Navigation path

Left navigation

Additional tools

Approvazzjoni oħra tal-kontijiet tal-UE; l-awdituri jsibu titjib f'ħafna oqsma ta' pagament

European Commission - IP/11/1332   10/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Approvazzjoni oħra tal-kontijiet tal-UE; l-awdituri jsibu titjib f'ħafna oqsma ta' pagament

Brussell, l-10 ta' Novembru 2011 - Għar-raba' sena konsekuttiva, il-kontijiet annwali tal-UE ġew approvati mill-awdituri esterni tagħha. Fir-rigward tal-infiq tal-UE, ir-rata ta' żball kumplessiva hija għal darb'oħra taħt l-4 %. Dan ifisser li l-maġġoranza l-kbira (mill-inqas 96%) tal-pagamenti totali magħmula fl-2010 ma kellhom ebda żball kwantifikabbli.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal: "Ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri jikkonferma li ninsabu fit-triq it-tajba, għalkemm dan ma jfissirx li se nnaqqsu l-isforzi tagħna biex nissalvagwardjaw il-baġit tal-UE. Bħalissa qegħdin nippreparaw il-ġenerazzjoni ta' fondi tal-UE li jmiss. Din hija opportunità biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-infiq tal-UE u biex ikollna aktar valur għall-flus mill-baġit tal-UE, speċjalment f'politiki ġestiti flimkien mal-Istati Membri. Hija wkoll opportunità biex nuru lil dawk kollha li jħallsu t-taxxi li l-Kummissjoni qiegħda tagħmel minn kollox sabiex tassigura li flushom qegħdin jiġu kkontrollati u minfuqa b'mod korrett.

Skont ir-rapport tal-Qorti, ir-riżultati għall-politiki ġestiti direttament mill-Kummissjoni qegħdin ikomplu jitjiebu, b'waqgħa kontinwa fir-rata ta' żball f'oqsma bħar-riċerka, l-għajnuna esterna, l-iżvilupp u t-tkabbir. Fl-agrikoltura, is-sitwazzjoni tibqa' stabbli, bil-livell ta' żball jibqa' qrib il-livell limitu stabbilit mill-Qorti. Pagamenti diretti lill-azjendi agrikoli, li ammontaw għal €39.7 biljun, ma kellhom ebda żball materjali.

Għall-politika ta' koeżjoni, fejn l-Istati Membri jiġġestixxu direttament proġetti biex jagħtu spinta lill-kompetittività u t-tkabbir f'reġjuni fl-Ewropa kollha, ir-rata ta' żball telgħat kemm kemm meta kkumparata mal-2009. Din iż-żieda fuq is-sena li għaddiet seħħet parzjalment minħabba l-fatt li ħafna programmi mibdija fis-snin ta' qabel kellhom jibdew jitħallsu mill-2010. Dan kien ifisser li pagamenti soġġetti għal regoli ta’ eliġibbiltà kumplessi żdiedu b’mod sostanzjali fil-volum meta kkumparati mas-sena ta’ qabel, u b’hekk ħolqu possibbiltà ikbar ta’ żbalji.

Madankollu, ir-rata ta' żball għall-politika ta' koeżjoni xorta waħda tinsab ħafna iktar baxxa mil-livelli rrapurtati mill-2006 sal-2008, b'mod partikolari bis-saħħa tat-titjib ġenerali tal-miżuri preventivi u korrettivi u d-dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qafas ta' ġestjoni u kontroll fil-perjodu ta' programmazzjoni kurrenti. Il-Kummissjoni tiffoka miżuri bħal dawn fuq l-Istati Membri u r-reġjuni fejn dawn l-iżbalji huma l-aktar frekwenti.

