Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-finanzjament tal-Affarijiet interni fil-futur: Aktar flus, aktar flessibilità, regoli aktar sempliċi

Brussell, il-15 ta' Novembru 2011 – L-avvenimenti reċenti, sew jekk hi r-Rebbiegħa Għarbija kif ukoll jekk huma l-attakki terroristiċi fin-Norveġja, juru kemm huwa importanti li l-UE tkun tista' tirreaġixxi malajr u b'mod effettiv għal sitwazzjonijiet ta' kriżi li jevolvu b’mod mgħaġġel. Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea se żżid il-finanzjament disponibbli għall-Affarijiet Interni u se ttejjeb u tissimplifika l-mod kif jitwassal il-finanzjament tal-UE.

Għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss (għall-perjodu 2014-2020), il-Kummissjoni qed tipproponi baġit globali tal-qasam tal-Affarijiet Interni ta’ EUR 10.7 biljun. Dan jirrappreżenta żieda ta’ kważi 40% meta mqabbel mal-baġit totali għall-perjodu 2007-2013.

Filwaqt li l-ammont ta’ fondi disponibbli għall-ġestjoni ta’ flussi ta’ migrazzjoni u l-indirizzar ta’ theddidiet ta’ sigurtà se jiżdiedu, in-numru ta’ fondi se jitnaqqas minn sitta għal tnejn: Fond tal-Asil u l-Migrazzjoni ġdid b'baġit globali ta' EUR 3,869 miljun u fond ta’ Sigurtà Interna ġdid li jiswa EUR 4,648 miljun. Is-simplifikar fir-regoli, it-tħaffif tal-proċeduri u t-tnaqqis tal-burokrazija se jiżguraw li, fil-konkret, ir-riżultati jinkisbu aktar malajr.

B’dawn il-proposti, qed insaħħu l-kapaċità tal-UE biex nipprovu appoġġ meta u fejn ikun hemm l-aktar bżonn. Finanzjament adegwat b’regoli aktar sempliċi u flessibbli huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi transnazzjonali dejjem jikbru li qed taffaċċja l-UE. Għandna bżonn rispons aktar mgħaġġel u effettiv tal-UE għal avvenimenti bħal dawk li rajna fl-Afrika ta’ Fuq f’dawn l-aħħar xhur,” qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni.

Sfond

Iż-żewġ Fondi, proposti fil-komunikazzjoni tal-lum mingħand il-Kummissjoni, se jipprovdu opportunitajiet ta’ finanzjament għall-politiki dwar l-asil u l-migrazzjoni, is-sistemi effettivi tal-ġestjoni tal-fruntieri, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata , il-korruzzjoni u t-terroriżmu u ħafna oqsma oħra:

Il-Fond tal-Asil u l-Migrazzjoni se jiffoka fuq il-flussi tan-nies u l-ġestjoni integrata tal-migrazzjoni. Se jappoġġja azzjonijiet li jindirizzaw l-aspetti kollha tal-migrazzjoni, inkluż l-asil, il-migrazzjoni legali, l-integrazzjoni u r-ritorn ta' ċittadini li mhumiex mill-UE iżda li jgħixu hemm b'mod irregolari. Il-baġit globali tiegħu huwa stabbilit għal EUR 3,869 miljun.

Il-Fond ta’ Sigurtà Interna se jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Interna tas-Sigurtà (IP/10/1535 u MEMO/10/598) u l-aproċċ tal-UE għal kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, inkluż il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. Se jkollu baġit globali ta’ EUR 4,648 miljun, li se jkopru wkoll l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda tal-IT, bħas-sistema futura ta' Dħul/Ħruġ u l-Programm ta’ Vjaġġaturi Reġistrati.

Din l-istruttura l-ġdida ta’ finanzjament se tippermetti għal għarfien aħjar tar-regoli mill-imsieħba kollha, b’hekk jinħolqu ekonomiji ta’ skala. Barra minn hekk, mekkaniżmu ta’ reazzjoni għal emerġenza flessibbli fiż-żewġ Fondi se jippermetti lill-UE biex tirreaġixxi malajr għal sitwazzjonijiet ta' kriżi li jevolvu b’rata mgħaġġla, bħal flussi migratorji mħallta jew attakki terroristiċi jew attakki ċibernetiċi. Iż-żewġ fondi se jieħdu post il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati, il-Fond għall-Fruntieri Esterni, il-Fond Ewropew għar-Ritorn u ż-żewġ programmi speċifiċi "Il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità" (ISEC) u “Il-Prevenzjoni, it-Tħejjija u l-Ġestjoni tal-konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħrajn relatati mas-Sigurtà” (CIPS).

It-Trattat ta’ Lisbona, il-Programm ta' Stokkolma u l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu iddefinixxew il-kamp tal-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-Affarijiet Interni sal-2014. Il-finanzjament tal-UE għall-politika tal-Affarijiet Interni wara l-2013 għandu jħares lil hinn minn dan il-pjan direzzjonali u jiffoka fuq il-kisba tar-riżultati u komplementarjetà aħjar mal-baġits nazzjonali. Fil-bidu tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss (2014-2020), il-Kummissjoni se tiddiskuti ma' kull Stat parteċipanti kif il-finanzjament ta’ affarijiet interni jista’ jintuża l-aħjar biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-UE f’dan il-qasam. Dan id-djalogu se jiżgura mira fuq prijoritajiet u riżultati ta’ politika.

Dawn il-proposti leġislattivi issa se jiġu diskussi u nnegozjati mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-Fondi għandhom isiru operattivi fl-2014.

Għal aktar informazzjoni

Ara MEMO/11/785

Paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-2014 sal-2020:

http://europa.eu/press_room/press_packs/multiannual_financial_framework_2014_2020/index_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site