Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Sigurtà tal-Avjazzjoni: Il-Kummissjoni tadotta regoli ġodda dwar l-użu ta’ skeners tas-sigurtà fl-ajruporti Ewropej

Brussell, l-14 ta’ Novembru 2011 – Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal qafas legali tal-Unjoni Ewropea dwar is-skeners tas-sigurtà. Din il-leġiżlazzjoni tippermetti lill-ajruporti u l-Istati Membri li jixtiequ jużaw skeners tas-sigurtà għall-iskrinjar tal-passiġġieri biex jagħmlu dan taħt kundizzjonijiet tekniċi u operattivi stretti.

L-Istati Membri ilhom jużaw bi prova u jittestjaw is-skeners tas-sigurtà1 minn meta, fil-25 ta' Diċembru 2009, terrorist ipprova jisplodi ajruplan li kien qed itir minn Amsterdam għal Detroit bi splussivi tal-plastik li kien ħeba fl-ilbies ta’ taħt tiegħu. Sa issa l-użu ta’ skeners tas-sigurtà sar taħt taħlita ta’ proċeduri u standards operattivi nazzjonali differenti u b’mod limitat. Bħala qafas komuni għall-UE kollha, il-leġiżlazzjoni ġdida legalment tippermetti lill-Istati Membri u l-ajruporti biex jissostitwixxu s-sistemi tas-sigurtà attwali bis-skeners tas-sigurtà. Tiżgura wkoll l-applikazzjoni uniformi ta' regoli ta' sigurtà fl-ajruporti kollha u tipprovdi salvagwardji obbligatorji u stretti biex jiżguraw il-konformità mad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tas-saħħa.

L-Istati Membri u l-ajruporti m'għandhomx l-obbligu li jużaw skeners tas-sigurtà, iżda jekk jiddeċiedu li jużawhom, huma se jkollhom josservaw il-kundizzjonijiet operattivi u l-istandards ta’ prestazzjoni stabbiliti fil-livell Ewropew.

Il-Viċi President Siim Kallas, il-Kummissarju responsabbli mit-trasport, qal: "Is-skeners tas-sigurtà mhumiex rimedju għall-problemi kollha, imma żgur li joffru possibbiltà reali biex tiġi msaħħa s-sigurtà tal-passiġġieri. Is-skeners tas-sigurtà huma alternattiva importanti ħafna għall-metodi ta’ skrinjar eżistenti u huma effiċjenti ħafna fid-detezzjoni kemm ta’ oġġetti metalliċi kif ukoll mhux metalliċi. Xorta għadu l-Istat Membru jew l-ajruport li jiddeċiedi jekk jużax jew le s-skeners tas-sigurtà, iżda dawn ir-regoli ġodda jiżguraw li fejn tintuża din it-teknoloġija ġdida se tkun koperta minn standards dwar il-kapaċità ta’ detezzjoni komuni għall-UE kollha kif ukoll salvagwardji stretti sabiex jipproteġu s-saħħa u d-drittijiet fundamentali. L-esperjenza sal-lum turi li l-passiġġieri u l-persunal b’mod ġenerali jaraw is-skeners tas-sigurtà bħala metodu konvenjenti ta’ skrinjar."

Is-skeners tas-sigurtà huma metodu effettiv ta' skrinjar tal-passiġġieri peress li huma kapaċi jindividwaw oġġetti metalliċi u mhux metalliċi li jkunu qed jinġarru fuq persuna. It-teknoloġija tal-iskener qed tiżviluppa b'rata mgħaġġla u għandha l-potenzjal li tnaqqas b’mod sinifikanit l-ħtieġa għal tiftix manwali (‘pat-downs’) li jsir fuq il-passiġġieri, l-ekwipaġġi u l-persunal tal-ajruport.

Taħt il-leġiżlazzjoni ġdida tal-UE l-użu ta’ skeners tas-sigurtà huwa permess biss skont kundizzjonijiet minimi bħal per eżempju li: l-iskeners tas-sigurtà ma għandhomx jaħżnu, jżommu, jikkupjaw, jistampaw jew jirkupraw immaġnijiet; kull aċċess u użu mhux awtorizzat tal-immaġni huwa pprojbit u għandu jkun evitat; il-bniedem inkarigat mill-analiżi tal-immaġini għandu jkun f'post separat u l-immaġni ma għandhiex tkun marbuta mal-persuna skrinjata u oħrajn. Il-passiġġieri jridu jkunu mgħarrfa dwar il-kundizzjonijiet li skonthom jitwettaq il-kontroll bis-skener tas-sigurtà. Barra minn hekk, il-passiġġieri jingħataw id-dritt li jagħżlu li ma jiġux skrinjati bi skener tas-sigurtà u li jiġu suġġetti għal metodu alternattiv ta’ skrinjar.

Bl-istipular tal-kundizzjonijiet operattivi speċifiċi u bil-provvediment lill-passiġġieri tal-possibbiltà li ma jiġux skrinjati b’dan il-mod, il-leġiżlazzjoni tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Sabiex ma jkunx hemm riskju ta’ periklu għas-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini, huma biss is-skeners tas-sigurtà li ma jużawx teknoloġija bir-raġġi X li jitpoġġew mal-lista ta' metodi awtorizzati għall-iskrinjar tal-passiġġieri fl-ajruporti tal-UE. It-teknoloġiji l-oħra kollha, bħal dik użata għat-telefowns mobbli u oħrajn, jistgħu jintużaw sakemm dawn iħarsu l-istandards tas-sigurtà tal-UE.

:Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

1 :

Pereżempju fir-Renju Unit, il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja, Franza u l-Italja


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website