Is-sena l-oħra, il-Kummissjoni użat ripetutament il-miżuri korrettivi għad-dispożizzjoni tagħha, bħall-interruzzjoni u s-sospensjoni tal-pagamenti lill-Istati Membri, meta kellha dubji dwar kif kienu qegħdin jiġu użati l-flus. Pereżempju, fl-2010 l-Kummissjoni mblukkat temporanjament pagamenti b'valur ta'  EUR 2.15 biljun tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biss. Il-possibbiltà li jiġu interrotti l-pagamenti bdiet tintuża b'mod regolari mis-sena l-oħra u diġà ġiet applikata f'aktar minn mijiet ta' każijiet. Barra minn hekk, matul il-baġit kollu, EUR 1.55 biljun ġew irkuprati jew ikkoreġuti fl-2010 - żieda ta' 10 % fuq l-2009.

Fir-rigward tal-effettività tas-sistemi biex isibu l-iżbalji u jikkoreġuhom, il-Qorti tal-Awdituri tisħaq li għalkemm, għal ċerti kapitli, is-sistemi kienu meqjusa biss parzjalment effettivi, 90 % tal-iżbalji kollha identifikati fil-kampjuni tagħhom jinsabu barra l-Kummissjoni, fil-livell tal-benefiċjarji.

Sfond

L-iżbalji ma jfissrux li l-flus tal-UE huma mitlufin, moħlijin jew affettwati minn frodi. Meta l-Qorti tal-Awdituri tirreferi għal rata ta' żball, dan ifisser li ma kellux isir ħlas għaliex il-proġett ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex ikun "eliġibbli" għal għajnuna finanzjarja mill-UE jew għaliex seħħ xi żball fi proċedura relatata mal-proġett. Pereżempju. jista' jkun li regoli pubbliċi tal-akkwist ma ġewx segwiti kif għandu jkun, jew jista' jkun li kien hemm żbalji fil-kalkolu tal-ispejjeż. Fejn fil-fatt ikun hemm żbalji, jeżistu mekkaniżmi sabiex isibuhom u jikkoreġuhom u l-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tipproteġi l-baġit tal-UE / il-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxi.

Skont it-Trattat (l-Artikolu 317  TFUE), il-Kummissjoni timplimenta l-baġit fuq ir-responsabbiltà tagħha stess. Madankollu, permezz ta' ġestjoni konġunta (inklużi eż. l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali, il-politiki reġjonali u soċjali u l-programmi tas-sajd li jirrappreżentaw madwar 80 % tal-baġit tal-Unjoni), l-ewwel livelli ta' kontroll u ċekkjar jappartjenu lill-awtoritajiet nazzjonali. Huma jiddisinjaw u jimplimentaw is-sistemi tagħhom stess li huma soġġetti għall-awditjar tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri.

Il-Kummissjoni ħadet ħafna passi fil-proposti tagħha għall-ġenerazzjoni ta' programmi li jmiss (2014-2020) sabiex tippromwovi aktar il-ġestjoni tal-fondi tal-UE. Dawn jinkludu miżuri korrettivi aktar stretti jekk l-Istati Membri jonqsu milli jindirizzaw irregolaritajiet fil-ħin; sistema ġdida għas-sorveljanza tal-progress fil-kisba ta' miri stabbiliti; u qafas ġdid ta' kontroll li se jkun jeħtieġ awtoritajiet nazzjonali ta' ġestjoni biex jiffirmaw dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar il-kontijiet tagħhom. Barra minn hekk, fil-każ li l-Kummissjoni jew il-Qorti tal-Awdituri jsibu punti dgħajfa serji, qed jiġi propost li l-Kummissjoni tkun kapaċi tħassar ftit mill-kontribuzzjoni tal-UE lil programm, jew il-kontribuzzjoni kollha, u titlob irkupru minn Stat Membru. Dan ikun ifisser li l-Istati Membri jitilfu fondi tal-UE jekk jonqsu milli jidentifikaw u jikkoreġu irregolaritajiet qabel ma jissottomettu t-talbiet għal rimborż lill-Kummissjoni.

Il-passi li jmiss

Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kunsill se jipprovdi lill-Parlament Ewropew b'rakkomandazzjoni dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex tingħata kwittanza tal-baġit. Skont din ir-rakkomandazzjoni, f'Mejju 2012 il-Parlament Ewropew se jivvota dwar ir-riżoluzzjoni tal-kwittanza tagħha fir-rigward tal-baġit 2010.

MEMO/11/771

Contact :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website