Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-produtturi jikkunsinjaw iċ-ċarġer komuni tat-telefowns ċellulari

European Commission - IP/11/136   08/02/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/136

Brussell, it-8 ta' Frar 2011

Il-produtturi jikkunsinjaw iċ-ċarġer komuni tat-telefowns ċellulari

Qatt ma ġralek li tirrita ruħek għax ma tkunx tista' tissellef iċ-ċarġer tat-telefown ċellulari mingħand ħabib jew kollega għax ma jkunx jaqbel mat-telefown ċellulari tiegħek? Dan kollu se jispiċċa. Ċarġer komuni li jaqbel mat-telefowns ċellulari tad-ditti kollha hija idea sempliċi li l-Kummissjoni ilha tisħaq dwarha għal snin sħaħ. Bis-saħħa tal-kooperazzjoni bejn 14-il kumpanija u l-Kummissjoni Ewropea issa għandna s-soluzzjoni: onechargerforall.eu. Standards tekniċi ġodda għal telefowns ċellulari b'kapaċità ta' dejta ġew ippubblikati fid-29 ta' Diċembru 2010. Illum, il-Viċi President Antonio Tajani jirċievi kampjun ta' ċarġer ta' kompatibilità komuni minn Bridget Cosgrave, id-Direttur Ġenerali ta' DIGITALEUROPE, l-ikbar assoċjazzjoni tal-industrija Ewropea tat-teknoloġija diġitali.

"Nilqa' bil-ferħ il-wasla ta' ċarġers ġodda għat-telefowns ċellulari bbażati fuq l-istandard il-ġdid tal-UE. Din hija aħbar tajba ġenwina għall-konsumatur Ewropew. Issa nistennew il-wasla taċ-ċarġer il-ġdid u t-telefowns ċellulari kompatibbli fil-ħwienet. Inħeġġeġ lill-industrija biex tħaffef id-dħul tagħhom fis-suq biex iċ-ċittadini tal-UE kollha jkunu jistgħu jgawdu l-vantaġġi ta' ċarġer komuni kemm jista' jkun malajr," qal il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, responsabbli għall-industrija u l-intrapriża.

Illum huwa l-bidu ta' proċess ta' implimentazzjoni li seħħ bis-saħħa tal-Kummissjoni Ewropea. L-appoġġ tal-Kummissjoni kien ta' mezz għall-produtturi biex iwasslu dan il-benefiċċju lill-konsumaturi Ewropej f'perjodu ta' żmien relattivament qasir. L-UE waslet għas-soluzzjoni ta' ċarġer komuni bl-użu ta' approċċ mimli sens komun li huwa ta' ġid għal kulħadd – mingħajr il-ħtieġa ta' regolament ġdid. Il-Kummissjoni Ewropea se taħdem flimkien mal-industrija biex il-konsumaturi Ewropej ikunu jistgħu jgawdu mill-inizjattiva kemm jista' jkun malajr.

Il-pubblikazzjoni tal-istandards f'Diċembru 2010 tfisser li l-produtturi tat-telefowns ċellulari jistgħu issa jipproċedu bit-tibdil meħtieġ ta' disinn u ttestjar għaċ-ċarġers filwaqt li jiżguraw li t-telefowns ċellulari kompatibbli huma bla periklu u interoperabbli. Telefowns ċellulari kompatibbli b'kapaċità ta' dejta ta' ditti differenti issa jistgħu jaħdmu bl-istess ċarġer komuni – pass kbir 'il quddiem għal dawk li jużaw it-telefown ċellulari. L-14-il produttur qablu li jintroduċu ċ-ċarġers tat-telefowns ċellulari komuni l-ġodda fis-suq Ewropew matul l-2011.

Iċ-ċarġer komuni huwa prova ċara ta' kif l-istandardizzazzjoni tista' tagħmel il-ħajja tal-Ewropej aktar komda. L-istandardizzazzjoni hija waħda mill-elementi ewlenin li l-Kummissjoni ġġib 'il quddiem biex tiftaħ il-potenzjal tas-Suq Uniku, kif ippreżentat fl-Annual Growth Survey ta' Jannar 2011.

L-Isfond

L-inkompatibilità taċ-ċarġers tat-telefowns ċellulari ġġib mhux biss inkonvenzjenzi għall-utenti, iżda hija wkoll kwistjoni ambjentali importanti fl-Unjoni Ewropea. L-utenti tal-mowbajls li jixtiequ jibdlu t-telefown ċellulari ta' spiss ikollhom jixtru ċarġer ġdid, tkun xi tkun il-kundizzjoni ta' dak li jkollhom.

Wara talba mill-Kummissjoni Ewropea, 14-il-produttur ewlieni tat-telefowns ċellulari qablu li jiffirmaw Memorandum ta' Ftehim biex jiġu armonizzati ċ-ċarġers għat-telefowns ċellulari b'kapaċità ta' dejta mibjugħa fl-UE. Fost il-kumpaniji firmatarji tal-Memorandum hemm Apple, Emblaze Mobile, Huawei Technologies, LGE, Motorola Mobility, NEC, Nokia, Qualcomm, Research In Motion (RIM), Samsung, Sony Ericsson, TCT Mobile (ALCATEL mobile phones), Texas Instruments u Atmel.

Wara mandat mill-Kummissjoni Ewropea, l-Entitajiet ta' Standardizzazzjoni Ewropea CEN-CENELEC u ETSI ħarġu l-istandards armonizzati li jridu jiġu adottati mit-telefowns ċellulari b'kapaċità ta' dejta kompatibbli maċ-ċarġer komuni l-ġdid mill-2011. Is-soluzzjoni taċ-ċarġer komuni hija msejsa fit-teknoloġija tal-Micro-USB konnekter. Għat-telefowns ċellulari li ma għandhomx Micro-USB interfejs jista' jintuża adapter skont il-Memorandum ta' Ftehim.

Il-ftehim ikopri telefowns ċellulari b'kapaċità ta' dejta, jiġifieri dawk li jistgħu jaqbdu ma' kompjuter għall-iskambju ta' ritratti, fajls u mużika, pereżempju. Telefowns ċellulari b'kapaċità ta' dejta diġà jinsabu numerużi fis-suq. L-hekk imsejħa smartphones huwa settur tat-telefowns ċellulari b'kapaċità ta' dejta.

Għal aktar tagħrif:

One charger for all

Ara wkoll:

http://www.youtube.com/watch?v=jIyo29pjgDI&feature=player_profilepage


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website