija tas-self u l-investimenti tal-kapital ta' riskju; u t-tfassil ta' ġabra ta' indikaturi ta' prestazzjoni biex jitkejjel is-suċċess tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE.

Fil-ġimgħat li ġejjin il-Kummissjoni ser tniedi kompetizzjoni biex jinstab l-aktar isem li jispira għal qafas komuni ġdid.

Il-proposti tal-Kummissjoni ser iqisu b'mod sħiħ l-evalwazzjonijiet interim tas-Seba' Programm ta' Qafas attwali (ara IP/10/1525) u tal-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Illum qed tiġi ppubblikata wkoll ir-risposta tal-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-FP7 (disponibbli permezz tal-ħolqa li tinstab aktar 'l isfel).

Il-passi li jmiss

Mil-lum, il-konsultazzjoni tinsab miftuħa għal kummenti. Id-data tal-iskadenza għall-kontributi hija l-20 ta' Mejju. Fl-10 ta' Ġunju, il-Kummissjoni se torganizza konferenza ewlenija ta' għeluq bħala segwitu għall-konsultazzjoni pubblika. L-isem tal-Qafas Strateġiku ġdid se jitħabbar hemmhekk.

Imbagħad qabel it-tmiem tal-2011, il-Kummissjoni ser tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-infiq għar-riċerka u l-innovazzjoni taħt il-baġit tal-UE wara l-2013.

Sfond

Il-Programm ta' Qafas attwali għar-Riċerka (FP7) għandu baġit ta' EUR 53 biljun (2007-2013). Sa issa ġew iffinanzjati aktar minn 9 000 proġett. Studju partikolari stima li l-proġetti magħżula għall-finanzjament fl-2011 biss se joħolqu sa 165 000 impjieg (ara IP/10/966)

Il-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni għandu baġit ta' EUR 3.6 biljun (2007-2013) u appoġġa 'l fuq minn 100 000 SME permezz ta' garanziji ta' self biss kif ukoll proġetti pilota innovattivi tal-ICT.

L-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (EIT) huwa korp awtonomu tal-UE li jistimula l-aqwa innovazzjoni dinjija, permezz tal-kunċett revoluzzjonarju tal-Komunitajiet għall-Għarfien u l-Innovazzjoni. L-EIT irċieva EUR 309 miljun mill-Baġit tal-UE għall-perjodu 2007-2013.

Ħoloq

Konsultazzjoni dwar il-Green Paper

Websajt tal-Unjoni għall-Innovazzjoni

L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)

Is-Seba' Programm ta' Qafas

Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni

Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka

Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF)

(Evalwazzjoni tal-RSFF)

Rapport tal-grupp ta' esperti li għamel l-evalwazzjoni interim tal-FP7

Ir-risposta tal-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-evalwazzjoni interim

Komunikazzjoni ta' April 2010 tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-simplifikazzjoni


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site