Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Azzjoni ġdida favur it-tkabbir, il-governanza u l-istabbiltà

Commission Européenne - IP/11/1381   23/11/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Azzjoni ġdida favur it-tkabbir, il-governanza u l-istabbiltà

Brussell, it-23 ta' Novembru 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea qed iżżid il-pass tal-isforzi tagħha favur it-tiġdid ekonomiku, b'azzjonijiet li jindirizzaw tliet sfidi marbutin flimkien li qed jikkonfrontaw b'mod partikolari lill-UE u liż-żona tal-euro: prestazzjoni diverġenti iżda ġeneralment dgħajfa fit-tkabbir u fl-impjiegi; politiki baġitarji li mhumiex koordinati u dixxiplinati biżżejjed; u swieq instabbli tad-dejn sovran li qed ibatu minn nuqqas ta' likwidità. . Il-pakkett jinkludi erba' elementi: l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2012, li jistabbilixxi l-prijoritajiet ekonomiċi għas-sena d-dieħla; żewġ Regolamenti biex tiżdied is-sorveljanza ekonomika u baġitarja fiż-żona tal-euro; u Green Paper dwar il-Bonds ta' Stabbiltà.

Meta kien qed jikkumenta fuq l-adozzjoni tal-pakkett, il-President Barroso qal: "Biex l-Istati Membri jerġa' jkollhom it-tkabbir, jeħtieġ li jżidu l-isforzi tagħhom fejn jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom favur ir-riformi strutturali, u japprofondixxu l-integrazzjoni tagħhom fiż-żona tal-euro." Huwa żied jgħid: "L-għanijiet li huma l-mutur wara dan il-pakkett – it-tkabbir ekonomiku, l-istabbiltà finanzjarja, id-dixxiplina baġitarja – huma marbutin flimkien. Neħtiġuhom kollha kemm huma jekk irridu nimxu lil hinn mill-emerġenza attwali lejn Ewropa fejn is-solidarjetà tkun ibbilanċjata minn responsabbiltà msaħħa."

Il-messaġġ ewlieni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir huwa li, fil-konfront ta' sitwazzjoni ekonomika u soċjali li qed tmur għall-agħar [ara IP/11/1331 ], hemm bżonn ta' iktar sforzi biex l-Ewropa terġa lura fid-direzzjoni t-tajba u ssostni t-tkabbir u l-impjiegi. L-Istħarriġ isejjaħ lill-UE u l-Istati Membri biex jiffukaw fuq ħames prijoritajiet: li nfittxu li nwettqu konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir; li jiġi restawrat is-self normali lill-ekonomija; il-promozzjoni tat-tkabbir u tal-kompetittività; li jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi; u l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jinkludi lista ta' proposti pendenti jew futuri bil-għan li tingħata spinta lit-tkabbir, li l-Kummissjoni tixtieqhom promulgati bla dewmien mill-proċess leġiżlattiv tal-UE.

Iż-żewġ Regolamenti proposti rigward it-tisħiħ tas-sorveljanza għaż-żona tal-euro jibnu fuq dak li diġà kien hemm qbil dwaru fis-sett ta' miżuri leġiżlattivi, il-'Pakkett ta' Sitta, li se jidħol fis-seħħ f'nofs Diċembru. Minħabba l-interdipendenza iktar profonda bejn il-pajjiżi fiż-żona tal-euro, li toħroġ b'mod ċar ħafna mill-kriżi ta' bħalissa, il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ kemm il-koordinazzjoni kif ukoll is-sorveljanza tal-proċessi baġitarji għall-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, speċjalment dawk li għandhom żbilanċi eċċessivi, għaddejjin minn instabbiltà finanzjarja jew jinsabu fir-riskju li jispiċċaw f'dik is-sitwazzjoni, jew qed jibbenefikaw minn programm ta' assistenza finanzjarja.

Fl-aħħar nett, permezz tal-Green Paper dwar il-Bonds ta' Stabbiltà, il-Kummissjoni qed tmexxi 'l quddiem b'mod strutturat id-dibattitu importanti dwar il-ħruġ konġunt tad-dejn fiż-żona tal-euro. Permezz ta' tliet alternattivi għal tali Bonds ta' Stabbiltà u analiżi dettaljata tal-implikazzjonijiet finanzjarji u legali tagħhom, il-Kummissjoni qed tinkwadra dan id-dibattitu, kif ukoll qed tistabbilixxi skeda ta' żmien ċara għall-passi li jmiss.

