Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Drittijiet għal smigħ ġust: il-gvernijiet tal-UE jaqblu fuq id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali

Brussell, is-16 ta' Novembru 2011 – ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE llum qablu fuq abbozz ta' liġi li se tiżgura d-dritt ta' konvenut għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali ikun fejn ikun fl-UE.

"Il-ftehim tal-lum huwa traġitt importanti biex niżguraw li min hu suspettat igawdi minn drittijiet ta' smigħ ġust fi proċedimenti kriminali madwar l-UE," qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding. "L-UE qed tagħmel progress sostanzjali fil-ħolqien ta' żona unika għall-ġustizzja. Din il-miżura, imfassla biex tiżgura li min hu akkużat b'delitt ikun żgurat dawn id-drittijiet, se tagħti kontribut biex tiżdied il-fiduċja reċiproka fost l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Ewropa. Nistenna b'ħerqa l-adozzjoni rapida tagħha mill-Parlament u mill-Kunsill."

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet il-miżura f'Lulju 2010 (IP/10/989) bħala parti mill-isforzi tagħha biex tiżgura li n-nies ikollhom dritt għal smigħ ġust madwar l-UE kollha. Dan huwa t-tieni pass f'sensiela ta' miżuri sabiex jiġu stabbiliti standards komuni tal-UE f'każijiet kriminali. F'Ottubru 2010 l-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw l-ewwel proposta, li tat lil persuni suspettati d-dritt għal traduzzjoni u interpretazzjoni, (IP/10/1305). Id-Direttiva proposta dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali issa se tgħaddi għand il-Parlament Ewropew għall-adozzjoni fil-ġimgħat li ġejjin, qabel l-adozzjoni finali mill-ministri f'laqgħa tal-Kunsill.

Skont il-liġi l-ġdida, persuni ssuspettati li wettqu reat kriminali ser ikollhom jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom f'lingwa li jifhmu. Il-miżura ser tiżgura li l-pajjiżi tal-UE jagħtu li kull min jiġi arrestat – jew lil min jinħariġlu Mandat ta' Arrest EwropewIttra tad-Drittijiet, li telenka d-drittijiet bażiċi matul proċedimenti kriminali. Il-Kummissjoni għaddiet mudell ta' ittra lill-Istati Membri, li ser jiġi tradott fit-23 lingwa tal-UE. Flimkien mad-dritt għal traduzzjoni u interpretazzjoni (ara IP/10/1305 u MEMO/10/351), id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali huwa parti minn sensiela ta' miżuri ta' smigħ ġust bil-għan li tiżdied il-kunfidenza fiż-żona unika ta' ġustizzja fl-UE.

Sfond

Id-Direttiva se tiżgura li l-pulizija u l-prosekuturi jipprovdu lil persuni ssuspettati bl-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom. Wara li jsir arrest, l-awtoritajiet ser jagħtu din l-informazzjoni bil-miktub – f'Ittra tad-Drittijiet – li tkun miktuba b'lingwaġġ sempliċi u komuni. Din ser tingħata f'kull każ lil persuni ssuspettati hekk kif jiġu arrestati, kemm jekk jistaqsu għaliha u kemm jekk le, u jekk ikun hemm bżonn tiġi tradotta .

L-Ittra tad-Drittijiet ser tiġbor fiha dettalji prattiċi dwar id-drittijiet tal-persuni akkużati:

  • li jkollhom avukat;

  • li jiġu informati bl-akkuża u, fejn xieraq, jingħataw aċċess għall-fajl tal-proċess;

  • li jingħataw servizz ta' interpretazzjoni u traduzzjoni fil-każ li ma jkunux jifhmu il-lingwa tal-proċedimenti;

  • li jitressqu minnufih quddiem qorti wara li jiġu arrestati.

L-Ittra tad-Drittijiet ser tgħin biex jiġu evitati żbalji ġudizzjarji u jonqos l-għadd ta' appelli.

Fl-UE jsiru aktar minn tmien miljun proċediment kriminali kull sena. Bħalissa, il-probabbiltà li ċ-ċittadini jiġu informati kif suppost dwar id-drittijiet tagħhom jekk jiġu arrestati u jkunu qed jiffaċċaw akkużi kriminali, tvarja minn parti għall-oħra tal-UE. F'ċerti Stati Membri, il-persuni ssuspettati jirċievu biss informazzjoni verbali dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom, u f'oħrajn l-informazzjoni bil-miktub ma tingħatax sakemm ma tintalabx.

Skont l-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u bil-għan li tiffaċilita l-għarfien reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u titjieb il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura rigward materji kriminali li jkunu ta' natura transkonfinali, l-UE tista' tadotta miżuri li jsaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, b'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Id-dritt għal smigħ ġust u għal difiża huma stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; kif ukoll fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

F'Ġunju 2011, il-Kummissjoni ressqet it-tielet miżura biex tiggarantixxi l-aċċess għal avukat u l-kuntatt mal-familja (IP/11/689). Din il-proposta bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament u fil-Kunsill.

Għal aktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – id-drittijiet tas-suspettati u l-akkużati:

http://ec.europa.eu/justice/criminal/criminal-rights/index_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website