Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-sajd: Il-Kummissjoni tipproponi projbizzjoni sħiħa fuq it-tneħħija tax-xewka tal-kelb il-baħar fuq il-baħar

Brussell, il-21 ta' Novembru 2011 – Illum il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tipprojbixxi, mingħajr ebda eżenzjoni, il-prattika ta' ‘tneħħija tax-xewka tal-kelb il-baħar’ abbord bastimenti tas-sajd. It-tneħħija tax-xewka tal-kelb il-baħar hija l-prattika tat-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar – spiss filwaqt li jkunu għadhom ħajjin - u mbagħad il-kelb il-baħar jintefa’ lura l-baħar mingħajr ix-xewka tiegħu . Il-Kummissjoni tipproponi li minn issa ‘l quddiem, il-bastimenti tas-sajd kollha fl-ilmijiet tal-UE u kull bastiment tas-sajd tal-UE ikun fejn ikun fid-dinja se jkollhom iħottu l-art lill-klieb il-baħar bix-xewka mwaħħla. Biex ikunu ffaċilitati l-ħżin u t-trattament manwali abbord il-bastimenti, is-sajjieda se jkunu jistgħu jaqtgħu parzjalment ġewwa kull xewka u din tintewa kontra l-karkassa tal-kelb il-baħar. L-għan tar-regoli l-ġodda huwa l-protezzjoni aħjar tal-popolazzjoni vulnerabbli tal-klieb il-baħar fl-oċeani tad-dinja .

Il-proposta tal-lum issaħħaħ il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE li tipprojbixxi t-tneħħija tax-xewka tal-kelb il-baħar 1 , li tippermetti, b’eżenzjoni u taħt ċerti kundizzjonijiet, it-tneħħija tax-xewka abbord u l-ħatt l-art tax-xewk u l-karkassi tal-klieb il-baħar f'portijiet differenti. Il-Kummissjoni tipproponi li dan ma għandux jibqa' possibbli . Bħala konsegwenza, l-Istati Membri tal-UE mhux se jibqgħu jkunu jistgħu joħorġu permessi speċjali tas-sajd li jippermettu li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom ikunu jistgħu jneħħu ix-xewka tal-klieb il-baħar abbord.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, qalet: "Bl-għeluq ta’ din il-lakuna fil-leġiżlazzjoni tagħna, irridu neqirdu l-prattika orribbli tat-tneħħija tax-xewka u nipproteġu aħjar lill-klieb il-baħar. Il-kontroll se jsir eħfef u se jsir ħafna aktar diffiċli li wieħed jaħbi t-tneħħija tax-xewka tal-kelb il-baħar. Ninsab ħerqana ferm li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jaċċettaw il-proposta tagħna, sabiex issir liġi mill-aktar fis possibbli."

Sfond

Il-klieb il-baħar huma ġeneralment vulnerabbli ħafna għall-isfruttament żejjed : jikbru bil-mod, jimmaturaw tard, u jwelldu għadd żgħir ta’ żgħar għal kull twelid. Fis-snin riċenti, xi popolazzjonijiet tal-klieb il-baħar saru mhedda serjament wara żieda drammatika fid-domanda għal prodotti tal-klieb il-baħar, partikolarment għax-xewka tagħhom.

Ir-Regolament eżistenti tal-2003 dwar il-projbizzjoni tat-tneħħija tax-xewka tal-kelb il-baħar ġeneralment jipprojbixxi t-tneħħija tax-xewka, iżda jippermetti, b’eżenzjoni u taħt ċerti kundizzjonijiet, li titneħħa x-xewka abbord u li jinħattu l-art ix-xewk u l-karkassi tal-klieb il-baħar f’portijiet differenti, iżda l-piż tax-xewk ma jistax jaqbeż il-5 % tal-piż ħaj tal-klieb il-baħar li jkun inqabad.

Madankollu, ġie ppruvat li din il-miżura ma kinitix effettiva biżżejjed. Peress li x-xewk u l-iġsma jistgħu jinħattu l-art f'portijiet differenti, l-ispetturi jridu jistrieħu fuq ir-reġistrazzjonijiet tal-ġurnal ta’ abbord biex jiddeterminaw jekk ġietx rispettata l-proporzjon. Barra minn hekk, il-proporzjon tax-xewka mal-karkassa tvarja skont l-ispeċi u l-prattiki tat-tneħħija tax-xewka . Konsegwentement, il-prattika tat-tneħħija tax-xewka tal-kelb il-baħar hija diffiċli biex wieħed jinduna biha, aħseb u ara biex tiġi ppruvata fi proċedimenti legali . L-aħħar iżda mhux l-anqas, il-ġbir ta’ dejta xjentifika isir diffiċli, li min-naħa tiegħu ifixkel il-ġestjoni u l-konservazzjoni tas-sajd . Għalhekk il-Kummissjoni qed tipproponi li temenda r-Regolament. Il-proposta hija r-riżultat ta' konsultazzjoni pubblika dwar kif l-aħjar li tissaħħaħ il-projbizzjoni fuq it-tneħħija tax-xewka .

Il-bastimenti bil-friża Spanjoli u Portugiżi huma dawk l-aktar ikkonċernati mir-regoli ġodda proposti, billi dawk il-pajjiżi joħorġu l-akbar għadd ta’ permessi għal ipproċessar abbord . Billi jiġi permess il-qtugħ parzjali tax-xewka u t-tiwi kontra l-karkassa, jista’ jiġi indirizzat it-tħassib validu tas-settur tas-sajd fir-rigward tal-ħżin u t-trattament manwali abbord.

L-UE ħadet diversi impenji internazzjonali li jipproteġu lill-klieb il-baħar, f’konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura (FAO), u b’mod partikolari skont il-Pjan Internazzjonali ta’ Azzjoni dwar il-Klieb il-Baħar (IPAO-Sharks) adottat mill-FAO fl-1999. L-IPAO tal-FAO hija l-bażi għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009 dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità Ewropea għall-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Klieb il-Baħar, fejn l-UE impenjat ruħha li tadotta l-miżuri kollha neċessarji għall-konservazzjoni tal-klieb il-baħar u biex jitnaqqas l-iskart u l-ħut skartat mill-qbid ta' klieb il-baħar (ara IP/09/220 ).

Il-passi li jmiss

Il-proposta issa tmur għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-adozzjoni finali, u se tidħol fis-seħħ malajr wara.

Għal aktar tagħrif:

Kuntatti:

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

1 :

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1185/2003 dwar it-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar abbord ta’ bastimenti .


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website