Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/135

Brussell, it-8 ta’ Frar 2011

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi biex tissalvagwardja t-tfal onlajn

Fl-okkażjoni tal-Jum għal Internet iktar Sikur tal-2011, il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret li se tintensifika t-taħditiet mal-industrija tal-ICT u l-organizzazzjonijiet tat-tfal biex tixpruna t-tfassil ta' prodotti aktar sikuri biex tgħin lit-tfal ikunu iktar sikuri onlajn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni dalwaqt se tirrevedi r-Rakkomandazzjoni tal-2006 dwar il-minuri u kif tipproteġihom fil-midja awdjoviżiva u l-Internet u l-Komunikazzjoni tal-2008 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ minn kontenut perikoluż fil-logħob tal-vidjow. It-tfal qed jużaw l-internet minn età iktar żgħira u mhux biss mill-kompjuters, iżda wkoll mill-konsowls tal-logħob u l-mowbajls. Aktar minn 82 % ta' tfal ta' bejn il-15 u s-16-il sena fl-Ewropa għandhom profil tan-netwerking soċjali, kif ukoll 26 % tat-tfal ta' bejn il-9 u l-10 snin. Il-Jum għal Internet iktar Sikur qed jitfakkar illum f'iktar minn 65 pajjiż madwar id-dinja taħt is-slogan "L-Internet huwa iktar minn logħba, huwa ħajtek!". Il-Programm tal-UE għal Internet iktar Sikur jappoġġa dan, u jgħin lill-ġenituri u lit-tfal tagħhom biex ikunu sikuri onlajn. Is-sikurezza tat-tfal onlajn hija parti importanti mill-Aġenda Diġital għall-Ewropa (IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: “Huwa diffiċli għall-ġenituri biex jiżguraw li t-tfal tagħhom huma dejjem sikuri onlajn, speċjalment billi ż-żgħażagħ issa jistgħu jaċċessaw l-Internet mhux biss mill-kompjuter, iżda wkoll permezz tal-mowbajls intelliġenti u tal-konsowls tal-logħob. Dan iwassal għal responsabbiltà akbar fuq l-industrija tal-ICT biex tipprovdi prodotti u servizzi li jipproteġu u jassistu lit-tfal onlajn. Ħdimna b'mod produttiv ma' netwerks soċjali u operaturi tat-telefonija mobbli. Issa qed nitolbu lill-katina sħiħa tal-industrija tal-ICT biex taħdem flimkien għal aktar sikurezza għat-tfal onlajn".

Bi tweġiba għal bixriet dejjem jinbidlu ta' teknoloġija użata miż-żgħażagħ, il-Kummissjoni se taħdem ma' gruppi u setturi tal-industrija ġodda biex tipproteġi b'mod aħjar it-tfal onlajn. Il-manifatturi tal-apparat mobbli u l-konsowls tal-logħob, il-fornituri tas-servizz tal-Internet, il-kumpaniji ta' netwerking soċjali, l-applikazzjonijiet tat-telefonija mobbli u l-fornituri tal-kontenut, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tat-tfal se jiġu mistiedna jissieħbu mal-pjattaforma kollaborattiva. Dan id-djalogu se jkompli jibni fuq il-kisbiet tal-Prinċipji għal Netwerking Soċjali iżjed Sikur għall-UE (ara l-Anness u IP/09/232, IP/10/144) u l-Qafas Ewropew dwar l-Użu Aktar Sikur tal-Mowbajls minn Żgħażagħ Minuri u Tfal (ara IP/07/139, IP/09/596, IP/10/704).

Stħarriġ riċenti pan-Ewropew juri li t-tfal qegħdin dejjem iżjed ikunu onlajn u li l-użu tal-Internet qed isir iktar personalizzat, b'wieħed minn tlieta jaċċessaw l-internet permezz tal-mowbajls tagħhom u b'wieħed minn erbgħa permezz tal-konsowls tal-logħob. Aktar min-nofs ta' dawk ta' bejn it-13 u s-16-il sena għandhom ukoll aċċess għall-Internet fil-kamra tas-sodda tagħhom.

Fl-istess ħin, 59 % ta' dawk bejn id-9 u s-16-il sena għandhom profil tan-netwerking soċjali, b'differenzi bejn pajjiżi li jvarjaw minn 80 % fil-Pajjiżi l-Baxxi għal 46 % fir-Rumanija. 26 % minnhom għandhom profili kompletament "pubbliċi", li jvarjaw minn 11 % fir-Renju Unit u jitilgħu sa 54 % fl-Ungerija. 14 % tat-tfal ipoġġu l-indirizz u n-numru tat-telefown tagħhom fuq il-profili tagħhom.

