Navigation path

Left navigation

Additional tools

Avjazzjoni: Il-Kummissjoni taġġorna l-lista tal-UE tat-trasportaturi tal-ajru soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat

European Commission - IP/11/1375   21/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Avjazzjoni: Il-Kummissjoni taġġorna l-lista tal-UE tat-trasportaturi tal-ajru soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat

Brussell, il-21 ta’ Novembru 2011 - Il-Kummissjoni Ewropea l lum adottat it-tmintax-il aġġornament tal-lista tal-linji tal-ajru pprojbiti fl-Unjoni Ewropea. Kooperazzjoni intensa u mill-qrib mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ta’ żewġ pajjiżi - l-Albanija u l-Federazzjoni Russa - wasslet lil dawn iż-żewġ pajjiżi biex jadottaw miżuri b’saħħithom sabiex kwalunkwe riskji għas-sikurezza tat-trasportaturi tal-ajru tagħhom li jtiru fl-UE jiġu kkontrollati u mrażżna. Għaldaqstant, ma kien hemm bżonn tal-ebda miżura mill-Kummissjoni f’rabta mat-trasportaturi tal-ajru liċenzjati fl-Albanija jew fil-Federazzjoni Russa. Bis-saħħa ta’ żviluppi ulterjuri fil-prestazzjoni tas-sikurezza tat-TAAG Angolan Airlines, it-trasportatur tal-ajru għandu l-permess iżid żewġ inġenji tal-ajru ma’ dawk li joperaw fl-UE. Il-Kummissjoni kellha l-obbligu li timponi restrizzjonijiet fuq l-operat sabiex teskludi parti mill-flotta ta’ Jordan Aviation minħabba għadd kbir ta’ nuqqasijiet u nuqqasijiet repetuti fis-sikurezza u biex tipprojbixxi kompletament l-operazzjonijiet kollha tat-trasportatur tal-ajru Rollins Air iċċertifikat fil-Ħonduras.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport, Siim Kallas, qal: “Il-Kummissjoni hija lesta li tagħmel kull sforz sabiex tassisti lill-ġirien tagħha fil-bini tal-kapaċità teknika u amministrattiva tagħhom biex jegħlbu kwalunkwe diffikultajiet fil-qasam tas-sikurezza bl-aktar mod veloċi u effiċjenti possibbli. Sadanittant, is-sikurezza tiġi l-ewwel u qabel kollox. Ma nistgħu nippermettu l-ebda kompromess f’dan il-qasam. Fejn ikollna prova ġewwa jew barra l-Unjoni Ewropea li trasportaturi tal-ajru mhumiex qegħdin iwettqu operazzjonijiet sikuri, għandna naġixxu biex neskludu kwalunkwe riskji għas-sikurezza.”

Wara l-opinjoni unanima tal-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru, il-Kummissjoni llum adottat it- tmintax -il aġġornament tal-lista tal-kumpaniji tal-ajru pprojbiti fl-UE. Il-lista l-ġdida tieħu post dik li kien hemm qabilha stabbilita f'April 2011, u diġà tista' tiġi kkonsultata fuq is- sit elettroniku 1 tal-Kummissjoni.

Il-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru, li ltaqa’ bejn it-8 u l-10 ta' Novembru, eżamina wkoll każijiet differenti tat-trasportaturi tal-ajru Ewropej. Il-Kummissjoni qiegħda tħeġġeġ lill-awtoritajiet f'diversi Stati Membri sabiex itejbu aktar is-sorveljanza tagħhom ta' dawn it-trasportaturi tal-ajru biex b’hekk jiġi żgurat li l-linji tal-ajru kollha stabbiliti fl-Ewropa joperaw fl-ogħla livelli ta' sikurezza.

B’dan l-aġġornament, it- TAAG Angolan Airlines għandha l-permess topera fl-UE żewġ inġenji tal-ajru moderni tat-tip B-777-300 murija li huma amministrati b’mod sikur mit-trasportatur tal-ajru li jħares l-operazzjonijiet tagħhom b'mod xieraq.

Il-Kummissjoni u l-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru kienu mħassbin ferm bil-prestazzjoni tat- trasportaturi tal-ajru Albaniżi u l-awtoritajiet tagħhom. Wara l-impenn formali tal-awtoritajiet Albaniżi biex jimpjegaw persunal ikkwalifikat fuq bażi full time sabiex tiġi żgurata s-sorveljanza kontinwa tat-trasportaturi tal-ajru taħt l-awtorità regolatorja tagħhom flimkien ma’ miżuri qawwija ħafna ta’ infurzar – ir-revoka taċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru tal-Albanian Airlines u t-tneħħija ta’ inġenju tal-ajru wieħed mill-flotta ta’ Belle Air, il-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru appoġġja unanimament il-proposta tal-Kummissjoni li tastjeni minn kwalunkwe miżuri. L-Istati Membri u, b’mod partikolari, l-Italja, aċċettaw li jtejbu aktar il-kooperazzjoni kontinwa tagħhom mal-Albanija billi jipprovdu assistenza teknika li tiffoka fuq it-titjib tas-sorveljanza.

