Navigation path

Left navigation

Additional tools

Previżjoni tal-ħarifa 2011-13: It-tkabbir wieqaf

European Commission - IP/11/1331   10/11/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Previżjoni tal-ħarifa 2011-13: It-tkabbir wieqaf

Brussell, l-10 ta' Novembru 2011 – L-irkupru tal-ekonomija tal-UE waqaf. Fiduċja li naqset sew qed taffettwa l-investiment u l-konsum, tkabbir globali dgħajjef qiegħed iżomm lura l-esportazzjonijiet, u konsolidament fiskali urġenti qiegħed iħalli effett fuq id-domanda interna. Issa l-PDG fl-UE qiegħed jiġi pproġettat li ser jibqa' staġnat tul parti twila mill-2012. Il-tkabbir għall-2012 kollha huwa mbassar li ser ikun ta' xi ½%. Sal-2013 huwa mistenni li jerġa' jibda jkun hemm tkabbir kajman ta' 1½%. Mhuwa pproġettat l-ebda titjib reali fis-swieq tax-xogħol u l-qgħad huwa mbassar li ser jibqa' fil-livell għoli attwali ta' madwar 9½%. L-inflazzjoni tidher li ser terġa' tinżel taħt it-2% tul it-trimestri li ġejjin. Il-konsolidazzjoni fiskali hija mbassra li ser titjieb hekk kif id-defiċits pubbliċi jidhru li ser jonqsu għal kemm kemm aktar minn 3% sal-2013 dejjem jekk ma jinbidlux il-politiki.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Olli Rehn, qal: "It-tkabbir fl-Ewropa staġna u hemm riskju ta' reċessjoni ġdida. Filwaqt li l-impjiegi qed jiżdiedu f'xi Stati Membri, mhu previst l-ebda titjib reali fis-sitwazzjoni tal-qgħad fl-UE kollha. L-aktar fattur importanti fil-ħolqien u t-tkabbir tal-impjiegi huwa li tiġi restawrata l-fiduċja fis-sostennibbiltà fiskali u fis-sistema finanzjarja u li tingħata spinta lir-riformi biex jitjieb il-potenzjal tat-tkabbir tal-Ewropa. Jeżisti qbil wiesa' dwar il-pjan ta' azzjoni meħtieġ. Li għandna bżonn issa hija implimentazzjoni deċiża. Min-naħa tiegħi, jien ser nibda nuża r-regoli ġodda tal-governanza ekonomika, mill-ewwel ġurnata.'

It-tkabbir ekonomiku staġna

L-irkupru ekonomiku waqaf għal kollox. Issa huwa mistenni staġnar fil-PDG fit-trimestru attwali u dawk li ġejjin. Sa mis-sajf, il-prospettiva ħadet daqqa għall-agħar. Il-kriżi tad-dejn sovran fl-Istati Membri taż-żona euro xterdet, is-sostenibbiltà tad-dejn fl-ekonomiji avvanzati lil hinn mill-UE waqgħet ukoll fil-lenti tal-investituri u l-ekonomija globali tilfet il-momentum. Il-kumpaniji huma mistennija jippostponu jew jikkanċellaw l-investiment hekk kif il-prospettiva tat-tkabbir iċċajpret fost l-inċertezza li żdiedet. Huwa pproġettat li l-unitajiet domestiċi ser ikunu prudenti fil-konsum tagħhom, filwaqt li xi Stati Membri ser ikomplu jaħdmu biex inaqqsu l-livelli għoljin tad-dejn. Barra minn hekk, il-banek x'aktarx li ser jirrestrinġu s-self u b'hekk jillimitaw aktar il-prospetti għall-investiment u l-konsum. Il-konsolidazzjoni fiskali saret aktar urġenti hekk kif it-tħassib dwar is-sostenibbiltà sar aktar akut u nfirex lejn pajjiżi li s'issa ma kinux affettwati. Ekonomija reali li ddgħajfet, finanzi pubbliċi fraġli u settur finanzjarju vulnerabbli jidhru li qed jaffettwaw lil xulxin reċiprokament f'ċirku vizjuż. Il-konfidenza u t-tkabbir jirritornaw biss meta titwaqqaf din l-interazzjoni negattiva

Kollha flimkien, il-miżuri politiki deċiżi matul dawn l-aħħar xhur huma mistennija li jkunu effettivi biex inaqqsu l-inċertezza relatata mad-dejn sovran u l-kriżi tas-suq finanzjarju sa nofs l-2012 u dan gradwalment jistimula l-investiment u l-konsum li nżammu lura. It-tkabbir annwali fil-PDG fl-2012 huwa mbassar li jkun ta' 0.6% fl-UE u 0.5% fiż-żona euro. It-tkabbir fl-2013 huwa mistenni li ser jibqa' medjokri, b'1.5% fl-UE u 1.3% fiż-żona euro. L-ebda grupp ta' Stati Membri mhu ser jaħrab it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, iżda d-differenzi fit-tkabbir ser jippersistu.

