Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Espansjoni kbira taż-żoni naturali tal-Ewropa

European Commission - IP/11/1376   21/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Ambjent: Espansjoni kbira taż-żoni naturali tal-Ewropa

Brussell, il-21 ta’ Novembru 2011 – Natura 2000, in-netwerk tal-UE ta’ żoni protetti, esperjenzat espansjoni sinifikanti . Żdiedu kważi 18 000 kilomentru kwadru, inkluża żieda kbira ta' żoni tal-baħar li jkopru 17 000 kilometru kwadru li se jżidu l-protezzjoni ta' ħafna speċijiet tal-baħar li jinsabu fil-periklu. Issa n-netwerk tkopri kważi 18 % tal-massa tal-art tal-UE u aktar minn 145 000 km 2 tal-ibħra tagħha. Il-pajjiżi prinċipali involuti f’din l-aktar espansjoni riċenti huma r-Renju Unit, Franza, il-Belġju, il-Greċja, Ċipru, l-Ungerija, il-Litwanja u l-Italja. Natura 2000 hija l-aktar element importanti u fil-qalba tal-ġlieda tal-Ewropa biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u jkunu salvagwardjati s-servizzi tal-ekosistema .

Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent qal: " Bħalissa Natura 2000 hija waħda mill-aktar għodod effettivi li għandna fl-Ewropa biex niġġieldu t-telf tal-bijodiversità u għandha rwol ewlieni fl-istrateġija tagħna għall-protezzjoni tal-wirt naturali tagħna . Nilqa’ bil-ferħ, b’mod partikolari, il-kopertura mtejba tal-ibħra Ewropej: il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar Ewropew u tal-karatteristiċi uniċi tiegħu qatt ma kienet aktar importanti milli hi llum."

Natura 2000 hija netwerk wiesa’ ħafna ta' żoni naturali ta' konservazzjoni li ġiet stabbilita biex tiżgura s-sopravivenza tal-ispeċijiet u l-ħabitats l-aktar ta’ valur u fil-periklu tal-Ewropa . In-netwerk jikkonsisti f’madwar 26 000 sit, u l-aħħar żidiet iżidu 166 sit ġdid li jkopru kważi 18 800 kilometru kwadru. Aktar minn 90 % tal-erja miżjuda hija magħmula minn siti tal-baħar (17 000 km 2 ), l-aktar fir-Renju Unit, iżda wkoll fi Franza, il-Belġju, il-Greċja, Ċipru u l-Italja .

Is-siti tal-baħar il-ġodda se jipprovdu rifuġju ta’ importanza kbira għal ħafna mill-ispeċijiet l-aktar rari u fil-periklu tal-Ewropa . Fl-Atlantiku, iż-żoni miżjuda tar-Renju Unit jinkludu 9 sikek tal-ilma kiesaħ, inklużi sikek 'il barra minn Rockall Island li huma siti rikki fil-bijodiversità fejn jinstabu qroll, brimb tal-baħar u għadd kbir ta' speċijiet li għadhom bla isem. Fil-Mediterran, is-siti l-ġodda se jtejbu l-protezzjoni għal speċijiet emblematiċi bħall-fekruna ħadra Chelonia mydas, il-fekruna tal-baħar Caretta caretta u l-foka monaka tal-Mediterran Monachus monachus, li għandhom rwol ewlieni fl-ekosistemi fejn jgħixu .

L-espansjonijiet se jżidu wkoll il-protezzjoni għal firxa ta' ħabitats terrestri importanti, inklużi għadajjar tal-pit fil-Litwanja, pjanuri tal-melħ fl-Ungerija u artijiet mimlija ħaxix li fihom il-ġibs u li huma rikki fl-ispeċijiet li jinsabu fl-Italja u Ċipru .

L-adozzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni timmarka pass importanti lejn il-finalizzazzjoni tal-istabbiliment tan-netwerk ta’ Natura 2000 sal-2012, attività ewlenija inkluża fil-medda ta' proposti ġodda tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità adottati mill-Kummissjoni din is-sena .

Sfond

Natura 2000 hija netwerk ta’ żoni protetti, li jikkonsistu f'Żoni Speċjali ta' Konservazzjoni stabbiliti taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats tal-UE u Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali stabbiliti taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar tal-UE. Natura 2000 mhijiex totalment mingħajr flessibbiltà : attivitajiet bħall-biedja, it-turiżmu, il-forestrija u attivitajiet ta’ divertiment ikunu għadhom jistgħu jitwettqu ġewwa n-netwerk sakemm ikunu sostenibbli u f’armonija mal-ambjent naturali.

L-Istati Membri jagħżlu s-siti tagħhom ta’ Natura 2000 stabbilita taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats fi sħubija mal-Kummissjoni, u ladarba jintgħażlu, iż-żoni huma rikonoxxuti formalment mill-Kummissjoni bħala "Siti ta’ importanza Komunitarja" kif ġara llum. Dan il-proċess jikkonferma l-istatus formali tas-siti, u jnaqqax l-obbligi biex dawn ikunu protetti . L-Istati Membri mbagħad ikollhom sitt snin biex idaħħlu fis-seħħ il-miżuri ta’ ġestjoni meħtieġa u jinnominaw is-siti bħala Żoni Speċjali ta' Konservazzjoni .

L-aħħar aġġornament jikkonċerna ħmistax-il Stat Membru, u jżid l-għadd ta’ "Siti ta’ Importanza Komunitarja" b’166. Iż-żidiet riċenti jkopru sitt reġjuni bijoġeografiċi – ir-reġjuni Alpini, Atlantiċi, Boreali, Kontinentali, Mediterranji u Pannonjani.

Il-medda ta’ żoni protetti hija vasta, minn mergħat mimlijin fjuri sa sistemi ta' għerien u laguni. Id-disa’ reġjuni bijoġeografiċi tan-netwerk jirriflettu l-varjetà wiesgħa tal-bijodiversità tal-UE.

Il-bijodiversità – ir-riżorsa limitata li hija l-varjetà tal-ħajja fuq wiċċ id-dinja – qiegħda fi kriżi . L-ispeċijiet qed jintilfu b’rata mingħajr preċedent b’riżultat tal-attivitajiet tal-bniedem, b’konsegwenzi irriversibbli għall-futur tagħna. L-Unjoni Ewropea qed tiġġieled kontra dan u riċentement stabbilixxiet għan ġdid għat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità fl-Ewropa sal-2020, billi tipproteġi s-servizzi tal-ekosistema bħad-dakkir (u r-restawr ta’ dawn is-servizzi fejn huma degradati), u l-intensifikazzjoni tal-kontribut tal-UE sabiex ikun evitat it-telf tal-bijodiversità globali . Natura 2000 hija għodda ewlenija meħtieġa sabiex jintlaħaq dak l-għan .

Għal aktar tagħrif:

Aktar dettalji dwar il-politika tal-UE dwar in-Natura:

http://ec.europa.eu/environment/nature/index_en.htm

Għal aktar dettalji dwar din l-espansjoni, ara MEMO/11/806

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website