Navigation path

Left navigation

Additional tools

Rapport juri li l-mobbiltà tal-ħaddiema Bulgari u Rumeni għandha impatt pożittiv globali fuq l-ekonomika tal-UE

European Commission - IP/11/1336   11/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Rapport juri li l-mobbiltà tal-ħaddiema Bulgari u Rumeni għandha impatt pożittiv globali fuq l-ekonomika tal-UE

Brussell, il-11 ta' Novembru 2011 - Rapport ġdid li ġie ppubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea jenfasizza r-rwol pożittiv globali li kellhom il-ħaddiema mobbli mill-Bulgarija u r-Rumanija (UE-2) fl-ekonomiji tal-pajjiżi ta' destinazzjoni. Dawn il-ħaddiema kkontribwixxew għat-taħlita tal-ħiliet kif ukoll biex jimlew il-postijiet battala fis-setturi u l-impjiegi b'nuqqas ta' ħaddiema bħal pereżempju fil-bini u s-setturi tas-servizzi domestiċi u tal-ikel. L-istimi juru wkoll impatt pożittiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema Rumeni u Bulgari fuq il-PDG tal-UE fuq żmien twil, b'żieda ta' madwar 0.3 % għall-UE-27 (0.4 % għall-UE-15). L-istudji juru wkoll li ma kien hemm l-ebda impatt sinifikattiv fuq il-qgħad jew is-salarji tal-ħaddiema lokali fil-pajjiżi ta' destinazzjoni. Fl-UE-15 l-istudji juru li s-salarji huma, bħala medja, 0.28 % biss inqas minn dawk li kieku kienu jkunu mingħajr il-mobbiltà tal-UE-2. Ir-rapport jenfasizza wkoll li ma hemm l-ebda evidenza ta' użu żbilanċat tal-benefiċċji miċ-ċittadini tal-UE li huma mobbli fl-UE u li l-impatt tal-flussi reċenti fuq il-finanzi pubbliċi nazzjonali huwa negliġibbli jew pożittiv.

Waqt diskussjoni mal-ġurnalisti fil-marġni ta' konferenza fi Vjenna, László Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni enfasizza l-impatt pożittiv tal-mobbiltà filwaqt li żied jgħid: "Iċ-ċaqliq bejn il-pajjiżi joffri opportunitajiet reali u benefiċċji ekonomiċi kemm għall-pajjiżi ospitanti kif ukoll għall-UE inġenerali. Naraw li l-mobbiltà ġeografika tiddependi ħafna fuq ix-xejriet tal-ekonomija u fejn ikunu l-impjiegi." Huwa esprima wkoll ix-xewqa kbira tiegħu li jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha tas-suq tax-xogħol u żied jgħid: "Ir-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Ewropa mhijiex is-soluzzjoni għar-rata għolja ta' qgħad. Li rridu nagħmlu huwa li niffokaw l-isforzi tagħna fuq il-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ta' impjiegi."

Il-mobbiltà ta' wara t-tkabbir tal-UE setgħet ġabet magħha xi spejjeż ekonomiċi u soċjali għall-pajjiżi ta' destinazzjoni kif ukoll għall-pajjiżi ta' tluq li jitilfu l-kapaċità produttiva. Madankollu, il-Kummissjoni temmen li filwaqt li parti minn dawn l-ispejjeż jistgħu jitnaqqsu b'mod temporanju billi tiġi ristretta l-mobbiltà tax-xogħol, fi żmien aktar twil, l-iżbilanċi tas-suq tax-xogħol għandhom jiġu indirizzati permezz ta' politiki speċifiċi. L-evidenza turi li l-miżuri tranżitorji kellhom effett limitat fuq it-tqassim tal-mobbiltà tal-UE u li l-flussi huma influwenzati aktar minn fattur bħal pereżempju d-domanda għax-xogħol jew il-ħiliet lingwistiċi. L-esperjenza tat-tkabbir tal-2004 uriet ukoll li r-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema jista' jkollha effetti negattivi, bħal pereżempju żieda f'xogħol mhux iddikjarat.

