Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-saħħa tal-pjanti: l-UE toffri aktar assistenza biex tgħin fil-ġlieda kontra l-oraganiżmi perikolużi

European Commission - IP/11/1353   16/11/2011

Other available languages: EN FR DE ES NL IT PT EL

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-saħħa tal-pjanti: l-UE toffri aktar assistenza biex tgħin fil-ġlieda kontra l-oraganiżmi perikolużi

Brussell, is-16 ta' Novembru 2011 - L-Unjoni Ewropea llum allokat EUR 19-il miljun biex tiffinanzja b'mod konġunt programmi f'seba' Stati Membri bl-għan li jiġġieldu kontra l-organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti u biex jevitaw li dawn jixterrdu aktar fl-Unjoni u għalhekk jevitaw li jkollhom konsegwenzi serji fis-suq intern. Waqt laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti (Standing Committee on Plant Health - SCPH), l-Istati Membri approvaw żewġ proposti tal-Kummissjoni li jipprevedu l-finanzjament konġunt (EUR 15 miljun u EUR 4 miljun rispettivament) ta' azzjonijiet li diġà twettqu fil-passat jew li huma ppjanati li jitwettqu s-sena d-dieħla.

"L-importanza tas-saħħa tal-pjanti fil-ħajja tagħna ta' kuljum ta' spiss tiġi sottovalutata. Bil-ħsieb tal-konsegwenzi katastrofiċi possibbli għaċ-ċittadini tagħna - bħal fl-Irlanda fis-Seklu 19, meta l-patata, u mbagħad l-ikel bażiku tal-popolazzjoni, inqered kważi totalment minħabba l-invażjoni tal-fungu late blight mill-Amerika Ċentrali - huwa importanti ħafna li dawn il-problemi jiġu indirizzati fl-istadju l-aktar bikri," innota l-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, John Dalli. Huwa żied jgħid: "Filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet baġitarji attwali, l-għajnuna se tkun konċentrata fejn l-aktar hemm bżonnha."

Distribuzzjoni tal-fondi

Is-somma approvata tirrappreżenta l-akbar kontribut baġitarju annwali mill-Unjoni għal tali skopijiet mid-dħul fis-seħħ tar-reġim tal-finanzjament konġunt għas-saħħa tal-pjanti (1997). Il-fondi se jiġu distribwiti lil Ċipru, l-Ġermanja, l-Italja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u Spanja, għax dawn huma l-Istati Membri li talbu tali appoġġ mill-Unjoni.

Nematodu tal-injam tal-arżnu

Il-maġġoranza tal-fondi (EUR 6 miljun) se jintużaw għall-kontroll tat-tfaqqigħ tal-2011 fil-Portugall tan-nematodu tal-injam tal-arżnu (Bursaphelenchus xylophilus), li huwa dudu mikroskopiku li jattakka s-siġar koniferi. L-ispeċi koniferi Ewropej huma suxxettibbli ħafna u d-dudu jista' jeqred il-foresti Ewropej tal-arżnu . Il-finanzjament tal-azzjonijiet se jgħin lill-Portugall biex jikkontrolla n-nematudu tal-injam tal-arżnu fiż-żona demarkata eżistenti. Dan imbagħad jgħin biex jissalvagwardja t-territorju tal-Istati Membri l-oħrajn u jħares l-interessi tal-kummerċ tal-Unjoni fir-rigward tal-pajjiżi terzi.

Mal-EUR 4 miljun oħra se jgħinu aktar lill-Portugall biex jiffaċċja n-nefqa enormi mġarrba fl-2006-2007 għall-ħolqien ta' "faxxa ta' konteniment fitosanitarju", jiġifieri żona mingħajr siġar li kienu infettati min-nematodu tal-injam tal-arżnu. Iż-żona ġiet stabbilita biex jiġi evitat li d-dudu jixtered aktar.

Il-finanzjament se jgħin ukoll lil Spanja fl-azzjonijiet li ttieħdu kontra żewġ tifqigħat iżolati tan-nematodu tal-injam tal-arżnu, f'Extramadura u Galicia rispettivament u li nqerdu b'suċċess.

Insetti jew annimali oħra li jagħmlu l-ħsara

Mal-EUR 1.1 miljun oħra se jingħataw lil Spanja biex tikkontrolla l-bebbuxu island apple (Pomacea insularum), wieħed mill-akbar bebbux tal-ilma ħelu, li jattakka l-artijiet fejn jikber ir-ross u li jista' jkollu effetti devastanti fuq l-artijiet mistagħdra. Id-daqs tal-erja tar-ross li hija possibbilment fil-periklu fl-UE huwa 420,000 ettaru. S'issa hemm tifqigħa waħda biss magħrufa fl-UE, fid-Delta tal-Ebro (Katalunja).

Se jiġu allokati flus ukoll għall-kontroll ta' żewġ tipi ta' ħanfus fil-Ġermanja, l-Italja u/jew il-Pajjiżi l-Baxxi - il-ħanfus longhorn Asjatiku (Anoplophora glabripennis) u l-ħanfus longhorn Ċiniż (Anoplophora chinensis). Iż-żewġ insetti jattakkaw firxa wiesgħa ta' speċi ta' pjanti tal-injam u jinsabu l-aktar fl-Asja. Barra minn hekk, se jingħataw fondi għall-kontroll tal-bumunqar aħmar tal-palm (Rynchophorus ferrugineus) f'Ċipru u Malta, li jattakka s-siġar tal-palm.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit ta' hawn taħt:

http://ec.europa.eu/food/plant/organisms/index_en.htm

MEMO/11/787

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website