Il-Jum għal Internet iktar Sikur tal-2011 għandu l-għan li jfakkar liż-żgħażagħ li dak li jagħmlu jew jgħidu onlajn jista' xi darba jfeġġ fil-ħajja "reali" tagħhom, anke jekk jużaw avatar jew laqam. Il-Jum għal Internet iktar Sikur ġie organizzat minn INSAFE, in-netwerk taċ-Ċentri tal-Għarfien u huwa appoġġat mill-Programm għal Internet iktar Sikur ta' EUR 55 miljun tal-UE. Ilu jiġi mfakkar kull sena sa mill-2004, b'avvenimenti minn 65 pajjiż fl-Ewropa u d-dinja kollha.

Din is-sena, pereżempju, l-Irlanda se tvara proġett ta' riċerka dwar l-użu tal-Internet mit-tfal, u l-Bulgarija se tvara linja għall-għajnuna fejn żgħażagħ, ġenituri u għalliema jistgħu jistaqsu parir personalizzat dwar kwistjonijiet ta' sikurezza onlajn. Fi Franza, se jkun hemm gruppi ta' ħidma speċjali fl-iskejjel matul ix-xahar kollu ta' Frar. Fi Spanja, se jiġi ffirmat ftehim għal sessjonijiet konġunti ta' taħriġ għal minuri f'riskju u l-ġenituri tagħhom, bejn il-pulizija, il-Muniċipalità ta' Madrid u diversi kumpaniji. L-Ungerija, il-Latvja, il-Greċja u l-Olanda se jippremjaw lir-rebbieħa nazzjonali tagħhom fil-kompetizzjoni tal-Aqwa Kontenut Onlajn għat-Tfal.

Għal aktar tagħrif:

Il-Jum għal Internet iktar Sikur:

http://www.saferinternet.org/web/guest/safer-internet-day

Programm iktar Sikur għall-Internet:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/index_en.htm

Pariri konkreti għall-ġenituri dwar kif iħarsu s-sigurtà tat-tfal tagħhom onlajn

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/projects/centres/practices/index_en.htm

Anness

Lista tal-firmatarji għall-Prinċipji għal Netwerking Soċjali iżjed Sikur:

Arto, Bebo, Dailymotion, Facebook, Giovani.it, Google, Hyves, Microsoft Europe, Myspace, Nasza-klaza.pl, Netlog, One.lt, Skyrock, VZnet Netzwerk Ltd., Sulake, Yahoo!Europe, u Zap.lu. F'Ġunju 2009, issieħbu żewġ firmatarji oħra: Ratee u Tuenti. Fl-2010, żdiedu żewġ firmatarji oħra: Stardoll u wer-kenn-wen

Lista tal-firmatarji għall-Qafas Ewropew dwar l-Użu Aktar Sikur tal-Mowbajls minn Żgħażagħ Minuri u Tfal:

Dan il-ftehim l-ewwel ġie iffirmat minn Bouygues Telecom, Cosmote, debitel.AG, Deutsche Telekom Group, Go Mobile, Hutchison 3G Europe, Jamba! GmbH, Mobile Entertainment Forum, Orange Group, Royal KPN N.V., SFR, Telecom Italia S.p.A, Telefonica Moviles S.A., Telenor, TeliaSonera u Vodafone Limited. Illum, 83 operatur tat-telefonija mobbli fl-Ewropa ffirmaw il-ftehim waqt li 10 oħra ffirmaw ftehim nazzjonali. Il-Qafas Ewropew għalhekk għandu kopertura ta' 96 % tal-klijenti kollha Ewropej tal-mowbajl. Għal lista sħiħa ta' firmatarji ara:

http://www.gsmeurope.org/documents/List_of_signatories_Dec_09.pdf

Grafika 23: Tfal li għandhom profil fuq SNS, skont il-pajjiż

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

QC313: Int għandek jew m'għandikx il-profil TIEGĦEK STESS fuq sit tan-netwerking soċjali li qed tuża bħalissa?

Bażi: It-tfal kollha li jużaw l-internet.

Tabella 6: L-informazzjoni li juri t-tfal fuq il-profil tan-netwerking soċjali tagħhom, skont il-pajjiż

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

QC317: Il-profil tiegħek huwa ssettjat …? Pubbliku, privat jew parzjalment privat. QC318a-f: X'inhu inkluż fil-profil tiegħek dwarek minn dawn id-dettalji ta' fuq din il-kard? (Jistgħu jingħataw tweġibiet multipli) Elementi ta' identità mistoqsija dwarek, li t-total tagħhom jidher fil-kolonna tal-aħħar: ritratt li juri wiċċek b'mod ċar, kunjomok, l-indirizz tiegħek, in-numru tat-telefown tiegħek, l-iskola tiegħek, l-età korretta tiegħek.

Bażi: It-tfal kollha li għandhom profil fuq is-sit tan-netwerking soċjali.

Grafika 8: L-aċċess għat-tfal għall-internet bl-użu ta' mowbajl jew apparat miżmum fl-idejn, skont il-pajjiż

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

QC300h, e: Liema minn dan l-apparat tuża għall-internet, dan l-aħħar?

Bażi: It-tfal kollha li jużaw l-internet.

Sors, Stħarriġ tal-UE dwar Tfal Onlajn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website