Id-destinazzjoni ewlenija għal dawk li jiċċaqilqu mill-Bulgarija u mir-Rumanija kienet l-Italja u Spanja u d-dejta turi li, fi tmiem l-2010, l-għadd ta' Bulgari u Rumeni (2.9 miljuni) li kienu qed joqogħdu fl-UE-25 kien id-doppju meta mqabbel mal-2006. Fl-istess ħin, f'termini relattivi, iċ-ċittadini tal-UE-2 li joqogħdu fi Stat Membru tal-UE-25 jirrappreżentaw 0.6 % biss tat-total tal-popolazzjoni tal-UE-25. Is-sehem l-aktar kbir jinsab f'Ċipru (4.1 %), Spanja (2.2 %) u l-Italja (1.8 %). Barra minn hekk, ir-rata tal-impjieg fl-UE-2 (63 %) hija qrib dik tal-UE-25 (65 %). Madankollu, mir-riċessjoni ekonomika, iċ-ċittadini mill-UE-2 li waslu reċentement sabuha aktar diffiċli biex isibu impjieg: madwar 16 % kienu bla xogħol fl-2010, meta mqabbla ma' 9 % fl-2007. Li huwa ċar hu li l-persuni mill-UE-2 li ċċaqilqu reċentement kellhom rwol żgħir ħafna fil-kriżi tas-suq tax-xogħol li hija konsegwenza diretta tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, kif ukoll fil-problemi strutturali fis-suq tax-xogħol.

Ir-rapport tal-Kummissjoni se jservi bħala l-bażi li fuqha l-Kunsill se jwettaq reviżjoni fuq kif l-arranġamenti tranżitorji rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema Bulgari u Rumeni ħadmu fil-prattika.

Sfond

L-Att tal-Adeżjoni tal-2005 jippermetti lill-UE-25 li tirrestrinġi temporanjament l-aċċess liberu tal-ħaddiema mill-Bulgarija u r-Rumanija għas-swieq tax-xogħol tagħhom sabiex iħejju għall-mobbiltà sħiħa tax-xogħol fl-UE. Il-perjodu tranżitorju globali ta' seba' snin huwa mqassam fi tliet fażijiet:

L-ewwel sentejn: il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra tirregola l-aċċess tal-ħaddiema mill-Bulgarija u r-Rumanija għas-swieq tax-xogħol tagħhom.

It-tliet snin ta' wara: L-Istati Membri jistgħu jestendu l-miżuri nazzjonali tagħhom jekk jinnotifikaw lill-Kummissjoni qabel it-tmiem tal-ewwel fażi, inkella tapplika l-liġi tal-UE li tagħti moviment liberu tal-ħaddiema.

L-aħħar sentejn: Stat Membru li jibqa' jżomm il-miżuri nazzjonali fl-aħħar tat-tieni fażi jista', f'każ ta' tfixkil serju fis-suq tax-xogħol tiegħu, jew ta' theddida ta' dan u wara li jinnotifika lill-Kummissjoni, ikompli japplika dawn il-miżuri sat-tmiem tal-perjodu ta' seba' snin wara d-data tal-adeżjoni.

Fil-perjodu ta' seba' snin, klawżola ta' salvagwardja tippermetti lil Stat Membru jerġa' jdaħħal ir-restrizzjonijiet jekk ikun hemm tfixkil serju fis-suq tax-xogħol, jew theddida ta' dan.

It-tieni fażi attwali tal-arranġamenti tranżitorji se tintemm f'Diċembru 2011. Għaxar Stati Membri (BE, DE, IRL, FR, IT, MT, NL, AT, LU, UK) attwalment għadhom jirrestrinġu l-aċċess tal-ħaddiema mill-Bulgarija u r-Rumanija. Dawn jistgħu jżommu r-restrizzjonijiet wara l-31 ta' Diċembru 2011 biss jekk jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2011 dwar tfixkil serju (jew theddida ta' dan) fis-suq tax-xogħol. Il-ħaddiema Rumeni jiffaċċjaw restrizzjonijiet fl-aċċess tas-suq tax-xogħol Spanjol ukoll wara li l-Kummissjoni Ewropea approvat it-talba ta' Spanja biex tirrestrinġi s-suq tax-xogħol tagħha għall-ħaddiema Rumeni sal-31 ta' Diċembru 2012 minħabba tfixkil serju fis-suq tax-xogħol tagħha. (IP/11/960)

L-arranġamenti tranżitorji se jintemmu b'mod irrevokabbli fil-31 ta' Diċembru 2013.

Link għar-Rapport tal-KE dwar il-funzjonament tal-Arranġamenti Tranżitorji għall-Moviment Liberu tal-ħaddiema mill-Bulgarija u r-Rumanija: http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=7204&langId=en

Għal aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/social/free-movement-of-workers

Ara wkoll MEMO/11/773

Kuntatti:

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99)

Maria Javorova (+32 2 299 89 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website