Navigation path

Left navigation

Additional tools

Rapport dwar id-drogi: Il-Kummissarju Malmström sejħet għal viġilanza fuq id-drogi sintetiċi u titlob iktar sforzi kontra t-traffikar

European Commission - IP/11/1347   15/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Rapport dwar id-drogi: Il-Kummissarju Malmström sejħet għal viġilanza fuq id-drogi sintetiċi u titlob iktar sforzi kontra t-traffikar

Brussell, il-15 ta' Novembru 2011 – ir-rapport annwali 2011 li ħareġ illum miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) juri li l-użu tad-droga huwa relattivament stabbli fl-Ewropa, b'sinjali pożittivi li juru li l-użu tal-kokaina laħaq il-massimu tiegħu u li l-użu tal-kannabis kompla jonqos fost iż-żagħżagħ. Iżda s-sinjali ta' stabbilita fl-użu tad-drogi iktar stabbiliti huma kontrobbilanċjati hekk kif qed jitfaċċaw theddidiet ġodda. Dawn jinkludu ż-żieda fl-użu ta' drogi sintetiċi, l-apparenza rapida ta’ sustanzi ġodda u l-użu ta' 'poli-drogi' (l-użu ta’ aktar minn tip wieħed ta' droga f'daqqa). Sottolinijat ukoll fir-rapport hemm it-tħassib dwar il-potenzjal ta' mxija tal-HIV fost il-persuni li jinjettaw id-drogi.

Waqt li kkummentat dwar is-sejbiet, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström, qalet: "Nilqa' l-aħħar rapport mill-EMCDDA. Filwaqt li hemm xi xejriet pożittivi rigward l-użu tal-kokaina u tal-kannabis, għandna nibqgħu viġilanti, speċjalment dwar l-użu ta' sustanzi ġodda, sintetiċi. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandhom ukoll ikomplu jindirizzaw il-gruppi ta' kriminalità organizzata responsabbli għat-traffikar tad-drogi. Il-Kummissjoni tibqa' impenjata bis-sħiħ lejn l-appoġġ ta' din l-aġenda. Dan huwa wkoll għaliex dalwaqt ser nipproponi regoli dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi involuti fkriminalità serja, inkluż it-traffikar tad-droga ".

Sfond

Madwar 14,5 miljun Ewropew (bejn il-15 u l-64 sena) ippruvaw il-kokaina f’ħajjithom, xi 4 miljuni użawha fl-aħħar sena. Stħarriġ riċenti dwar l-użu tal-kokaina juri xi sinjali pożittivi fil-pajjiżi l-aktar milquta. Id-Danimarka, Spanja, l-Italja u r-Renju Unit, pereżempju, (erbgħa mill-ħames pajjiżi bl-ogħla livelli ta’użu) irrapportaw xi tnaqqis fl-użu tal-kokaina fl-aħħar sena fost adulti żgħar (bejn il-15 u l-34 sena).

Madwar 78 miljun Ewropew – wieħed minn kull ħames adulti bejn il-15 u l-64 sena — ippruvaw il-kannabis f'ħajjithom, b'madwar 22,5 miljun minnhom li użawha fl-aħħar sena. Dan ifisser li l-kannabis għadha l-aktar droga illeċita kkunsmata fl-Ewropa. Madankollu, l-aħħar dejta Ewropea tikkonferma xejra ġenerali stabbli jew ta' tnaqqis fl-użu tal-kannabis fost l-adulti żgħażagħ.

Ir-rapport jiżvela logħba tal-ġurdien u l-qattus fil-qasam tal-prekursuri, il-kimiċi użati għall-manifattura ta' drogi illeċiti. Juri kif produtturi ta' drogi sintetiċi qed jużaw tekniki sofistikati biex iduru mar-regolamenti maħsuba biex ma jitħalliex isir użu abbużiv ta' dawn il-prekursuri. Dawn jinkludu: is-sintetizzar ta' prekursuri minn 'pre-prekursuri' jew jgħadduhom bħala kimiċi mhux ikkontrollati, biex ikunu kkonvertiti mill-ġdid wara l-importazzjoni. Dan il-fenomenu qed jinkixef dan l-aħħar minn flutwazzjonijiet riċenti tas-suq tal-ekstasi.

Il-ħolqien rapidu ta’ sustanzi ġodda psikoattivi mhux ikkontrollati (sikwit mibjugħa bħala '"highs" legali') jirrappreżenta sfida li dejjem qiegħda tikber. Wara r-rekord ta' 41 droga ġdida nnotifikati lill-EMCDDA u l-Europol fl-2010 (meta mqabbel ma' 24 fl-2009), dejta preliminari għall-2011 ppreżentata llum turi li ma hemm l-ebda sinjal ta’ tnaqqis. S'issa fl-2011, 39 sustanza ġew irrappurtati permezz tas-sistema ta' twissija bikrija Ewropea (EWS). L-aktar stampa riċenti mill-EMCDDA tal-bejjiegħa onlajn ta' "highs" legali (Lulju 2011) identifikat rekord ta' 600 ħanut onlajn li jidher li jbigħ prodotti psikoattivi u żvela varjetà wiesgħa ta’prodotti ġodda offruti.

Fl-aħħar nett, l-użu tal-eroina għadu jirrappreżenta l-akbar sehem ta' mard relatat mad-droga u mwiet fl-UE. L-EMCDDA tistma li hemm iktar minn 1,3 miljun persuna li tagħmel użu regolari tal-opjodi fl-UE u n-Norveġja. Madwar nofs il-persuni li jagħmlu użu mid-droga li jidħlu għal trattament speċjalizzat fl-Ewropa jirapportaw li l-opjodi huma il-kawża prinċipali tal-użu tagħhom mid-droga. Ir-rapport tal-lum jissottolinja wkoll tħassib ġdid dwar l-użu ta' opjodi oħra għajr l-eroina u l-potenzjal ta' mxija tal-HIV fost il-persuni li jinjettaw id-drogi.

Sabiex tindirizza t-traffikar tad-droga b'mod aktar effikaċji, il-Kummissjoni fi ħsiebha wkoll tipproponi regoli ġodda dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi. Il-ktajjen tad-distribuzzjoni responsabbli għat-traffikar tad-drogi huma spiss il-kriminali organizzati. Huma joperaw għall-profitt u jirriżulta li ma għandniex nikkastigaw lill-kriminali bi priġunerija, imma wkoll inċaħħduhom minn qligħ finanzjarju, karozzi u proprjetà sabiex maż-żmien il-kriminalità organizzata ssir inqas profittabbli.

Għal aktar informazzjoni

Ir-rapport u l-pakkett għall-istampa sħiħ tal-EMCDDA fi 22 lingwa:

www.emcdda.europa.eu/events/2011/annual-report

Paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Persuni ta’ kuntatt :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website