Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-sikurezza tal-ikel: Jitfakkru ħames snin ta' kontribut, minn inizjattiva ta’ taħriġ, għal ikel iktar sikur madwar id-dinja

Brussell, it-18  ta’ Novembru 2011 – Sa mill-ħolqien tagħha ħames snin ilu, l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea Taħriġ Aħjar għal Ikel iktar Sikur (BTSF) għenet biex jitħarrġu kważi 30 000 professjonist madwar id-dinja, u b’hekk ikkontribwixxiet b’mod sinifikanti biex l-ikel fl-UE isir iktar sikur minn qatt qabel. Kontrolli uffiċjali effettivi fuq is-sikurezza tal-ikel u l-kwistjonijiet veterinarji huma kruċjali għall-ħarsien tas-saħħa tal-pubbliku, tal-annimali u tal-pjanti. L-armonizzazzjoni f’dan il-qasam tippermetti li n-negozji madwar l-UE u lil hinn minnha jikkompetu b’kundizzjonijiet indaqs u jgawdu mill-benefiċċji ta’ iktar kummerċ fl-ikel sikur.

"L-inizjattiva kisbet suċċess kunsiderevoli mit-tnedija tagħha ħames snin ilu u diġà sar ħafna xogħol fir-rigward ta’ tħejjija għall-futur,” stqarr John Dalli, il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur. Nistgħu nħarsu lura b’sodisfazzjon kbir, iżda ma għandhiex nikkuntentaw bil-palji li ksibna. Huwa ċar li t-tip ta’ taħriġ offrut mill-BTSF għandu l-benefiċċji tiegħu u għalhekk għandna nkomplu nirsistu biex niżguraw li din l-inizjattiva tkun mgħammra tajjeb biex jiġu affaċċjati l-isfidi futuri," kompla jgħid.

Workshop f’Malta

Biex tfakkar il-ħames anniversarju tal-BTS F, il-Kummissjoni Ewropea organizzat mis-16 sat-18 ta’ Novembru workshop, f’Malta, ta' taħriġ għall-pajjiżi Mediterranji dwar l-istandards tal-UE għall-kontrolli fuq is-saħħa tal-pjanti. Il-Kummissarju Dalli kien preżenti u indirizza l-workshop.

Il-parteċipanti żaru wkoll żona fejn hemm is-siġar tal-palm, biex jaraw kif jitwettqu l-kontrolli tas-saħħa, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-Bumunqar Aħmar tal-Palm (Red Palm Weevil (RPW)). Il-bumunqar aħmar tal-palm huwa insett li jikkawża dannu u li jattakka firxa wiesgħa ta’ siġar tal-palm, bħat-tamal, il-ġewż tal-Indi jew il-palma areca . Dan l-insett mhux nattiv għall-UE u daħal fit-territorju tal-Unjoni mal-importazzjonijiet tal-pjanti tal-palm. Dan l-insett issa jinsab fl-Istati Membri Mediterranji kollha, u qed jikkawża tħassib dwar il-futur tal-palmi f’dawn il-pajjiż.

Sfond

L-istorja u l-benefiċċji

Fl-2006 beda t-taħriġ konkret bħala parti mill-inizjattiva BTSF u tul dik l-ewwel sena ġew organizzati seba’ programmi dwar suġġetti differenti relatati mal-oqsma ġenerali fil-mira tal-inizjattiva. Minn dakinhar, l-inizjattiva BTSF espandiet kunsiderevolment u llum jiġu implimentati 25 programm annwalment. Bejn l-2006 u l-2011, ipparteċipaw madwar 29 000 ruħ direttament fit-taħriġ minn madwar 180 pajjiż minn madwar id-dinja, b’baġit totali involut ta’ EUR 68 miljun.

L-inizjattiva oriġinarjament kienet ta’ natura ad-hoc, iżda biex tkun tista’ tlaħħaq maż-żieda mgħaġġla fil-livelli tal-attivitajiet tagħha, il-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li tinbidel l-istruttura tagħha. Element importanti f’dan il-proċess kien li ċerti kompiti finanzjarji u amministrattivi relatati mat-taħriġ ġew fdati lill-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi bejn l-2009 u l-2010.

L-inizjattiva BTSF tħarreġ il-persunal f’livell nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi involuti fil-kontrolli uffiċjali fl-oqsma tal-ikel u l-liġijiet dwar l-għalf, ir-regoli dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali u r-regoli dwar is-saħħa tal-pjanti . Hija timmira li l-uffiċjali jsiru iktar konxji mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, biex dawn ikollhom għarfien aħjar dwar il-kontrolli li jkollhom iwettqu.

L-isfidi u l-azzjonijiet

Fl-2008 twettqet valutazzjoni intermedjarja tal-ewwel sentejn tal-BTSF. Din identifikat għadd ta’ sfidi, li kwalunkwe strateġija ta’ taħriġ għat-tul għandha tindirizza. Fuq quddiem nett insibu l-bżonn li jingħata livell ta’ taħriġ li jkun jista’ jlaħħaq ma’ domanda għolja u li qed tiżdied, li jiġu identifikati l-prijoritajiet għat-taħriġ u l-udjenzi fil-mira b’mod iktar ċar, li tittejjeb il-kwalità tat-taħriġ u li l-inizjattiva tkompli tixxerred.

Il-Kummissjoni aġixxiet għal dawn is-sejbiet billi f’Novembru tal-2010 adottat, Dokument ta' Ħidma tal-Persunal, li jipproponi azzjonijiet li jippermettu li l-BTSF jirnexxilu jegħleb dawn l-isfidi. Dawn, pereżempju, jinkludu l-iżvilupp ta’ għodda ta’ tagħlim elettroniku biex fir-rigward tat-taħriġ u l-istudji f’livell bażiku tkun tista’ ssir stima preċiża tad-domanda għal taħriġ tal-BTSF u, fit-terminu ta’ żmien itwal, it-twaqqif ta’ skola sajf għat-tutors u t-twaqqif ta' ċentru ta’ taħriġ wara l-ewwel lawrja għall-parteċipanti preċedenti.

Għal aktar informazzjoni żur is-siti ta' hawn taħt :

http://ec.europa.eu/food/training_strategy/index_en.htm

http://ec.europa.eu/eahc/food/index.html

MEMO/11/798

Persuni ta’ Kuntatt :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website