Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Pjan ta' Azzjoni kontra r-reżistenza antimikrobika: Il-Kummissjoni tiżvela 12-il azzjoni konkreta għall-ħames snin li ġejjin

Commission Européenne - IP/11/1359   17/11/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Pjan ta' Azzjoni kontra r-reżistenza antimikrobika: Il-Kummissjoni tiżvela 12-il azzjoni konkreta għall-ħames snin li ġejjin

Brussell, is-17 ta' Novembru 2011 – B'madwar 25 000 pazjent jitilfu ħajjithom kull sena fl-UE minħabba infezzjonijiet ikkawżati minn batteri reżistenti għall-mediċini u bi nfiq relatat ta' 'l fuq minn EUR 1.5 biljun fi spejjeż għall-kura tas-saħħa u telf fil-produttività 1 , ir-reżistenza antimikrobika hija problema tas-saħħa fl-UE li kulma jmur qiegħda tiżdied. Illum, lejliet il-Jum Ewropew ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Antibijotiċi, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Pjan ta' Azzjoni komprensiv dwar ir-reżistenza Antimikrobika (AMR) li jiżvela 12-il azzjoni konkreta li għandhom jiġu implimentati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

John Dalli, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: "Għandna bżonn nieħdu azzjoni determinata minnufih jekk ma rridux nitilfu l-mediċini antimikrobiċi bħala trattament essenzjali kontra l-infezzjonijiet batteriċi kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali. It-12-il azzjoni konkreta għall-ħames snin li ġejjin, li qegħdin nippreżentaw illum, jistgħu jgħinu biex titrażżan il-firxa tar-reżistenza antimikrobika u biex jiġi żviluppat trattament antimikrobiku ġdid. Is-suċċess tagħhom jitlob unjoni ta' sforzi mill-UE, l-Istati Membri, il-professjonisti fil-kura tas-saħħa, l-industrija, il-bdiewa u ħafna oħrajn ".

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni qalet: "L-iskoperta ta' ġenerazzjoni ġdida ta' antibijotiċi hija kruċjali jekk irridu nibqgħu fuq quddiem fil-ġlieda kontra batteri u patoġeni oħra li huma reżistenti għall-mediċini. L-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni se jkun ifisser l-aqwa kura possibbli għall-pazjenti, u l-Kummissjoni qiegħda taħdem id f'id mal-industrija u l-Istati Membri biex dan ikun prijorità. Dan l-impenn se jkompli f'Horizon 2020, il-programm tagħna tal-ġejjieni ta' finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni".

Reżistenza dejjem akbar

Dejta minn madwar l-UE kollha ppubblikata llum miċ- Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) dwar ir-reżistenza antibijotika turi li r-reżistenza għall-antibijotiċi tal-aħħar ġenerazzjoni fl-Ewropa, qiegħda tiżdied. Pereżempju, ir-reżistenza għall-patoġeni li sikwit jikkawżaw il-pnewmonja u l-infezzjonijiet tas-sistema urinarja fl-isptarijiet qiegħda tiżdied madwar l-UE u issa hija stabbilita f'bosta pajjiżi.

Azzjonijiet ewlenin

Il-Pjan ta' Azzjoni jkopri seba' oqsma, fejn il-miżuri huma l-aktar meħtieġa.

  • Iċ-ċertezza li jsir użu xieraq tal-antimikrobiċi kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali

  • Il-prevenzjoni ta' infezzjonijiet mikrobiċi u l-firxa tagħhom

  • L-iżvilupp ta' antimikrobiċi effettivi ġodda jew alternattivi għat-trattament

  • Il-koperazzjoni mal-imsieħba internazzjonali biex jitrażżnu r-riskji tal-AMR

  • It-titjib tal-monitoraġġ u s-sorveljanza fil-qasam tal-mediċina tal-bnedmin u tal-annimali

  • Riċerka u innovazzjoni

  • Komunikazzjoni, Edukazzjoni u Taħriġ

Il-proposta tistabbilixxi wkoll 12-il azzjoni konkreta biex:

  • Tittejjeb is-sensibilizzazzjoni dwar l-użu xieraq tal-antimikrobiċi

  • Tissaħħaħ il-liġi tal-UE dwar il-mediċini veterinarji u dwar l-għalf medikat.