Sfond

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2012 (SAT) jistabbilixxi dawk li l-Kummissjoni temmen li għandhom ikunu l-prijoritajiet tal-UE għat-12-il xahar li ġejjin f'termini ta' politiki u riformi strutturali. L-iSAT 2012 huwa l-punt tat-tluq għat-tieni Semestru Ewropew ta' governanza ekonomika. Dan qed jiġi ppreżentat issa minflok f'Jannar sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jkollhom biżżejjed żmien biex jikkunsidrawh. Il-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Diċembru huwa mistenni jieħu nota ta' dan, iżda l-SAT huwa fuq kollox il-kontribut ewlieni tal-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa fl-1 u t-2 ta' Marzu 2012. Il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (dwar ir-riformi strutturali) u l-Programmi ta' Stabbiltà jew ta' Konverġenza (dwar il-politiki baġitarji) li l-Istati Membri se jressqu fir-rebbiegħa, u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi – ġodda jew aġġornati – li l-Kummissjoni se tippreżenta f'Ġunju, għandhom ikunu lkoll konsistenti mal-prijoritajiet politiċi mressqa fl-SAT. Għall-ewwel darba, l-għodod ġodda ta' sorveljanza li sar qbil dwarhom bħala parti mill-'Pakkett ta' Sitta' se jintużaw fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew.

Ir-Regolament propost li jsaħħaħ is-sorveljanza tal-politiki baġitarji fl-Istati Membri taż-żona tal-euro ikun jitlob li dawn il-pajjiżi jippreżentaw l-abbozzi tal-baġits tagħhom kull sena fl-istess żmien u jagħtu lill-Kummissjoni d-dritt li tevalwa u, jekk ikun meħtieġ, toħroġ opinjoni dwarhom. Il-Kummissjoni tista' titlob li dawn l-abbozzi jiġu riveduti, jekk hija tikkunsidra li jonqsu serjament milli josservaw l-obbligi politiċi stipulati fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Dan kollu jsir pubblikament biex tkun żgurata trasparenza sħiħa. Ir-Regolament jipproponi wkoll monitoraġġ iktar mill-qrib u ħtiġiet ta' rappurtar għall-pajjiżi taż-żona tal-euro fil-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv, li jkunu japplikaw fuq bażi kontinwa matul iċ-ċiklu baġitarju. L-Istati Membri taż-żona tal-euro jkunu mitluba wkoll li jkollhom kunsilli fiskali indipendenti u li jibbażaw il-baġits tagħhom fuq tbassir indipendenti.

Ir-Regolament propost li jsaħħaħ is-sorveljanza ekonomika u fiskali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro li qed jiffaċċaw jew jinsabu mhedda minn instabbiltà finanzjarja serja se jiżgura li s-sorveljanza ta' dawn l-Istati Membri li qed jibbenefikaw minn programm ta' assistenza finanzjarja, jew li qed jiffaċċaw theddida serja ta' instabbiltà finanzjarja, tkun robusta, issegwi proċeduri ċari u tkun ankrata fil-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk Stat Membru li jkun għaddej minn diffikultajiet kbar rigward l-istabbiltà finanzjarja tiegħu għandux ikun suġġett għal sorveljanza iktar mill-qrib. Il-Kunsill ikun jista' joħroġ rakkomandazzjoni lil tali Stati Membri biex jitolbu assistenza finanzjarja.

Il-Green Paper dwar il-Bonds ta' Stabbiltà tanalizza l-benefiċċji u l-isfidi potenzjali tat-tliet approċċi għall-ħruġ konġunt tad-dejn fi ż - ż ona tal-euro. Id-dokument jistabbilixxi l-effetti li x'aktarx kull wieħed minn dawn l-approċċi jkollu fuq il-kosti tal-finanzjament tal-Istati Membri, l-integrazzjoni finanzjarja Ewropea, l-istabbiltà finanzjarja tas-suq u l-attrattività globali tas-swieq finanzjarji tal-UE.. Huwa jikkunsidra wkoll ir-riskji ta' periklu morali li jippre ż enta kull approċċ, kif ukoll l-implikazzjonijiet tiegħu għal dak li hu tibdil fit-Trattati. Uħud jikkunsidraw il-Bonds ta' Stabbiltà bħala rispons fit-tul potenzjalment effettiv ħafna għall-kri ż i tad-dejn sovran, filwaqt li oħrajn jinsabu mħassba li dawn se jneħħu l-inċentiv tas-suq għad-dixxiplina fiskali u jinkoraġġixxu l-periklu morali. Il-Kummissjoni tagħmilha ċara li kwalunkwe azzjoni lejn l-introduzzjoni tal-Bonds ta' Stabbiltà tkun fattibbli u mixtieqa biss jekk ikun hemm tisħiħ simultanju tad-dixxiplina baġitarja. Il-punt sa fejn isir dan it-tisħiħ jeħtieġ li jkun fi proporzjon mal-ambizzjoni tal-approċċ magħżul.

Għal iktar informazzjoni:

Il-websajt tal-President Barroso

MEMO/11/820 Il-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea "Il-Fattibbiltà tal-introduzzjoni tal-Bonds ta' Stabbiltà"

MEMO/11/821 L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012: Mistoqsijiet li Jsiru ta' Spiss

MEMO/11/822 Il-governanza ekonomika: Il-Kummissjoni tipproponi żewġ Regolamenti biex tkompli ssaħħaħ is-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Olivier Bailly (+32 2 296 87 17)

Amadeu Altafaj Tardio (+32 2 295 26 58)

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site