Sabiex tiżgura li ma kien hemm l-ebda riskju għas-sikurezza mill-operazzjonijijiet ta’ ċerti trasportaturi tal-ajru, bil-għajnuna unanima tal-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru, il-Kummissjoni ddeċidiet li timponi restrizzjonijiet fuq l-operat għall- Jordan Aviation u li teskludi tliet inġenji tal-ajru tat-tip Boeing 767 mill-flotta tagħha li topera fl-UE. Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġja l-isforzi tal-awtoritajiet tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan u tat-trasportatur tal-ajru biex ittejjeb is-sikurezza b’mod sostenibbli anki permezz ta’ żjara ta’ valutazzjoni.

Wara li rċeviet informazzjoni minn Franza fir-rigward tas-sikurezza tat-trasportatur tal-ajru Rollins Air iċċertifikat fil-Ħonduras u l-appoġġ unanimu fil-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru, il-Kummissjoni ddeċidiet li timponi projbizzjoni fuq l-operat għall-operazzjonijiet kollha tar-Rollins Air sakemm tingħata r-riżoluzzjoni tad-diversi kwistjonijiet sinifikanti dwar is-sikurezza li l-ewwel ma tqajmu kien minn Franza.

Barra minn hekk, il-lista issa tinkludi t-trasportaturi tal-ajru li ġew iċċertifikati mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni tar-Repubblika tal-Kongo ( Equatorial Congo ), tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo ( Stellar Airways ) u tal-Filippini ( Aeromajestic u Interislan Airlines ) mingħajr ma waslet il-prova dokumentata neċessarja li dawn it-trasportaturi jikkonformaw mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali.

Il-Kummissjoni eżaminat tliet trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Federazzjoni Russa – VIM AVIA, Yakutia u Tatarstan Airlines . L-awtoritajiet Russi tal-avjazzjoni ppreżentaw lill-Kummissjoni u l-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru l-miżuri ta’ infurzar fuq dawn it-trasportaturi tal-ajru u b'mod partikolari r-restrizzjonijiet fuq l-operat għall-operazzjonijiet kollha tal-VIM AVIA fl-UE sal-1 ta' April 2012. L-operazzjonijiet ta’ Yakutia u Tatarstan fl-UE kienu ristretti wkoll. L-awtoritajiet Russi tal-avjazzjoni aċċertaw lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru li huma se jiggarantixxu l-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dan u tal-fehim ta’ monitoraġġ kontinwu u mill-qrib tal-operazzjonijiet kollha tat-trasportaturi tal-ajru Russi fl-UE, il-Kummissjoni ddeċidiet li tastjeni milli timponi projbizzjoni fuq l-operat għall-VIM AVIA u li terġa’ teżamina dan il-każ fil-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru li jmiss.

Il-Kummissjoni u l-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru rrikonoxxew l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali kollha kkonċernati biex issir riforma tas-sistema preżenti tal-avjazzjoni ċivili u biex titjieb is-sikurezza sabiex ikun hemm garanzija li l-istandards internazzjonali tas-sikurezza jiġu applikati b’mod effettiv. Il-Kummissjoni hija lesta li tipprovdi appoġġ attiv lil dawn ir-riformi f'kooperazzjoni mal-ICAO, l-Istati Membri tal-UE u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

Għal dan il-għan , il-Kummissjoni tat mandat lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni biex twettaq sensiela ta' missjonijiet ta' assistenza teknika biex tappoġġja lill-awtoritajiet kompetenti ta' għadd ta' Stati, fl-isforzi tagħhom biex itejbu s-sikurezza.

Il-lista Ewropea aġġornata tinkludi t-trasportaturi kollha ċċertifikati f' 21 Stat, li jirrappreżentaw 273 trasportatur tal-ajru magħrufa, li l-operati tagħhom huma kompletament ipprojbiti fl-Unjoni Ewropea: l-Afganistan, l-Angola, il-Benin, ir-Repubblika tal-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Ġibuti, il-Ginea Ekwatorjali, il-Gabon (bl-eċċezzjoni ta’ tliet trasportaturi li joperaw taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), l-Indoneżja (bl-eċċezzjoni ta' sitt trasportaturi), il-Kazakistan (bl-eċċezzjoni ta’ trasportatur wieħed li jopera taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), ir-Repubblika Kirgiża, il-Liberja, il-Mawritanja, il-Możambik, il-Filippini, is-Sjerra Leone, Sao Tome u Principe, is-Sudan, is-Sważiland u ż-Żambja.

Il-lista tinkludi wkoll erba' trasportaturi individwali: Blue Wing Airlines mis-Surinam, Meridian Airways mill-Gana, Rollins Air mill-Ħonduras u Silverback Cargo Freighters mir-Rwanda.

Barra minn hekk, il-lista tinkludi 11-il trasportatur tal-ajru li għandhom permess joperaw fl-UE taħt restrizzjonijiet stretti u soġġetti għal kundizzjonijiet: Air Astana mill-Kazakistan kif jissemma qabel, Air Koryo mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, Airlift International mill-Gana, Air Service Comores, Afrijet, Gabon Airlines u SN2AG mill-Gabon, Iran Air, TAAG Angolan Airlines, Air Madagascar iċċertifikata fil-Madagaskar u Jordan Aviation iċċertifikata fir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

1 :

http://ec.europa.eu/transport/air/index_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website