  • Jiġu introdotti rakkomandazzjonijiet għall-użu prudenti tal-antimikrobiċi fil-mediċina veterinarja, inklużi r-rapporti ta' segwitu.

  • Jissaħħu l-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet fl-isptarijiet, fil-kliniki, eċċ.

  • Jiġu introdotti għodda legali li jżidu l-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet fl-annimali fil-Liġi l-ġdida dwar is-Saħħa tal-Annimali.

  • Issir promozzjoni ta' kollaborazzjoni bla preċedenti li tipprovdi lill-pazjenti b'antimikrobiċi ġodda.

  • Issir promozzjoni tal-isforzi biex tiġi analizzata l-ħtieġa ta' antibijotiċi ġodda fil- mediċina veterinarja

  • Jiġu żviluppati u/jew jissaħħu l-impenji multilaterali u bilaterali għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-AMR.

  • Jissaħħu s-sistemi ta' sorveljanza tal-AMR u l-konsu m tal-antimikrobiċi fil-mediċini għall-bnedmin

  • Jissaħħu s-sistemi ta' sorveljanza tal-AMR u l-konsum tal-antimikrobiċi fil-mediċini għall-annimali

  • Tissaħħaħ u tiġi kkoordinata r-riċerka.

  • Tittejjeb il-komunikazzjoni dwar l-AMR lill-pubbliku.

Sfond

L-antimikrobiċi jinkludu l- antibijotiċi , li huma mediċini essenzjali għall-bnedmin u l-annimali, u jistgħu jintużaw ukoll bħala disinfettanti, antisettiċi u prodotti oħra tal-iġjene . Dawn mewwtu ferm it-theddida tal-mard infettiv. L-antibijotiċi huma għodda indispensabbli fil-mediċina u huma użati fi proċeduri komuni bħat-trapjanti u l-kemoterapija.

Madankollu, matul is-snin il-batteri rabbew reżistenza għall-antibijotiċi. Din ir-reżistenza mmanifestat ruħha fit-teħid ta' infezzjonijiet mill-isptarijiet stess, infezzjonijiet tas-sistema respiratorja, il-meninġite, mard tad-dijarea u infezzjonijiet trasmessi sesswalment. Il-batteri reżistenti jistgħu jgħaddu mill-annimali għall-bnedmin mill-katina tal-ikel jew permezz ta' kuntatt dirett.

Mis-snin 90 'l hawn, meta l-AMR ġiet meqjusa bħala theddida serja għas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni nediet varjetà ta' inizjattivi u azzjonijiet fis-setturi tal-mediċina umana u veterinarja, l-ikel u l-għalf u r-riċerka xjentifika. Il-Pjan ta' Azzjoni li tħabbar illum huwa l-iktar wieħed riċenti minn serje ta' miżuri li l-Kummissjoni ħadet biex tiġġieled l-AMR.

Għal aktar tagħrif żur:

MEMO/11/792

http://ec.europa.eu/health/antimicrobial_resistance/policy/index_mt.htm

http://ec.europa.eu/research/health/infectious-diseases/antimicrobial-drug-resistance/index_en.html

http://www.efsa.europa.eu/en/topics/topic/amr.htm

http://www.ecdc.europa.eu/en/Pages/home.aspx

Il-websajt tal-Kummissarju Dalli:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/dalli/index_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Geoghegan-Quinn:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/geoghegan-quinn/index_en.htm

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)

1 :

ECDC/EMEA Rapport Tekniku Konġunt "The bacterial challenge: time to react" (L-isfida batterika: jeħtieġ li nirreaġixxu). Stimi bbażati fuq il-batteri l-aktar li jiġu iżolati mill-kulturi tad-demm fl-Ewropa.

( http://www.ema.europa.eu/docs/en_GB/document_library/Report/2009/11/WC500008770.pdf )


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site