Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ikel: leġiżlazzjoni ġdida li tagħmel l-użu tal-addittivi fl-UE aktar sikur u trasparenti

European Commission - IP/11/1341   14/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-ikel: leġiżlazzjoni ġdida li tagħmel l-użu tal-addittivi fl-UE aktar sikur u trasparenti

Brussell, l-14 ta' Novembru 2011 – L-użu tal-addittivi1 fl-ikel dalwaqt isir aktar sikur u trasparenti milli hu issa bis-saħħa ta' żewġ regolamenti adottati mill-Kummissjoni Ewropea.

"Illum huwa jum importanti li jimmarka l-isforzi tagħna biex insaħħu s-sikurezza tal-ikel fl-Unjoni Ewropea," qal il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, John Dalli. Hu żied ukoll: "L-adozzjoni ta' żewġ regolamenti dwar l-addittivi se tagħti aktar setgħa liċ-ċittadini u lill-industrija billi se jiffaċilitaw għal kulħadd ir-rikonoxximent ta' liema addittivi huma permessi fl-oġġetti tal-ikel. "Fi ftit kliem, dan ifisser li ċ-ċittadini se jkunu infurmati aħjar, u fl-istess ħin, Industrija tal-ikel fl-UE li tkun attrezzata sew biex toħroġ bi prodotti innovattivi u sikuri," ikkonkluda l-Kummissarju Dalli.

Iż-żewġ regolamenti jistabbilixxu żewġ listi ġodda.

L-ewwel lista tikkonċerna l-addittivi fl-oġġetti tal-ikel u se tidħol fis-seħħ f'Ġunju tal-2013 (dan il-perjodu ta' grazzja qabel ma tkun tapplika tqies li kien meħtieġ biex jagħti ċ-ċans lill-industrija tal-ikel tal-Unjoni biex taddatta ruħha għar-regoli l-ġodda). Din il-lista, li hi disponibbli wkoll f'bażi tad-dejta fuq l-internet (https://webgate.ec.europa.eu/sanco_foods/?sector=FAD), se tippermetti li l-konsumaturi, l-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-awtoritajiet tal-kontroll ikunu jistgħu faċilment jidentifikaw liema addittivi huma awtorizzati għal oġġetti tal-ikel speċifiċi.

It-tieni lista tirrigwarda l-addittivi fl-ingredjenti tal-ikel, bħalma huma addittivi oħra, enżimi, ħwawar u nutrijenti, u se tidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

It-twaqqif ta' dawn iż-żewġ listi huwa pass importanti fl-implimentazzjoni tar-regolament qafas ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 dwar l-addittivi tal-ikel adottat f'Diċembru tal-2008.

It-Trasparenza

It-trasparenza hija waħda mill-benefiċċji kbar tal-leġiżlazzjoni l-ġdida. L-użi awtorizzati tal-addittivi minn issa 'l quddiem qegħdin elenkati skont il-kategorija tal-ikel li miegħu jistgħu jinżiedu. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan huwa titjib importanti meta mqabbel mal-listi l-antiki li kienu mxerrdin ma' bosta annessi fi tliet direttivi differenti.

Pereżempju, il-lista l-ġdida tagħmilha ovvja li f'ċerti kategoriji tal-ikel, l-addittivi awtorizzati huma limitati ħafna, jew m'huma permessi xejn. Pereżempju, hekk hu l-każ tal-jogurt mingħajr ħwawar, tal-butir, tal-frott ippriżervat, tal-għaġin, tal-ħobż normali, tal-għasel, tal-ilma u tal-meraq tal-frott.

F'kategoriji oħrajn, il-biċċa l-kbira dawk li jikkonċernaw oġġetti tal-ikel li għandhom ħafna proċessar, - pereżempju l-ħlewwiet, snakks, zlazi u xarbiet imħawwra – huma awtorizzati għadd kbir ta' addittivi.

Barra minn hekk, il-lista tal-addittivi li jistgħu jinżiedu ma' addittivi oħrajn, ma' enżimi, ma' ħwawar u ma' nutrijenti se tiżgura wkoll li l-esponiment għall-addittivi permezz ta' dawn l-ingredjenti jibqa' limitat.

X'jinbidel iżjed bid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi l-ġodda?

