Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-indirizzar tal-kisbiet baxxi fil-matematika u x-xjenza għadu sfida fl-Ewropa

European Commission - IP/11/1358   16/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-indirizzar tal-kisbiet baxxi fil-matematika u x-xjenza għadu sfida fl-Ewropa

Brussell, 16 ta’ Novembru 2011 – Min ifassal il-politika hemm bżonn li jaħdem iktar biex jindirizza l-kisbiet baxxi fil-matematika u x-xjenza, skont żewġ rapporti ppreżentati llum mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport dwar l-edukazzjoni matematika jiżvela li ħames pajjiżi Ewropej biss (l-Ingilterra, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Irlanda u n-Norveġja) stabbilixxew miri nazzjonali biex itejbu l-livelli tal-kisbiet, għalkemm maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE jipprovdu linji gwida ġenerali biex jindirizzaw id-diffikultajiet tal-istudenti f'dan il-qasam. Ir-rapport dwar ix-xjenza juri li l-ebda Stat Membru ma għandu politiki nazzjonali ta’ appoġġ speċifiċi għal dawk b’kisbiet edukattivi baxxi, għalkemm ħames pajjiżi (il-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Polonja) nedew programmi biex jindirizzaw il-kisbiet baxxi b’mod ġenerali. Ir-rapporti jikkonkludu li għalkemm diġà sar ħafna fl-aġġornament tal-kurrikuli tal-matematika u x-xjenza, għad hemm nuqqas ta’ appoġġ għall-għalliema responsabbli mill-implimentazzjoni tal-bidliet.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet : " Jeħtieġ li l-Ewropa ttejjeb il-prestazzjoni tagħha fl-edukazzjoni. Kemm il-matematika u kemm ix-xjenza għandhom rwol importanti fil-kurrikuli moderni, peress li mhux biss jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, iżda jgħinu wkoll fl-iżvilupp ta’ ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u s-sodisfazzjon personali. Dawn l-istudji juru li għalkemm qed isir il-progress, għad hemm ħafna x’nistgħu nagħmlu. Hemm bżonn ukoll li nindirizzaw il-bilanċ bejn is-sessi, biex b’hekk iktar bniet jitħeġġu jistudjaw ix-xjenza u l-matematika. Wasal iż-żmien li nżidu l-isforzi tagħna biex nappoġġjaw il-professjoni ta’ għalliem u biex ngħinu lil dawk it-tfal qed ikollhom jagħmlu sforzi kbar l-iskola."

Iż-żewġ rapporti jipprovdu analiżi kumparattiva tal-approċċi lejn it-tagħlim tal-matematika u x-xjenza, bil-għan li jingħata kontribut fid-dibattitu Ewropew u nazzjonali dwar kif jistgħu jittejbu l-istandards.

It-tħassib dwar il-livelli tal-kisbiet wassal għall-adozzjoni ta' valur ta' referenza mal-UE kollha min-naħa tal-Ministri tal-Edukazzjoni, fl-2009, li stipula li l-porzjon ta’ żgħażagħ ta’ 15-il sena b’abbiltajiet insuffiċjenti fil-matematika, ix-xjenza u l-qari kellu jkun ta’ inqas minn 15 % sal-aħħar tad-deċennju. Minn 18-il pajjiż tal-UE b’dejta li tista’ titqabbel, jidher li l-Finlandja, l-Estonja u l-Pajjiżi l-Baxxi għandhom l-aqwa prestazzjoni, filwaqt li l-Bulgarija u r-Rumanija qegħdin fit-tarf l-ieħor tal-iskala (ara IP/11/488 )

Sfond

Il-matematika

Il-kompetenza matematika ġiet identifikata mill-Ministri tal-Edukazzjoni bħala waħda mill-kompetenzi ewlenin neċessarji għas-sodisfazzjon personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjegabbiltà f’soċjetà tal-għarfien.

Għadd ta’ fatturi jinfluwenzaw kif wieħed jgħallem u jitgħallem il-matematika. Stħarriġiet internazzjonali jissuġġerixxu li l-kisbiet tal-istudenti huma influwenzati mill-familja li jkunu ġejjin minnha, mill-kwalità tat-tagħlim u mill-istruttura u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi.

Ir-rapport dwar l-edukazzjoni matematika (l-ewwel wieħed li sar għall-Kummissjoni) jiżvela li maġġoranza ta’ pajjiżi Ewropej adottaw approċċ imsejjes fuq ir-riżultati, fejn il-fowkus huwa fuq il-ħiliet prattiċi tal-istudenti. L-ammont ta’ kontenut matematiku fil-kurrikuli naqas, filwaqt li l-fowkus fuq is-soluzzjoni tal-problemi u l-applikazzjoni tal-matematika żdied. Dan l-approċċ jindirizza aħjar il-ħtiġijiet tal-istudenti u juri biċ-ċar kif huma jistgħu japplikaw il-matematika fil-ħajja ta’ kuljum.

Madankollu, jibqa’ l-isfida tal-għoti tal-appoġġ neċessarju lill-għalliema, li jirrikjedi taħriġ kontinwu. Barra minn hekk, l-appoġġ u l-gwida fir-rigward tat-tagħlim ta’ gruppi ta’ studenti mħallta, jeħtieġ li jissaħħu.

