Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Nimxu lejn kultura legali Ewropea: L-Istitut dwar id-Dritt Ewropew fi Vjenna jibda l-ħidma tiegħu

Vjenna, is-17 ta’ November 2011 – Viviane Reding, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Ġustizzja, illum inawgurat l-ewwel laqgħa ta’ ħidma tal-Istitut dwar id-Dritt Ewropew ( SPEECH/11/764 ). Sena biss wara t-twelid tal-idea li jiġi stabbilit Istitut, dan il-korp issa twaqqaf u qed jiffunzjona. Se ssir l-ewwel laqgħa ta’ ħidma biex tiġi diskussa l-proposta tal-Kummissjoni biex ikun hemm Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fakultattiva ( IP/11/1175 ). L-Istitut, li twaqqaf f’Ġunju u li għandu s-sede prinċipali fi Vjenna ( IP/11/666 ), għandu l-għan li jtejjeb il-konsistenza legali fl-Ewropa billi jipprovdi pariri prattiċi lil dawk li jfasslu l-politika u lill-awtoritajiet u jiżviluppa iktar il-liġi tal-UE. Huwa organizzazzjoni indipendenti u mingħajr skop ta’ qligħ li tqarreb lil dawk li jeżerċitaw il-professjoni legali u lill-akkademiċi mill-Ewropa kollha. L-Istitut se jagħti kontribut importanti lill-għan iktar wiesa’ tal-UE, jiġifieri l-bini ta’ żona Ewropea ta’ liġi u ġustizzja.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding qalet, “L-Istitut dwar id-Dritt Ewropew se jgħin biex tinbena kultura legali Ewropea. Jekk ikun hemm iktar konsistenza bejn is-sistemi legali differenti fl-Ewropa, dan se jgħin biex jissaħħu l-fiduċja reċiproka u l-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistema legali tal-UE, tissaħħaħ il-fiduċja fl-istat tad-dritt Ewropew, li huwa l-element li jgħaqqad l-Unjoni Ewropea flimkien.” “Dan se jippermetti li ż-żona Ewropea ta’ ġustizzja tkun waħda konkreta u reali sabiex il-persuni jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu vantaġġ mill-opportunitajiet tas-Suq Uniku. L-Istitut se jġib miegħu ukoll valur miżjud għar-riċerka dwar kif qed tiġi implimentata l-liġi tal-UE madwar l-Unjoni kollha. Se jipparteċipa fi proġetti li se jagħtu riżultati konkreti fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej u tal-persuni li jeżerċitaw il-professjoni legali. "

Il-liġi Ewropea għandha impatt kbir fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-istrutturi politiċi u legali nazzjonali Ewropej. Jeħtieġ li jkun hemm riċerka akkademika u taħriġ ġudizzjarju biex jitkompla l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-oqsma kollha tal-liġi Ewropea – kemm jekk ċivili kif ukoll jekk kriminali jew amministrattivi.

L-Istitut se jgħin fl-analiżi tad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-professjonisti legali, se jidentifika soluzzjonijiet li jkunu possibbli biex titjieb l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, u se jiżviluppa suġġerimenti għal riformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma kollha. Se jkun ukoll forum għall-iskambju ta' opinjonijiet u għad-diskussjoni għall-avukati, l-akkademiċi u l-professjonisti.

L-inizjattiva biex jinħoloq Istitut dwar id-Dritt Ewropew – li ġiet promossa mill-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni tagħha għall-ħolqien ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa ( IP/10/447 ) – hija ispirata mill-American Law Institute, li huwa korp mhux governattiv li kellu rwol kruċjali fl-iżvilupp ta' Kodiċi Kummerċjali Uniformi (Uniform Commercial Code), li jiffaċilita l-bejgħ u tranżazzjonijiet kummerċjali oħrajn fil-50 Stat tal-Istati Uniti. L-Istitut iddeċieda li jorganizza l-ewwel laqgħa ta' ħidma biex jiddiskuti l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, li tkun tista' tintagħżel, b’mod fakultattiv, min-negozji u mill-konsumaturi biex ibiegħu jew jixtru online fl-UE.

Sfond

Il-ħolqien tal-Istitut dwar id-Dritt Ewropew kien jagħmel parti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-2010 għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma. Il-Viċi President Reding tkellmet dwar l-importanza tal-ħolqien tiegħu f’April 2010, f’Firenze ( SPEECH/10/154 ). F’Ġunju 2011, f’Pariġi, sar l-ewwel kungress ta' inawgurazzjoni tal-Istitut ( IP/11/666 ) qabel ma l-Università ta’ Vjenna rebħet id-dritt li tilqa’ s-sede tal-Istitut għall-ewwel erba’ snin.

L-għanijiet tal-Istitut dwar id-Dritt Ewropew huma:

  • jevalwa u jistimula l-iżvilupp tal-liġi, tal-politika u l-prattika legali tal-UE;

  • jagħmel proposti biex il-korp tal-liġi tal-UE jiżvilupp iktar u biex isir titjib fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE mill-Istati Membri;

  • jidentifika u janalizza l-iżviluppi legali f'oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri u li huma relevanti fil-livell tal-UE;

  • jistudja l-metodi użati mill-UE fir-rigward tal-liġi internazzjonali u jtejjeb ir-rwol li l-liġi tal-UE jista' jkollha globalment, pereżempju fit-tfassil ta' strumenti internazzjonali jew ta' regoli tipiċi;

  • iwettaq u jiffaċilita riċerka pan-Ewropea, bħat-tfassil, l-evalwazzjoni u t-titjib ta' prinċipji u regoli li huma komuni għas-sistemi legali Ewropej;

  • jipprovdi forum li fih il-ġuristi – akkademiċi, imħallfin, avukati u professjonisti legali oħrajn – minn tradizzjonijiet legali differenti jkunu jistgħu jiddiskutu

Il-Kunsill tal-Istitut jista' jaħtar membri u osservaturi - fuq inizjattiva proprja jew wara li ssir applikazzjoni minn kandidati.

Għal aktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

L-Istitut dwar id-Dritt Ewropew:

http://www.europeanlawinstitute.eu

Persuni ta’ Kuntatt :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website