Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/133

Brussell, is-7 ta' Frar 2011

Karozzi ġodda mgħammra bi dwal li jinxtegħlu bi nhar mil-lum

Mil-lum 'il quddiem, it-tipi ġodda kollha ta' vetturi tal-passiġġieri u l-vannijiet żgħar tal-kunsinna se jkollhom ikunu mgħammra bi Dwal li Jinxtegħlu bi Nhar.(Daytime Running Lights, DRL). It-trakkijiet u l-karozzi tal-linji se jsegwu b'dan 18-il xahar wara, jiġifieri f'Awwissu 2012. Dawn id-dwal li jinxtegħlu bi nhar huma fanali speċjali li jixegħlu awtomatikament malli tistartja l-magna. Huma mistennija jżidu s-sikurezza fit-toroq billi jżidu l-viżibbiltà b'mod sostanzjali tal-vetturi bil-mutur għal utenti oħra fit-triq. Huma għandhom ukoll rata baxxa ta' konsum ta' enerġija meta mqabbla mal-fanali eżistenti b'raġġ ta' dawl baxx (dipped-beam head lights). F'pajjiżi fejn id-DRL huma diġà obbligatorji dawn intlaqgħu bħala żvilupp ferm pożittiv fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, responsabbli għall-industrija u l-intraprenditorjia, stqarr: "Id-dwal li jinxtegħlu bi nhar se jkunu ta' kontribut importanti għall-mira tagħna li nnaqqsu l-għadd ta' korrimenti fit-toroq Ewropej. Din hija aħbar tajba wkoll għall-ħarsien tal-ambjent billi r-rati aktar baxxi ta' konsum ta' enerġija għandhom inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 meta mqabbla ma' dwal normali."

Fl-2009, aktar minn 35,000 ruħ sfaw vittmi fit-toroq Ewropej u, għal kull mewt, huwa stmat li erba' korrimenti wasslu għal diżabbiltà permanenti, għaxar persuni korrew gravi u 40 ġarrbu ġrieħi ħfief. Dawn iċ-ċifri qed jonqsu bis-saħħa ta' firxa ta' miżuri, inkluża teknoloġija aħjar ta' sigurtà għall-vetturi, infrastruttura għal toroq aktar sikuri u taħriġ imtejjeb għas-sewwieqa (ara IP/10/970).

Skont riċerka li saret dan l-aħħar dwar id-DRL, l-utenti tat-toroq, inklużi l-persuni mixjin fit-triq, iċ-ċiklisti u s-sewwieqa tal-muturi jistgħu jilmħu l-vetturi mgħammra bid-DRL b'mod aktar ċar u aktar malajr minn dawk mgħammra bil-fanali ta' quddiem b'raġġ ta' dawl baxx. Fil-vetturi mgħammra bid-DRL, id-dawl jinxtegħel awtomatikament malli tkun startjata il-magna. Meta jkun id-dlam is-sewwieq ikollu jixgħel id-dwal tas-sewqan manwalment. F'dan il-każ id-DRL jintfew awtomatikament.

Mill-aspett ambjentali, id-DRL huma soluzzjoni effettiva għat-titjib tal-viżibbiltà tal-vetturi. Billi t-teknoloġija hija mfassla biex tintuża matul il-jum hija ħafna iktar effettiva u effiċjenti mill-mezzi tad-dwal eżistenti. Il-konsum tal-enerġija huwa ta' madwar 25 – 30 % tal-konsum ta' dawl tas-sewqan standard. Meta jintuża l-LED (Light Emitting Doide) għad-DRL, il-konsum tal-enerġija jitnaqqas aktar għal 10 % biss.

Id-Direttiva 2008/89/KE dwar it-tagħmir obbligatorju ta' vetturi bid-DLR, li tidħol fis-seħħ il-lum, għandha tikkontribwixxi ferm għas-sikurezza fit-toroq Ewropej. Din se tarmonizza r-rekwiżiti nazzjonali dwar it-tagħmir obbligatorju tad-DRL għat-tipi l-ġodda ta' vetturi li sa issa kienu jvarjaw bil-kbir bejn l-Istati Membri tal-UE.

Aktar tagħrif:

Id-Direttiva 2008.89/KE u aktar tagħrif dwar id-DRL

Ir-Riċerka dwar id-DRL

Is-sikurezza fit-toroq fl-UE


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website