Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni trid klassifikazzjonijiet tal-kreditu ta’ kwalità aħjar

Brussell, 15 ta' Novembru 2011 - Aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu (CRAs) huma atturi ewlenin fis-swieq finanzjarji tal-lum, b'azzjonijiet ta' kklassifikar li jkollhom impatt dirett fuq l-azzjonijiet tal-investituri, il-mutwatarji, l-emittenti u l-gvernijiet. Pereżempju, tnaqqis fil-klassifikazzjoni korporattiva jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-kapital li bank irid iżomm u tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta' dejn sovran jgħolli l-prezz tas-self ta’ pajjiż. Minkejja l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fl-2009 u l-2010, żviluppi reċenti fil-kuntest tal-kriżi tad-dejn fiż-żona ewro urew li l-qafas regolatorju eżistenti tagħna mhuwiex tajjeb biżżejjed. Għalhekk, illum il-Kummissjoni ressqet proposti sabiex issaħħaħ aktar dak il-qafas u titratta punti dgħajfa importanti.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier qal: "Il-klassifikazzjonijiet għandhom impatt dirett fuq is-swieq u l-ekonomija usa’ u għalhekk fuq il-prosperità taċ-ċittadini Ewropej. Mhumiex biss sempliċi opinjonijiet. U fil-passat l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni għamlu żbalji serji. Kont ukoll sorpriż bl-iskeda taż-żmien ta’ ċerti klassifikazzjonijiet ta’ dejn sovran - pereżempju, klassifikazzjonijiet imħabbra f'nofs in-negozjati dwar programm ta' għajnuna internazzjonali għal pajjiż. Ma nistgħux nippermettu li l-klassifikazzjonijiet ikomplu jżidu l-volatilità fis-suq. L-ewwel għan tiegħi huwa li nnaqqas id-dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin intejjeb il-kwalità tal-proċess ta' klassifikazzjoni. Aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom isegwu regoli aktar stretti, ikunu aktar trasparenti dwar il-klassifikazzjonijet tagħhom u jinżammu responsabbli tal-iżbalji tagħhom. Irrid nara wkoll kompetizzjoni akbar f’dan is-settur.

Erba' għanijiet prinċipali tal-abbozz ta' Direttiva u l-abozz ta' Regolament proposti

1. Sabiex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet finanzjarji ma jistriħux b'għajnejhom magħluqa fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu biss għall-investimenti tagħhom.

Attwalment il-klassifikazzjonijiet għandhom rwol kważi istituzzjonali. Hemm bżonn li nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuqhom. Il-proposti tagħna f’Lulju 2011 dwar id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital IV inaqqsu l-għadd ta’ referenzi għal klassifikazzjonijiet esterni u jeħtieġu li istituzzjonijiet finanzjarji jwettqu d-diliġenzi dovuti tagħhom. Illum, qegħdin nagħmlu tibdiliet simili fir-rigward ta’ regoli relatati ma' maniġers tal-fondi, f’abbozz ta’ Direttiva komplementari. U dan ser jiġi kompletat permezz ta' tibdiliet li se jsiru s-sena dieħla fir-regoli dwar l-assigurazzjoni. Fil-proposta tal-lum hemm inkluż ukoll obbligu ġenerali fuq l-investituri biex iwettqu valutazzjonijiet tagħhom stess.

Barra minn hekk, is-CRAs u l-entitajiet ikklassifikati nfushom ikollhom jiddivulgaw informazzjoni addizzjonali u aħjar fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet sabiex investituri professjonisti jkunu infurmati aħjar u b'hekk ikunu jistgħu jagħmlu l-ġudizzji tagħhom stess. Pereżempju, is-CRAs ikollhom jikkomunikaw il-klassifikazzjonijiet tagħhom lill-AETS (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li taċċerta li l-klassifikazzjonijiet kollha disponibbli fis-suq għal strument ta' dejn jiġu ppubblikati taħt Indiċi Ewropew tal-Klassifikazzjoni (EURIX), liberament disponibbli għall-investituri.

Fl-istess ħin, aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu se jkollhom jikkonsultaw emittenti u investituri dwar kwalunkwe tibdiliet intiżi fil-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tagħhom. Tali tibdiliet iridu jiġu kkomunikati lill-AETS li tivverifika li r-regoli applikabbli dwar il-forma u l-proċess xieraq ġew irrispettati.

2. Klassifikazzjonijiet tad-dejn sovran aktar trasparenti u frekwenti.

L-Istati Membri jiġu kklassifikati iżjed ta' spiss (kull sitt xhur minflok kull 12-il xahar) u l-investituri u l-Istati Membri jkunu infurmati dwar il-fatti u s-suppożizzjonijiet sottostanti kull klassifikazzjoni. Sabiex tkun evitata diżordni fis-suq, klassifikazzjonijiet tad-dejn sovran għandhom jiġu ppubblikati biss wara l-għeluq tan-negozju u minn tal-anqas siegħa qabel il-ftuħ taċ-ċentri tan-negozjar fl-UE. Is-sospensjoni possibbli tal-klassifikazzjonijiet ta’ dejn sovran hija kwistjoni kumplessa li aħna nemmnu li jistħoqqilha aktar kunsiderazzjoni.

3. Aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu b'diversità akbar u indipendenza stretta sabiex jiġu eliminati l-kunflitti ta’ interess.

L-emittenti kull tliet snin ikollhom jibdlu l-aġenziji li jikklassifikawhom. Barra minn hekk, żewġ klassifikazzjonijiet minn żewġ aġenziji ta' klassifikazzjoni differenti jkunu meħtieġa għal strumenti finanzjarji strutturati u kumplessi u azzjonist kbir ta’ aġenżija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu m’għandux ikun fl-istess ħin azzjonist kbir f'aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu oħra

4. Sabiex is-CRAs ikunu aktar responsabbli għall-klassifikazzjonijiet li jipprovdu.

CRA għandha tkun responsabbli f'każ li tikser, intenzjonalment jew bi traskuraġni kbira, ir-Regolament dwar is-CRA, u b'hekk tikkawża dannu lil investitur li jkun straħ fuq il-klassifikazzjoni li segwiet tali ksur. Tali investituri għandhom iressqu l-pretensjonijiet ta' responsabbiltà ċivili tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali. Il-piż tal-prova jaqa' fuq l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu.

Sfond

Ir-Regolament tal-UE dwar Aġenziji li jiggradaw il-Kreditu [Aġenżiji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu] (CRA)1, (fis-seħħ minn Diċembru 2010), kien parti mit-tweġiba tal-Ewropa għall-impenji magħmula mill-G20 fis-summit ta' Novembru 2008 ġewwa Washington. Dan ir-Regolament kien emendat f'Mejju 2011, biex jadatta r-Regolament għall-ħolqien tal-AETS2.

Ir-Regolament dwar is-CRA jiffoka fuq ir-reġistrazzjoni, il-kondotta tan-negozju u s-superviżjoni tas-CRAs:

(1) reġistrazzjoni: sabiex CRA tkun reġistrata, din għandha tissodisfa għadd ta' obbligi dwar il-kondotta tan-negozju tagħha (ara (2)) intiż biex jiżgura l-indipendenza u l-integrità tal-proċess ta' klassifikazzjoni u biex itejjeb il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet maħruġa. L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) ġiet fdata minn Lulju 2011 bir-responsabbiltà għar-reġistrazzjoni tas-CRAs fl-UE; 28 CRAs (li uħud minnhom jagħmlu parti mill-istess grupp) issa huma rreġistrati mal-AETS

(2) kondotta tan-negozju: ir-Regolament eżistenti jitlob li s-CRAs jevitaw il-kunflitti ta' interess (pereżempju, analista tal-klassifikazzjonijiet impjegat ma' CRA m'għandux jikklassifika entità li fiha hu/hi għandu/ha interess ta' sjieda), jiżguraw il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet (pereżempju, permezz ta' talba ta’ monitoraġġ kontinwu tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu) u metodoloġiji tal-klassifikazzjoni (li jridu jkunu, fost oħrajn, rigorużi u sistematiċi) u livell għoli ta' trasparenza (pereżempju, kull sena CRAs għandhom jippubblikaw Rapport ta' Trasparenza);

(3) superviżjoni: minn Lulju 2011, l-AETS teżerċita setgħat esklussivi ta' superviżjoni fuq l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati fl-UE u għandha setgħat investigattivi komprensivi li jinkludu l-possibbiltà li titlob kwalunkwe dokument jew dejta, li ssejjaħ u tisma' persuni, li tikkonduċi spezzjonijiet fuq il-post u li timponi sanzjonijiet amministrattivi, multi u pagamenti perjodiċi ta' penalitajiet. Dan jiċċentralizza u jissimplifika s-superviżjoni tas-CRAs fuq livell Ewropew. Superviżjoni ċċentralizzata tiżgura punt uniku ta' kuntatt għas-CRAs irreġistrati, żieda sinifikanti fl-effiċjenza minħabba proċess ta' reġistrazzjoni u superviżjoni iqsar u inqas ikkumplikat u applikazzjoni aktar konsistenti tar-regoli għas-CRAs. Attwalment, is-CRAs huma l-uniċi istituzzjonijiet finanzjarji direttament superviżati minn awtorità Ewropea ta' superviżjoni.

Ir-regoli tal-UE jkunu japplikaw għall-klassifikazzjonijiet ta' entitajiet pubbliċi fl-UE iżda anki barra l-UE jekk il-klassifikazzjonijiet ta' dejn sovran jinħarġu minn CRA rreġistrata fl-UE.

Il-proposti tal-lum issa jgħaddu għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill (l-Istati Membri) għal negozjar u adozzjoni.

Ara wkoll il-MEMO/11/788

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/agencies/index_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

1 :

Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu] , ĠU L 302, 17.11.2009. Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 spiss imsemmi bħala r-Regolament dwar is-CRA I.

2 :

Ir-Regolament (UE) Nru 513/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Ir-Regolament (UE) Nru 513/2011 spiss imsemmi bħala r-Regolament dwar is-CRA II.:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:145:0030:0056:MT:PDF


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site