Navigation path

Left navigation

Additional tools

Konsumaturi: Azzjoni tal-UE biex jonqsu n-nirien li jitqabbdu minħabba s-sigarretti u b'hekk jissalvaw ħajjiet mijiet ta' nies kull sena

European Commission - IP/11/1342   14/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Konsumaturi: Azzjoni tal-UE biex jonqsu n-nirien li jitqabbdu minħabba s-sigarretti u b'hekk jissalvaw ħajjiet mijiet ta' nies kull sena

Brussell, l-14 ta' Novembru 2011 – Is-sigarretti li jitħallew mixgħula huma wieħed mill-kaġuni ewlenin ta' nirien li jikkawżaw l-imwiet fl-Ewropa. Hemm provi li l-għadd ta' fatalitajiet jistgħu jitnaqqsu b'iżjed minn 40% bl-introduzzjoni ta' sigarretti li jkollhom "Propensità Mnaqqsa li Jitqabbdu" ("Reduced Ignition Propensity" – RIP). Dan jirreferi għal sigarretti li jintfew meta jintelqu waħedhom u għalhekk hemm inqas ċans li jikkaġunaw nar. Din il-miżura ta' salvagwardja diġà qiegħda fis-seħħ f'għadd ta' pajjiżi madwar id-dinja (l-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja), u fl-UE, fil-Finlandja minn April 2010.

Mis-17 ta' Novembru 2011, ladarba jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE l-istandards ta' salvagwardja l-ġoddai, is-sigarretti kollha li jinbiegħu fl-Ewropa jkollhom jikkonformaw ma' dawn il-miżuri. Se jkun ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali li jinfurzaw din il-miżura ġdida ta' salvagwardja kontra n-nirien.

Il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa u l-Konsumatur, John Dalli qal: "Is-sigarretti qatt ma jistgħu jkunu mingħajr periklu,u, ovvjament, l-aħjar ħaġa li wieħed jista' jagħmel hija li ma jpejjipx! Iżda jekk ikun hemm min jagħżel li jpejjep, allura l-istandards il-ġodda li se jidħlu fis-seħħ bis-sħiħ, ikunu jeħtieġu li l-kumpaniji tat-tabakk jipproduċu biss sigarretti li jkollhom propensità mnaqqsa li jitqabbdu, u potenzjalment jistgħu jħarsu l-mijiet ta' ċittadini minn dan il-periklu ta' nar."

Il-ħarsien taċ-ċittadini mill-periklu tan-nar

Id-dejta mingħand l-Istati Membri ta' bejn l-2003 u l-2008 turi li, fl-UE, nirien marbutin mas-sigarretti jikkaġunaw aktar minn 30,000 nar fis-sena, fejn imutu iktar minn 1,000 ruħ u jweġġgħu 'l fuq minn 4,000. L-esperjenza tal-Finlandja, fejn l-għadd tal-vittmi ta' nirien li jitqabbdu permezz tas-sigarretti naqas bi 43%, tagħti ħjiel li jistgħu jissalvaw kważi 500 ruħ fis-sena fl-UE.

Irid jiġi enfasizzat li t-tabakk huwa l-ikbar kaġun ta' riskju għas-saħħa fl-Ewropa li jista' jiġi evitat, u huwa stmat li jikkaġuna l-mewt ta' iktar minn nofs miljun nies fl-UE kull sena. Il-Kummissjoni tibqa' impenjata li taħdem biex tikseb "Ewropa ħielsa mit-tipjip" u tieħu ħsieb din il-kwistjoni permezz tal-kampanja kurrenti tagħha EU "Ex-smokers are unstoppable" (ara IP/11/710 u MEMO/11/405).

Standards ta' sikurezza ġodda: kif se jaħdmu dawn?

Il-bidla li se tkun meħtieġa bl-istandards il-ġodda hija marbuta mat-tnaqqis tal-propensità ta' tqabbid tan-nar, li jfisser il-kapaċità ta' sigarrett li jitħalla waħdu li jqabbad nar. Il-manifatturi tal-karti tas-sigarretti bidlu l-produzzjoni tal-karti billi daħħlu żewġ ringieli ta' karta eħxen f'żewġ punti fit-tul tas-sigarretti. Jekk sigarrett jitħalla waħdu, it-tabakk li qed jaqbad għandu jintefa meta jaħbat ma' waħda minn dawn ir-ringieli għaliex din tirrestrinġi l-ossiġenu/l-arja. Sigarrett RIP jnaqqas il-ħin li t-tabakk jibqa' jinħaraq, u b'hekk inaqqas iċ-ċans li dan iqabbad l-għamara, il-lożor jew materjali oħrajn.

Sfond

L-istandards il-ġodda ġew stabbiliti fid-Direttiva Dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodottiii, li tobbliga lill-manifatturi li jqiegħdu biss prodotti sikuri fis-suq.

Fl-2008 l-Kummissjoni Ewropea ddefinixxiet ir-rekwiżiti tas-sigurtàiii, wara li sar taħdit mal-Istati Membri, mal-industriji u tat-tabakk u tal-karti u mal-NGOs, imbagħad talbet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (KEI) biex jiżviluppa l-istandards rilevanti li għandhom jużaw l-awtioritajiet nazzjonali biex ikejlu l-konformità mar-regoli dwar is-sikurezza kontra n-nirien.

Għal aktar informazzjoni

http://ec.europa.eu/consumers/safety/prod_legis/index_en.htm

http://ec.europa.eu/consumers/safety/news/index_en.htm

http://ec.europa.eu/health/tobacco/policy/index_en.htm

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

i :

EN 16156:2010 ‘Cigarettes — Assessment of the ignition propensity — Safety requirement’; u EN ISO 12863:2010 ‘Standard test method for assessing the ignition propensity of cigarettes’

ii :

ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

iii :

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/264/KE. ĠU L 83, 26.3.2008, p. 35.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website