Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Anqas piż regolatorju għan-negozji ż-żgħar

Brussell, it-23 ta’ Novembru 2011 – Il-Kummissjoni llum tippreżenta approċċ ġdid sabiex tiżgura li l-UE tirrispondi aħjar għall-ħtiġijiet tan-negozji ż-żgħar. Minn issa 'l quddiem il-Kummissjoni Ewropea se tfittex fejn possibbli li teżenta l-mikroimpriżi mil-leġiżlazzjoni tal-UE jew li tintroduċi reġimi speċjali sabiex tnaqqas il-piż regolatorju minn fuqhom. F’rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tippreżenta lista ta' inizjattivi ta’ dan it-tip li ttieħdu diġà u li għandhom jiġu eżaminati għall-futur. Hija tħabbar mezzi aqwa sabiex tiżgura s-sehem ta’ mikroimpriżi u impriżi żgħar u medji (SMEs) fil-ħolqien ta’ inizjattivi ġodda tal-UE.

José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qal: "F'dan iż-żmien ta’ kriżi aħna qed nużaw l-enerġija kollha tagħna biex nippromwovu l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. L-iżgħar impriżi għandhom rwol ċentrali fl-irkupru ekonomiku, iżda fl-istess ħin huma l-aktar vulnerabbli. Għalihom, biex jikkonformaw mar-regolamenti, tista’ tiġihom għolja għaxar darbiet aktar milli għall-kumpaniji kbar. Għaldaqstant aħna rridu nagħtuhom daqqa t’id u nnaqqsu kemm jista’ jkun il-piż regolatorju sabiex il-potenzjal tat-tkabbir tagħhom ikun kompletament meħlus għall-benefiċċju tal-ekonomija Ewropea. "

Minn Jannar 2012 il-Kummissjoni se tkompli:

  • tara minn fejn se żżid eżenzjonijiet jew rekwiżiti eħfef għall-mikrointrapriżi fil-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll ġdida tal-UE;

  • issaħħaħ il-proċessi li bihom mikrointrapriżi u SMEs oħra jiġu kkonsultati meta ssir ir-reviżjoni ta’ regolamenti eżistenti tal-UE u l-preparazzjoni ta’ liġijiet ġodda tal-UE.

  • tipproduċi tabelli biex tevalwa l-benefiċċji reali għan-negozji u biex tiżgura li tiffoka b’mod kontinwu fuq il-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom.

Sfond

‘L-Att dwar is-Suq Uniku’ u ‘L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ rivedut, bil-prinċipju tiegħu ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’, jenfasizzaw b’mod ċar l-impenn tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-iżvilupp tal-SMEs Ewropej. L-inizjattivi mnedija llum huma l-aħħar f'serje taħt l-aġenda tar-Regolamentazzjoni Intelliġenti, bl-għan li jtejbu l-leġiżlazzjoni għan-negozji Ewropej. Diġà ġew adottati madwar 200 att legali li jġibu benefiċċji sostanzjali għan-negozji permezz ta’ "Programm Kurrenti ta’ Simplifikazzjon”. Permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Tnaqqis fil-Piż Amministrattiv, il-Kummissjoni ressqet proposti għal tnaqqis ta' 39 biljun ewro għall-intrapriżi.

Għal aktar tagħrif:

Aqra r-rapport sħiħ (EN):

http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/documents/minimizing_burden_sme_EN.pdf

Regolamentazzjoni Aħjar :

http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/index_mt.htm

Small Business Act:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/index_en.htm

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Jens Mester (+32 2 296 39 73)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website