Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ser temigra lejn l-UE? Issa jistgħu jinstabu pariri siewja fi ftit klikkijiet

European Commission - IP/11/1370   18/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ser temigra lejn l-UE? Issa jistgħu jinstabu pariri siewja fi ftit klikkijiet

Brussell, it-18 ta' Novembru tal-2011 – Fejn tista' tapplika għal permess tax-xogħol Ġermaniż? Ċittadin Indjan għandu bżonn ta' permess ta' residenza biex jistudja fi Spanja? U jekk sfajt sfruttat fuq ix-xogħol, li min tista' ċċempel għall-għajnuna?

Illum, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström, nediet il-'Portal tal-UE dwar l-Immigrazzjoni', websajt b'informazzjoni prattika għal dawk iċ-ċittadini barranin li huma interessati li jemigraw lejn l-UE. Is-sit, ec.europa.eu/immigration , huwa indirizzat ukoll għal dawk il-migranti li diġà jinsabu fl-Ewropa u li jixtiequ jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor. Huwa jipprovdi informazzjoni speċifika għal kull kategorija ta' migranti dwar il-proċeduri ta' migrazzjoni fis-27 Stat Membru kollha kemm huma.

Il-Kummissarju Malmström qalet: "Bosta mill-persuni li jixtiequ jemigraw lejn l-Unjoni Ewropea ma jafux x'possibbiltajiet jeżistu, kif tista' ssir applikazzjoni għal permess ta' residenza jew dwar ir-riskji marbuta mal-migrazzjoni irregolari. Min-naħa l-oħra, il-migranti li diġà jinsabu fl-UE mhux dejjem ikunu konxji mid-drittijiet tagħhom. Aħna jeħtiġilna nagħtu informazzjoni konkreta u aċċessibbli faċilment dwar dawn il-proċeduri li xi kultant ikunu tassew ikkumplikati."

Sfond

Il-Portal tal-UE dwar l -Immigrazzjoni huwa l-ewwel punt fejn tkun tista' tinkiseb informazzjoni aġġornata u prattika dwar l-UE, u dwar il-proċeduri u l-politiki nazzjonali dwar l-immigrazzjoni. Il-ħaddiema, ir-riċerkaturi, l-istudenti u dawk li qed jippruvaw jingħaqdu ma' qraba li diġà jinsabu fl-UE jistgħu jsibu informazzjoni adattata għall-ħtiġijiet tagħhom dwar l-Istati Membri fejn jixtiequ jmorru. Il-Portal għandu wkoll ħoloq diretti ma' websajts ta' awtoritajiet nazzjonali li għandhom x'jaqsmu mal-immigrazzjoni. L-utenti jistgħu wkoll isibu informazzjoni ċara dwar id-drittijiet tagħhom u dwar jekk ikunux jeħtieġu viża biex jidħlu fl-UE.

Il-Portal tal-UE dwar l-Immigrazzjoni jispjega kif persuna tkun tista' tidħol mill-fruntieri tal-UE b'mod legali u jiddeskrivi r-riskji marbuta mal-migrazzjoni irregolari, bħat-traffikar u l-kuntrabandu. Il-migranti u l-migranti potenzjali jsibu wkoll direttorju vast ta' kuntatti ta' organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi li jkunu jistgħu jgħinuhom. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-migranti, u kif ukoll l-awtoritajiet tal-migrazzjoni, is-servizzi tal-impjiegi u l-akkademiċi, jistgħu jużaw l-informazzjoni dettaljata li hija aċċessibbli mill-websajt.

Il-Portal tal-UE dwar il-Immigrazzjoni huwa disponibbli bl-Ingliż u l-Franċiż fuq http://ec.europa.eu/immigration/

Bħalissa g ħadha għaddejja ħidma fuq il-verżjonijiet tas-sit bl-Għarbi u bl-Ispanjol, u qiegħed isir ukoll titjib biex is-sit ikun aktar aċċessibbli minn fuq pjattaformi tekniċi differenti.

Fl-iżviluppar tal-portal tal-UE dwar l-Immigrazzjoni, il-Kummissjoni wettqet proċess ta' konsultazzjoni wiesa', fosthom ma' organizzazzjonijiet li jappoġġjaw lill-migranti, trejdjunjins, assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem u gruppi reliġjużi mill-pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni. Dawn il-konsultazzjonijiet saru fil-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, Spanja u l-Mali.

20.1 miljun ruħ fl-UE huma ċittadini ta' pajjiżi terzi. Din iċ-ċifra tirrapreżenta madwar 4% tal-popolazzjoni totali tal-UE.

Fl-2010, l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi parteċipanti fil-kooperazzjoni ta' Schengen ħarġu aktar minn 11-il miljun viża.

L-għadd stmat ta' persuni li jiġu ttraffikati lejn jew fl-UE jammonta għal diversi mijiet ta' eluf ta' persuni kull sena.

Għal aktar informazzjoni

Il-Portal tal-UE dwar l-Immigrazzjoni

http://ec.europa.eu/immigration

Il-paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-websajt ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Persuni ta' kuntatt :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website