Ix-xjenza

Tmien pajjiżi biss (il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, ir-Renju Unit u n-Norveġja) għandhom strateġiji ġenerali għall-promozzjoni tal-edukazzjoni xjentifika li jindirizzaw il-kurrikuli, il-metodi tat-tagħlim u taħriġ addizzjonali għall-għalliema. Ħafna mill-pajjiżi li ma jimplimentawx tali strateġija, japplikaw programmi u proġetti individwali bħal pereżempju sħubijiet bejn l-iskejjel u ċentri xjentifiċi.

Barra minn hekk, ħafna mill-pajjiżi Ewropej jippromwovu modi innovattivi għat-tagħlim tax-xjenza, bħal pereżempju tagħlim imsejjes fuq il-mistoqsijiet, mil-livell primarju 'l quddiem. Ħafna jirrakkomandaw ukoll li l-istudenti jiġu involuti f’diskussjonijiet dwar kwistjonijiet ambjentali u li juru l-applikazzjonijiet prattiċi tax-xjenza fil-ħajja ta’ kuljum.

Filwaqt li dan huwa inkoraġġanti, l-ebda pajjiż Ewropew ma għandu politiki nazzjonali ta' appoġġ speċifiċi għal dawk b'kisbiet edukattivi baxxi. Minflok, l-appoġġ huwa kopert minn qafas ġenerali ta’ miżuri għall-istudenti b’diffikultajiet fit-tagħlim, li mhumiex speċifiċi għas-suġġett. Dawn jinkludu tagħlim differenzjat, tagħlim fejn l-għalliem ikollu student wieħed, tagħlim b’għajnuna mill-pari, tutoring u gruppi skont l-abbiltajiet.

Eurydice

L-istudji nġabru min- netwerk Eurydice u jiffukaw fuq ir-riformi fil-kurrikulu, it-tagħlim u l-metodi ta’ valutazzjoni. L-indirizzar tal-kisbiet baxxi, iż-żieda fil-motivazzjoni pereżempju permezz ta' fowkus fuq l-applikazzjonijiet prattiċi u l-edukazzjoni tal-għalliema, huma kollha indirizzati f'dawn l-istudji. Huma jeżaminaw kull suġġett fid-dawl tar-riċerka akkademika, l-aħħar riżultati minn stħarriġiet internazzjonali u reviżjoni bir-reqqa tal-politiki u l-programmi nazzjonali.

In- Netwerk Eurydice jipprovdi informazzjoni u analiżi tas-sistemi u l-politiki Ewropej tal-edukazzjoni. Dan jikkonsisti minn 37 unità nazzjonali bbażati fit-33 pajjiż parteċipanti fil-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE (L-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija). Huwa kkordinat u amministrat mill-Aġenzija Eżekuttiva tal-UE dwar l-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura li tinsab fi Brussell, u li tipprovdi firxa ta' riżorsi onlajn.

Għal aktar tagħrif:

Ir-rapporti sħaħ [bl-Ingliż]: L-edukazzjoni Matematika fl-Ewropa; Sfidi Komuni u Politiki Nazzjonali and L-edukazzjoni Xjentifika fl-Ewropa: Politiki, Prattiki u Riċerka Nazzjonali Kopji stampati tal-istudju bl-Ingliż se jkunu disponibbli minn Diċembru 2011, u bil-Franċiż u l-Ġermaniż se jkunu disponibbli ftit wara.

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u Taħriġ

ANNESS: Il-fatti u ċ-ċifri

Il-matematika:

1. Il-perċentwal ta' studenti ta' 15-il sena b’ħiliet baxxi fil-matematika, 2009

Sors: OECD, PISA 2009 bażi ta’ dejta.

Il-15 % indikat fl-istampa juri l-punt ta’ referenza tal-UE li għandu jintlaħaq sal-2020.

2. Il-ħiliet u l-kompetenzi fil-kurrikulu matematiku u/jew dokumenti ta' gwida oħra dwar il-matematika, fil-livelli primarji u l-bidu tas-sekondarja (ISCED 1 u 2), 2010/11

UK ( 1 ) = UK-ENG/WLS/NIR

3. Linji gwida nazzjonali dwar il-livell għall-indirizzar tal-kisbiet baxxi fil-matematika,
il-livelli tal-primarja u l-bidu tas-sekondarja (ISCED 1 u 2), 2010/11

Ix-xjenza:

1. Il-perċentwal ta' studenti ta' 15-il sena b’ħiliet baxxi fix-xjenza, 2009

Sors: OECD, PISA 2009 bażi ta ’ dejta.

Il-15 % indikat fl-istampa juri l-punt ta’ referenza tal-UE li għandu jintlaħaq sal-2020 .

2. Ċentri nazzjonali tax-xjenza jew istituzzjonijiet simili eżistenti, li jippromwovu l-edukazzjoni xjentifika, 2010/11

3. L-għoti ta’ appoġġ lill-istudenti fis-suġġetti xjentifiċi - il-livelli tal-primarja u l-bidu tas-sekondarja (ISCED 1 u 2), 2010/11

UK ( 1 ) = UK-ENG/WLS/NIR

Sors għaċ-ċifri: Eurydice .

Persuni ta’ Kuntatt :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website