Minbarra t-twaqqif ta' dawn iż-żewġ listi, il-leġiżlazzjoni l-ġdida tistipula wkoll dwar:

  • kundizzjonijiet iddeterminati bid-dettall li fihom jistgħu jinżiedu l-addittivi mal-ikel

  • kategorizzazzjoni tal-ikel bl-addittivi elenkati b'mod ċar skont il-kategoriji tal-ikel li miegħu jistgħu jinżiedu

  • programm għal rivalutazzjoni sħiħa tas-sikurezza tal-addittivi kollha awtorizzati

  • linji gwida u struzzjonijiet ċari għall-applikanti kollha li jitolbu użi ġodda ta' addittivi tal-ikel

Sfond ġenerali dwar l-addittivi

Il-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tal-addittivi tal-ikel ġew stabbiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fir-regolament ta' qafas tal-2008 u għadhom fis-seħħ. Dan ir-regolament iwaqqaf qafas ġenerali, il-prinċipji u l-miri li għalihom tirreferi l-leġiżlazzjoni speċifika għall-addittivi. Huwa jeħtieġ li l-użu tal-addittivi jkun sikur, li jkun ġustifikabbli teknoloġikament, li ma jqarraqx bil-konsumatur u li jġib miegħu l-vantaġġi u l-benefiċċji għall-konsumatur.

Valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi

F'Marzu tal-2010 l-Kummissjoni adottat programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel l-awtorizzati kollha. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) għandha tivvaluta mill-ġdid l-addittivi kollha sal-2020. Ir-rivalutazzjoni se tagħti prijorità skont id-data ta' meta addittiv speċifiku tal-ikel kien ġie vvalutat l-aħħar, skont id-disponibbiltà ta' tagħrif xjentifiku ġdid, skont kemm jintuża addittiv tal-ikel u l-esponiment tal-bnedmin għalih.

Il-koloranti tal-ikel qegħdin fl-ewwel post fil-lista prijoritarja. Diġà ġew rivalutizzati 17-il kulur. Il-Kummissjoni diġà pproponiet livelli ta' użu riveduti għal tlieta minnhom għaliex l-EFSA stmat li l-esponiment għal dawn l-addittivi jista' jkun wisq għoli għal ċerti gruppi ta' konsumaturi.

Minħabba li hemm tagħrif ġdid xjentifiku, l-aspartame, li huwa prodott li jagħti l-ħlewwa, ingħata prijorità ogħla, u se jiġi rivalutat sa Settembru tal-2012.

Linji gwida u struzzjonijiet

F'Marzu tal-2011, il-Kummissjoni adottat miżura li tispeċifika d-dejta meħtieġa għall-awtorizzazzjoni ta' użu ġdid għal addittiv. Din tinkludi dejta tossikoloġika għal valutazzjoni tar-riskju u tagħrif li juri li l-użu tal-addittiv huwa ġġustifikat mil-lat teknoloġiku, li jista' joffri l-benefiċċji għall-konsumatur, u li ma jqarraqx.

Biex tgħin lil dawk li jkunu jixtiequ japplikaw, il-Kummissjoni ħejjiet gwida prattika li hija disponibbli fl-internet (http://ec.europa.eu/food/food/fAEF/authorisation_application_en.htm). Din se tippermetti li l-applikanti jippreżentaw fajls kompluti li jkunu jistgħu jiġu ttrattati b'mod effiċjenti. Il-Kummissjoni hija konvinta li dan jista' jħeġġeġ l-innovazzjoni b'mod responsabbli min-naħa tal-Industrija tal-Ikel.

Eżempju ta' prodott innovattiv ta' dan it-tip huwa prodott naturali li jagħti l-ħlewwa, il-glikosidi tal-istevjol, li huma meħudin mill-pjanta Stevia ribaudiana. Illum il-Kummissjoni adottat ukoll regolament li jawtorizza l-użu ta' dan l-addittiv f'bosta kategoriji ta' ikel.

L-EFSA intalbet tassessa s-sikurezza ta' din is-sustanza. Hija kkonkludiet li din is-sustanza mhijiex karċinoġena jew ġenotossika u mhi assoċjata ma' ebda tossiċità riproduttiva jew tal-iżvilupp, u stabbiliet Doża Tollerabbli ta' Kuljum (Acceptable Daily Intake - ADI) ta' 4 mg/kg ta' piż tal-ġisem kuljum. Stimi konservattivi tal-esponiment għall-glikosidi tal-istevjol, kemm fil-kbar kif ukoll fit-tfal, jagħtu ħjiel li x’aktarx l-ADI tinqabeż fil-livelli ta’ użu massimu propost.

Biex ikun żgurat li l-esponiment tal-konsumaturi jkun sikur, l-użi u l-livelli ta' użu mitluba kellhom jiġu riveduti. Ir-regolament li ġie adottat illum jirrifletti r-riżultat ta' dan il-proċess.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit ta' hawn taħt:

http://ec.europa.eu/food/food/fAEF/index_en.htm

Contacts :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

1 :

L-addittivi tal-ikel huma sostanzi li jinżiedu mal-ikel għal diversi raġunijiet tekniċi – bħalma huma l-preżervazzjoni, l-istabbilizzazzjoni, il-kolorazzjoni u ż-żieda ta' ħlewwa.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website