Tkabbir mhux biżżejjed għal titjib fis-suq tax-xogħol.

It-tkabbir fl-impjiegi huwa mistenni li jonqos sa ma jieqaf għal kollox fl-2012. L-irpiljar fil-PDG li mistenni jibda fit-tieni nofs tas-sena d-dieħla huwa moderat wisq biex jirriżulta fi prestazzjoni tajba tas-suq tax-xogħol. Il-qgħad mhuwiex mistenni jonqos matul il-perjod tat-tbassir. Is-sitwazzjoni tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri ser tibqa' differenti b'mod sostanzjali.

Il-finanzi pubbliċi jibqgħu jitjiebu bil-mod

Fl-2011 saret il-bidla mill-istabbilizzazzjoni għall-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi. Ir-riżultati tad-defiċit fiskali tal-2011issa huma mbassra li ser ikunu 4.7% fl-UE u 4.1% fiż-żona euro. Fl-2012, id-defiċits huma pproġettati għal 3.9% fl-UE u 3.4% fiż-żona euro. Aktar miżuri probabbli ta' konsolidazzjoni iżda li għadhom mhux fis-seħħ ma tqisux fit-tbassir. Din is-suppożizzjoni teknika ta' nuqqas ta' bdil fil-politiki jista' jkollha effett akbar min-normal f'dan it-tbassir. Abbażi ta' din is-suppożizzjoni, il-proporzjon tad-dejn aggregat mal-PDG huwa mistenni li jilħaq massimu ta' madwar 85% fl-2012 u jistabbilizza ruħu fl-2013. Fiż-żona euro, il-proporzjon tad-dejn huwa pproġettat li ser ikompli jiżdied ftit matul il-perjodu tat-tbassir u jaqbeż id-90% fl-2012.

Tnaqqis tal-inflazzjoni

Il-prezzijiet tal-enerġija kienu r-raġuni ewlenija tal-inflazzjoni fl-2011. Peress li huma pproġettati li jonqsu gradwalment, l-inflazzjoni globali hija mistennija terġa' taqa' taħt it-2% fl-2012. Ekonomija persistenti debboli ser tkompli żżomm lura l-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet, filwaqt li l-pagi huma mistennija jiżdiedu biss moderatament.

Ir-riskji għandhom effett ħażin fuq il-previżjoni tat-tkabbir

Fid-dawl tat-tkabbir fraġli mistenni fil-PDG skont ix-xenarju bażi, ir-riskju ta' riċessjoni mhuwiex negliġibbli. Ir-riskji ewlenin ġejjin mit-tħassib dwar id-dejn sovran, l-industrija finanzjarja u l-kummerċ dinji. Hemm potenzjal għal interazzjonijiet dinamiċi negattivi: Tkabbir aktar kajman jaffettwa lid-debituri sovrani, li d-dgħufija tagħhom taffettwa s-saħħa tal-industrija finanzjarja.

Min-naħa l-oħra, il-fiduċja tista' tirritorna aktar malajr mis-suppożizzjoni attwali u b'hekk tistimula l-potenzjal għall-irkupru tal-investiment u l-konsum privat aktar kmieni milli mistenni. It-tkabbir globali jista' jkun aktar reżiljenti milli pproġettat fix-xenarju bażi u jipprovdi sostenn għall-esportazzjonijiet netti tal-UE. Finalment waqgħa akbar fil-prezzijiet tal-komoditajiet issaħħaħ id-dħul u l-konsum f'termini reali.

Ir-riskji għal prospettiva ta' inflazzjoni jidhru li huma ftit jew wisq ibbilanċjati.

Ir-rapport dettaljat jinsab fi:

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu/forecasts/2011_autumn_forecast_mt.htm

Contacts :

Amadeu Altafaj Tardio (+32 2 295 26 58)

Catherine Bunyan (+32 2 299 65 12)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website